Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm hemm kontijiet pendenti mal-Maltacom plc mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw dawn il-kontijet?
Response (BORG, TONIO)
Sakemm ma ningħatax raġuni `l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali kadetti bħalissa fil-kors li qed isir fl-Akkademja tal-Pulizija? Kemm bdew il-kors? Kemmhemm minn spiċċa qabel iż-żmien? Għaliex? meta se jiggradwaw u jidħlu għax-xogħol ta' spetturi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi oriġinarjament kien hemm 22 uffiċjal kadett fil-kors li preżentement huwa għaddej fl-Akkademja tal-Pulizija. Pero` kien hemm 2 uffiċjali kadetti li waqfu mill-kors minn jeddhom. Huwa mistenni illi dan il-kors jintemm f`Lulju.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-kuntratt ma' l-persuna li ddettalji tagħha jidhru separatament għal akkwist tal-propjeta li ilu joqgħod fiha madwar 23 sena? Jista'jgħid wkoll x'inhuma r-raġunijiet għal dan id-dewmien
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kuntratt ta` bejgħ tar-residenza msemmija, lill-persuna ndikata separatament, ma jistax isir għalissa peress li s-sidien ta` l-art fejn tinsab din ir-residenza ma aċċettawx il-prezz ta` l-esproprju u l-każ qiegħed quddiem il-Bord ta` l-Arbitraġġ sabiex jiffissa l-prezz hu, u għalhekk il-Gvern għadu ma sarx proprjetarju tar-residenza in kwestjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm mwiet kawża ta' overdose tad-droga, sena b'sena, mis-sena 1990 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Dwar it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar, 1990, sat-30 t’April 2001, nirreferih għat-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 7712 u Nru. 25214.
Għall-perijodu bejn l-1 u l-15 ta’ Mejju, 2001, ninsab infurmat illi kien hemm każ wieħed.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 25620, jista' l-Ministru jikkonferma li in kwantu għal dawk il-priġunieri barranin li kienu nstabu ħatja u ġew ikkundannati għal priġunerija għal reati ta' pussess, importazzjoni u traffikar ta' droga, l-Gvern ikkunsidra favoreloment li jiskuntaw l-bqija tal-kundanna f'ħabsijiet ġewwa pajjiżhom
Response (BORG, TONIO)
Fost il-priġunieri Libjani ssentenzjati fil-ħabs ta` Malta li talbu biex jiġu trasferiti f`pajjiżhom ħalli jkomplu s-sentenza tagħhom f`ħabs hemmhekk, u li huma eliġibbli skond il-ftehim bilaterali li jeżisti bejn iż-żewġ pajjiżi, hemm sebgħa (7).
Minn dawn il-Gvern ma sabx oġġezzjoni għal erbgħa li jiskontaw is-sentenza tagħhom fil-ħabs fil-Libja skond Ftehim tal-1994 dwar Trasferiment ta` Priġunieri, wara li ġew approvati mill-Pulizija li jistgħu jiġu trasferiti. Xorta iżda jonqos il-kunsens tal-Gvern Libjan. Mingħajr dal-kunsens, it-trasferiment ma jistax isir.
Kien hemm ukoll żewġ talbiet oħra minn priġunieri Olandiżi taħt il-Konvenzjoni Ewropeja dwar it-Trasferiment ta` Priġunieri għal trasferiment għal ħabs f`pajjiżhom, iżda l-każ tagħhom għadu qed jiġi kkunsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapurtati serqiet minn djar, stabbilimenti, każini etc f'Ħaż-Żebbuġ xahar b'xahar matul is-sena 1999, 2000 u sal-15 ta' Mejju 2001?
Kemm kienu dawk li inqabdu red-handed jew xi żmienijiet wara b'konnessjoni ma' dan is-serq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-1999 u fis-sena 2000, minn Ħaż Żebbuġ ġew irrappurtati 81 u 141 serqa rispettivament, filwaqt li din is-sena, sal-15 ta` Mejju, ġew irrappurtati 33 serqa.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi kien hemm żewġ persuni akkużati quddiem il-Qorti in konnessjoni ma` tnax-il każ ta` serq minn residenzi u każ ieħor ta` serq ta` karozza.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-posizzjoni ta' personnel fl-għassa tal-Pulizija fi Triq il-Parroċċa, Ħaż-Żebbuġ?
