Jista' l-Ministru jgħid jekk fadalx nurses li fil-preżent qegħdin jagħmlu non-nursing duties, u jekk hu l-każ, x' inhuma r-raġunijiet għal dan u x' qed isir biex kemm jista' jkun dawn ikollhom xogħolhom relatat ma nursing?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fid-Diviżjoni tas-Saħħa hemm għaxar (10) Nurses li fil-preżent mhux qed jagħmlu nursing duties. Dawn in-Nurses qed jaħdmu kif gej:
5 Nurses fid-Dipartiment tal-Health Information li huma responsabbli mis-sistema nazzjonali ta` informzzjoni f'każijiet ta` Mwiet, tal-Kanċer, ta` l-Anomalija Konġenitali, tal-Maternita` u tat-Trapjant ta` Organi.
2 Nurses fid-Dipartiment tal-Health Information li qed jagħmlu xogħol ta` trainers fis-sistemi tal-komputers.
1 Nurse huwa mpjegat fid-Dipartiment tal-Policy and Planning li qed jaħdem fuq ir-riforma fil-qasam tas-Saħħa.
1 Nurse li qed jagħmel xogħol part-time fl-ispiżerija ta` l-Out Patient fl-Isptar San Luqa.
1 Nurse tiġbor informazzjoni fi-Dipartiment tal-Maternita` fl-Isptar San Luqa dwar Survey mitlub mill-WHO. Din l-informazzjoni tintbagħat lid-Dipartiment tal-Health Information.
Iż-żewġ Nurses li qed jagħmlu xogħol ta` trainers kienu ġew magħżula għal dan ix-xogħol wara sejħa ta` applikazzjoni.
Il-kumplament qed jagħmlu xogħol li għalkemm mhux direttament relatat ma nursing huwa xogħol fejn il-'background' professjonali tagħhom huwa rilevanti.
Jista' l-Ministru jikkonferma meta s-segwenti persuni daħlu jaħdmu bħala security fl-Isptar:
M.Camilleri - Punch Card No. 71
A. Bugeja - Punch Card No. 51
E.Schembri - Punch Card No. 200
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li s-Sur M. Camilleri (Security Guard Nru. 71) daħal jaħdem bħala Security fil-11 ta` Jannar 1993, is-Sur A. Bugeja (Security Guard Nru. 51) fl-20 ta` Mejju 1991 u s-Sur E. Schembri (Security Guard Nru. 200) fl-20 ta` Mejju 1991. Dan ta` l-aħħar irtira mis-Servizz bl-eta` fl-20 ta` Diċembru 2000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm school medical officers impjegati full time? Jista' jgħid u jispjega jekk hux sodisfatt bil-mod ta' kif qed jiffunzjona l-ischool medical services? Jaf il-Ministru li tfal li jibdew l-iskola għall-ewwel darba mhux qed ikunu eżaminati perjodikament, lanqas m'huma eżaminati medikament meta jaslu biexjidħlu f'junior school, bil-konsegwenza li difetti fi siegh, vizjoni, scolosis u undescended testicles qed jiġu skartati fi stadju kmieni? Il-Ministru biħsiebu jirrimedja?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Bħal issa s-School Health Service timpjega sitt tobba full time, tabib ieħor part-time, disgħa infermiera u tabib li jmexxi dan is-servizz. Dawn jipprovdu servizz ta` tilqim fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-Gvern kollha u fl-iskejjel tal-Knisja, servizz ta` sorveljanza u promozzjoni tas-saħħa fl-iskejjel primarji kollha tal-Gvern u tal-knisja u servizz ta` tilqim u sorveljanza fl-iskejjel speċjali. L-iskeda ta` sorveljanza li tintuża hija dik irrakomandata mill-British Paediatric Association.
F'din l-iskeda, it-tfal ta` bejn it-tlett u l-ħames snin isirilhom eżami mediku li jinkludi 'screening' tal-vista u s-smiegħ, ta` l-iżvilupp, u eżami ġenerali. Il-vista terġa` tiġi eżaminata fl-eta` ta` tmien snin u ta` tnax-il sena. Ir-rakomandazzjoni ta` 'screening' għall-iskoljożi mhix waħda li sempliċiment tinvolvi 'screening' mediku imma tinvolvi edukazzjoni tal-PE teachers u tal-ġenituri biex jindunaw b'dan id-difett kemm jista` jkun kmieni. It-teams mediċi ta` l-iskejjel jeżaminaw id-dar tat-tfal bħala parti minn eżami fiżiku ta` dawk it-tfal li jaraw bħala parti mir-rutina. Huwa fatt aċċettat li f'kull programm ta` 'screening' jkun hemm tfal li jew ma jattendux waqt it-testing jew it-test ma jkunx sensittiv biżżejjed li jaqbad lil dawk kollha li għandhom difett. Minbarra hekk it-teams jaraw dawk it-tfal fl-iskejjel Primarji li jiġu rreferuti minħabba problemi fit-tagħlim, fl-imġieba jew fl-iżvilupp.
Fil-kas tat-tfal, il-proċess ta` eżami mediku ta` sikwit huwa kunċett antik u ħafna studji juru li proċess ta` sorveljanza huwa aktar effettiv meta jsir f'ċerti 'key ages'. Dan huwa proċess li jinvolvi mhux biss lit-tobba u l-infermiera imma wkoll l-għalliema u dawk kollha li jiġu f'kuntatt mat-tfal fl-iskola. Għalhekk id-dipartiment jorganizza 'inservice training' u kampanji għall-promozzjoni tas-saħħa fl-iskejjel.
Jista' l-Ministru jgħid kemm l-ispezzjoni fuq impjegati fid-dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tiegħu saru matul din is-sena? Min qed ikun inkarigat minn dan ix-xogħol u kemm hemm impjegati li qed jaħdmu bħala jew iservu ta' inspectors?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta` spezzjonijiet li saru fid-Dipartiment ta` din id-Diviżjoni matul din is-sena huwa 253.
In-numru ta` mpjegati li qed iservu bħala "Inspectors" huwa tnejn u dawn jaqgħu taħt id-dipartiment tar-Riżorsi Umani.
Jista' l-Ministru jgħid peress li fl-inħawi tal-Malta Diary Products fil-Ħamrun hemm akkumulazzjoni ta' raw milk li jiġbed insetti u ġrieden, tista' ssir xi ħaġa dwar dan?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li spezzjonijiet minn uffiċċjali ta` dan id-Dipartiment isiru fuq bażi regolari ġewwa l-MDP, kif ukoll fl-inħawi tal-fabbrika. Għaldaqstant ninforma li għalkemm waqt l-ispezzjonijiet ma` nstab l-ebda akkumulu ta` ħalib nej, ġie nnotat li l-gullies fil-'vehicle wash up area' huma parzjalment miżduda w allura, jibqa` xi għadajjar ta` ilma wara l-ħasil ta` t-trakkijiet u bowsers. L-MDP diġa` ġew infurmati sabiex tittieħed l-azzjoni neċessarja biex tali sitwazzjoni tiġi remedjata.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 28311, jista' l-Ministru jinfurmani xahar b'xahar kemm kienet il-kwantita' ta' larinġ li ddaħlet fl-isptar Monte Carmeli bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-kwantita` ta` larinġ li ddaħħlet fl-Isptar Monte Carmeli bejn Jannar u Settembru ta` din is-sena huma kif indikat fit-tablla muriha hawn taħt:
2001
Jannar 3503kg
Frar 2795kg
Marzu 3778kg
April 2848kg
Mejju 2912kg
Ġunju 3856kg
Lulju NIL
Awissu NIL
Settembru NIL
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 28311, jista' l-Ministru jinfurmani xahar b'xahar kemm kienet il-kwantita tal-provista' tal-laring li daħlet fl-isptar San Luqa bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-ammont ta` larinġ li nxtara għall-Isptar San Luqa bejn Jannar u Settembru ta` din is-sena kien hekk:
XAHAR
Kgs
Jannar
4,157
Frar
3,725
Marzu
10,228
April
4,900
Mejju
2,592
Ġunju
5,000
Lulju
1,040
Awissu
180
Settembru
-
TOTAL
31,822
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-bilanċi tal-pagamenti pendenti li għandu l-Ministeru tas-Saħħa ma' ditti farmaċewtiċi f'pajjiżna? Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji separatament, ditta, ditta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-ammonti ta` pagamenti pendenti li l-Ministeru tas-Saħħa għandu ma ditti farmaċewtiċi sat-23 t'Ottubru 2001 ditta, ditta huma kif jidhru fil-paġni li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm impjegati dipartimentali fid-divizjoni tas-saħħa irreżenjaw u rtiraw mis-settur pubbliku matul din is-sena? Jista' l-jgħid f'liema grad kienu dawn u jekk bdietx il-proċedura biex il-postijiet battala jimtlew?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta` mpjegati fid-Diviżjoni tas-Saħħa li rreżenjaw u rtiraw matul din is-sena huwa ta` mija u għaxra (110).
Tobba 16
Dentisti 2
Spiżjara/Pharmacy Technician 7
Infermiera 25
Paramediċi 7
Klerikali 12
Awżiljari 14
Industrijali 18
Gradi oħra 9
-------------------
110
-------------------
Inbdew proċeduri biex f'xi gradi jintlew il-postijiet vakanti.
Jista' l-Ministru għas-saħħa jgħid x' policy għandu d-Dipartiment tas-Saħħa dwar min għandu dritt jieħu l-injection ta' l-influwenza b' xejn miċ-Ċentri tas-Saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Persuni li huma intitolati sabiex jieħdu l-vaċċin ta` kontra l-influwenza mingħajr ħlas miċ-Ċentri tas-Saħħa huma:
Persuni li huma rikoverati jew li jgħixu f'istituzzjonijiet
Persuni li għandhom aktar minn 65 sena
Persuni li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa
Persuni ta` kull eta` li jbatu minn:
mard kroniku tal-Pulmun
mard kroniku tal-Qalb
mard kroniku tal-Fwied
mard kroniku tal-Kliewi
Ażma kronika
Dijabete u
Immunodefiċenza
Jista' l-Ministru jara li tittieħed azzjoni immedjata sabiex tiġi mrażżna l-invażjoni tal-ġrieden fid-djar tan-nies fl-inħawi ta' The Catacombs, Rabat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li minn stħarriġ li għamlu l-uffiċċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika fuq l-ilment ta` ġrieden fil-viċinanzi tal-Katakombi tar-Rabat, irriżulta li l-problema ta` ġrieden qiegħda toriġina minn stabbiliment abbandunat fl-istess żona. Peress li m'hijiex proċedura normali li jintefa` velenu f'postijiet privati mingħajr il-kunsens tas-sid, id-Dipartiment ħa il-passi neċessarji sabiex instab is-sid. Dan ingħata l-velenu neċessarju li tpoġġa fil-post indikat. Il-problema ser tibqa` tiġi segwita sakemm tiġi kkontrollata.
1 Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' impjegati kollha grad bi grad u dipartiment b' dipartiment, li huma ingaġġati bħala konsulenti, part timers, casuals jew b' xi kuntratt ta' xogħol fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu?
2 Kemm huwa l-ħlas/remunerazzjoni li qiegħed jirċievi kull impegat?
3 Min awtorizza tali impieg?
4 Hemm xi benefiċċji oħra marbuta ma' tali impieg?
5 Hemm minnhom xi impjegati li uffiċjalment spiċċaw mis-servizz tal-Gvern bl-eta'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qiegħda tinġabar. Tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tas-sinjura peress li qalulha li persuni fuq il-35 sena ma jkunux intitolati għal free sticks tad-diabete kif jkunu dawk ta' taħt il-35 sena?
Tikkonferma li r-regolamenti hekk qegħdin u jekk iva ma taħsibx li dawn għandhom jiġu reviewed biex ma ssirx diskriminazzjoni kontra persuni diabetiċi ta' kull eta' li qed ikollhom joħorġu dawn l-ispejjeż minn buthom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ta` natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.
Rigward ir-regolamenti, l-pożizzjoni ma tbiddletx minn dik mogħtija fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 26392 f'seduta 554.
Jista' l-Ministru jinfurmani xi żviluppi kien hemm dwar il-proposta pendenti tal-kommunita tar-Rabat, Mtarfa u l-Baħrija l-madwar sabiex isir ċimiterju ġdid?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li s-sitwazzjoni ma nbidlitx minn kif kien ġie rrapurtat fil-mistoqsija parlamentari numru 24062. Id-Dipartiment għadu qiegħed jistenna rakomandazzjonijiet mingħand l-Awtorita` ta` l-Ippjanar u d-Dipartiment ta` l-Artijiet dwar post alternattiv.
Għaldaqstant, ninforma li jkun aktar opportun jekk l-Onorevoli Interpellant jirreferi tali mistoqsija lill-Ministri responsabbli għal tali Awtoritajiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti fl-isptar Monte Karmeli? Jista' jgħid kemm minnhom għandhom permess li f'xi jum jingħaqdu mal-familja? Min jista' jibbenefika minn dan?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni meta tinġabar ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm lokalitajiet f' Malta fejn l-anzjani jridu jinqdew għall-pilloli miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gzira?
Jaf li hemm nies li ġieli imorru fil-queue fis-6 ta' filgħodu minħabba l-għadd kbir ta' nies li jkun hemm biex jinqdew?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-lokalitajiet f'Malta li jaqgħu taħt is-servizz taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira huma: Gżira, Sliema, San Ġwann, San Ġiljan, Msida, Pembroke, Swieqi u Ta` Xbiex.
Minn ftit ġranet 'l hawn is-sitwazzjoni ġewwa l-ispiżerija taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira tranġat għax żdied in-numru ta` impjegati f'din l-ispiżerija.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni li jinħareġ l-avviż tal-Gvern dwar servizzi ta' għoti ta' injections għall-influwenza fiċ-Ċentri tas-Saħħa ta' Malta u Għawdex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-avviż tal-Gvern dwar servizzi ta` għoti ta` injections għall-influenza fiċ-Ċentri tas-Saħħa inħareġ nhar il-Ġimgħa 12 t'Ottubru 2001.
Jista' l-Ministru jgħid għalkemm wieħed jawgura li t-theddida tal-użu tal-Anthrax f' pajjiżna hija waħda remota, tistgħax tgħid jekk il-Gvern Malti għandux ilqugħ mħejjija għal kontra din it-tħeddida?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat illi d-Diviżjoni tas-Saħħa flimkien mall-Ministeru ta` l-Intern qed iżżomm ruħa aġġornata dwar is-sitwazzjoni internazzjonali u qed tieħu dawk il-passi neċessarji għal kull eventwalita` ta` theddida kontra l-anthrax li tista` tolqot lil pajjiżna.