Din l-istation għandha għad-dispożizzjoni tagħha vettura sabiex taqdi l-esigenzi pubbliċi tal-personnel kif wkoll bħala ronda matul il-jum/lejl kollu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija li jkunu ddettaljati xogħol fl-għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant huma stazzjonati fid-distrett tal-Pulizija numru 2, li minnu din l-Għassa tifforma parti. Infurmat ukoll illi dan id-Distrett għandu tlett vetturi assenjati.
Jista' l-Ministru jgħid minn meta ġiet mgħoddija il-liġi minn dan il-parlament dwar il-propjeta ta' l-għadu, kien hemm xi rispons minn individwi jew pajjiżi li tkun tista' tappartieni lilhom?
Jista' l-Ministru jgħid lil min ġiet mikrija dar fi Triq San Ġwann, Siġġiewi li hija propejta tal-Gvern? Għal kemm żmien ġiet mikrija? Kemm hija l-kera kull sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Uffiċċju Konġunt jamministra diversi proprjetajiet fi Triq San Ġwann, Siġġiewi. Għalhekk nitlob lil Onorevoli Interpellant biex jispeċifika n-numru tal-fond li qed jirreferi għalih.
Jista' l-Ministru jagħti dettlaji ta' kemm ġew reġistrati fir-Reġistru Pubbliku xahar b'xahar fl-2000; (1) ipoteki legali; (2) noti ta' riferenzi; (3) noti ta ipoteka; (4) noti ta' insinwa; (5) noti ta' causa mortis; (6) ipoteka rinovata; (7) subbasti; (8) separazzjoni personali; (9) company notices; (10) ammonti totali ta' debiti reġistrati; (11) ammont totali ta' bejgħ; (12) ammont totali ta' tpartit; (13) ammont totali ta' enfitewsi perpetwa; (14) ammont totali ta' enfitewsi temporanja; u (15) ammont totali ta' trasferimenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għal dak li jirrigwardja r-Reġistru Pubbliku f`Malta, hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll illi t-tagħrif mitlub li jikkonċerna r-Reġistru Pubbliku f`Għawdex għadu qed jinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemm xi applikazzjoni quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex titħalla tikber miżbla fl-inħawi bejn iż-Żebbiegħ u Għajn Tuffieħa?
Kif se tikkunsidra din l-applikazzjoni l-Awtorita u xi studji ta' impatti ambjentali se jsiru qabel taċċetta din l-applikazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi quddiem l-Awtorita` ta` l-Ippjanar hemm applikazzjoni pendenti (PA 700/01) għal kostruzzjoni ta` Waste Disposal Depot. Dan jikkonsisti f`sit fejn fih jinġabar l-iskart b`mod organizzat u temporanju, sabiex wara jiġi trasferit jew lejn il-Magħtab jew għal riċiklaġġ. L-Awtorita` ta` l-Ippjanar tikkunsidra din l-applikazzjoni fid-dawl ta` policies stabbiliti u tagħti każ ta` kunsiderazzjonijiet ambjentali, u tiżgura li l-iżvilupp iħalli l-inqas impatt fuq l-ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' serqiet li ġew irrapurtati lill-pulizija f'dawn l-ewwel tlett (3) xhur ta' din is-sena:
1) Mid-djar
2) Ta' Vetturi
3) Minn Vetturi
4) Serq ieħor
Kemm minn dan ġie solvut?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 23502, Nru. 24191 u Nru. 25117, ninsab infurmat illi fil-perijodu speċifikat in-numru ta` każi solvuti kien ta` 251.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena kemm il-persuna li kienet imfittxija permezz tal-interpol minn xi pajiż ieħor instabet fil-gżejjer Maltin? Min kienu l-persuni u x'passi ittieħdu fil-konfront tagħhom? Meta l-persuni intbagħtu lejn il-pajjiż li kien qiegħed ifittixhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma kompjuterizzata.
Jista' l-Ministru jara li għalqa mitluqa li hemm fit-tarf ta' Triq Alessio Erari, Zabbar jittella madwarha ħajt, skond kif titlob il-liġi u dan sabiex jitnaqqas il-periklu li hemm bil-kwantita kbira ta' ġrieden li hemm?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kelliex rapporti dwar din l-art imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Madankollu l-Pulizija avzat lis-sid sabiex jerga' jittella dan ic-cint. Il-Pulizija avzat ukoll lill-Ispettur Sanitarju dwar dan l-ilment.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena min huma l-persuni rrapurtati nieqsa mill-pajjiż ħareġ avviz dwarhom permezz tal-Interpol? Meta dawn il-persuni kienu rrapurtati nieqsa? Hemm persuni li kienu rrapurtati nieqsa li nstabu? Fejn instabu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli.