Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea — Żjarat f'pajjiżna

Question

Jista' il-Ministru jgħid tul ix-xhur ta' Mejju u Ġunju sarux żjarat f'Malta minn uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea biex jimmoniterjaw il-pjan ta' ħidma tal-gvern biex iħejji lil pajjiżna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea? X'irriżulta minn dawn iż-żjarat, jekk saru?

Response (BORG, JOE)

Iż-żjarat magħmula minn uffiċċjali ta-Kummissjoni Ewropea matul Mejju u Ġunju kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant huma is-segwenti: 06 - 08 May 2003 Peer Review on Integrated Administration and Control System 09 - 13 June 2003 Food and Veterinary Office Mission on Public and Animal Health Issues 10 - 12 June 2003 Peer Review on Trade Mechanisms 11 - 13 June 2003 Peer Review on Paying Agency 17 - 20 June 2003 Food and Veterinary Office Mission on animal Welfare 25 - 27 June 2003 Monitoring Visit - Taxation Dawn iż-żjarat servew sabiex il-Kummissjoni Ewropea setgħet tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni ta' l-acquis ta' l-Unjoni Ewropea f'Malta f'oqsma partikolari skond is-suġġett ta' kull żjara.

Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea — Żjara f'pajjiżna

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk matul Lulju ta' din is-sena hemmx maħsuba xi żjara f'Malta minn uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea biex jevalwaw il-pjan ta' ħidma li jrid isegwi l-gvern biex iħejji lil pajjiżna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, JOE)

Bħalma ġara bosta drabi oħra fil-passat, aktar tard din il-ġimgħa, Monitoring Mission mill-Kummissjoni ser tkun Malta sabiex tara kif Malta qed timplimenta l-liġijiet Ewropej f'numru ta' oqsma magħżula mill-istess Kummissjoni u dak li qed isir biex nikkonformaw rwieħna ma' l-acquis ta' l-Unjoni; u inoltre sabiex jekk jiġu identifikati xi diffikultajiet, kif tista' tinstab soluzzjoni għalihom. Nixtieq insemmi wkoll li, minbarra l-Monitoring Missions, il-Kummissjoni regolarment tibgħat nies speċjaliżżati fuq Peer Reviews biex jevalwaw dak li qegħdin nagħmlu sabiex naddattaw rwieħna adegwatament għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Leg 10 PQ #841 Sitting 20 2003-07-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxaturi Maltin

Question

Hemm xi tibdiliet ikkontemplati fil-livell tal-ambaxxaturi Maltin residenti barra l-pajjiż? Jekk iva, min huma dawn u x'inhuma l-postings involuti?

Response (BORG, JOE)

Il-perjodu li matulu Ambaxxatur Malti jintbagħat iservi f'Missjoni barra minn Malta, f'ċirkostanzi normali, itul bejn wieħed u ieħor tliet snin. Qabel dan il-perjodu jagħlaq, il-Ministeru jiddeċiedi jekk huwiex konsiljabbli li tingħata estensjoni, jew li l-posting jiġi terminat u l-individwu jirritorna Malta, jew li l-Ambaxxatur konċernat jintbagħat fuq posting ġdid ġo pajjiż differenti. Dan l-eżerċizzju imbagħad jiġi konfermat permezz tal-ħruġ ta' Posting Order li telenka id-deċiżżjonijiet li jittieħdu fir-rigward ta' kull uffiċċjal li qed iservi barra minn Malta, sew dawk fuq livell ta' Ambaxxaturi u oħrajn. Bħalissa, il-Ministeru tiegħi qed iħejji għall-ħruġ ta' Posting Order bħal din. Jekk l-Onorevoli Interpellant ikun jixtieq kopja ta' din il-Posting Order jien inkun dispost ngħaddihielu malli toħroġ.

Karozzi mixtrija/mikrija — Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Question

Kemm inxtraw karozzi ġodda jew huma fil-proċess li jinxtraw u kemm, jew mikrija jew huma fil-proċess li jinkrew mit-12 ta' April ta' din is-sena sal-lum mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u d-Dipartimenti, korporazzjonijiet, entitajiet, eċċ li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin? Kemm fil-fatt huwa n-numru totali ta' karozzi mixtrija u mikrija mid-dikasteri li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin?

Response (BORG, JOE)

Mit-12 t'April 2003 inxtrat karozza waħda biss għall-użu tad-Direttur tar-Relazzjonijiet Bilaterali. Dan skond il-kundizzjonijiet tal-Performance Agreement tiegħu. In-numru totali ta' karozzi mixtrija li l-Ministeru tçgħi għandu huwa ta' 58, li jinkludu l-karozzi uffiċjali fl-Ambaxxati ta' Malta barra minn Malta. Inoltre il-Ministeru għandu 3 karozzi mikrija li kçnu diġa mikrija qabel it-12 t'April 2003.
Leg 10 PQ #751 Sitting 19 2003-07-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Karozzi tal-Ministeru — Fleet managment system

Question

Huwa minnu li saret proposta biex ikun hemm sistema elettronika dwar fleet managment system sabiex jiġu utilizzati aħjar il-karozzi tal-Ministeru? Kemm intefaq matul is-sena 2002 f'kiri, leasing u xiri ta' karozzi - separatament?

Response (BORG, JOE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 10 PQ #692 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ħaddiema — Bażi kuntrattwali

Question

Min huma n-nies li qed jaħdmu fuq bażi kuntrattwali fid-dipartiment għall-Affarijiet Ekonomiċi fil-Ministeru tiegħek u xi ħlas qed jieħdu għas-servizzi tagħhom?

Response (BORG, JOE)

Id-Dipartiment għall-Affarijiet Ekonomiċi u Kulturali fi ħdan il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin huwa kompost mis-Sur Carmel Galea, is-Sur Edwin Abela u s-Sur Oliver Xuereb. Is-Sur Galea jitħallas salarju ekwivalenti għal Skala 5 għall-impjegati tas-Servizz Pubbliku, filwaqt li s-Sur Xuereb jitħallas salarju ekwivalenti għal Skala 11 ta' l-istess struttura. Is-Sur Edwin Abela huwa uffiċċjal pubbliku fil-livell ta' Senior Principal. Dan id-Dipartiment ġie mwaqqaf biex jgħin u jiffaċilita attivitajiet diversi barra minn Malta, meta dawn jinħtieġu servizzi mill-Ambaxxati Maltin. Huwa wkoll xogħol ta' dan id-Dipartiment li jinkoraġġixxi u jikkoordina attivitajiet promozzjonali barra minn Malta, meta dawn jinħtieġu parteċipazzjoni fuq skala nazzjonali aktar minn waħda settorali. Matul dawn l-erbgħatax-il xahar li ilu mwaqqaf, dan id-Dipartiment ħadem għat-twaqqif ta' l-Uffiċċju Kummerċjali Malti u Konsulat Ġenerali fil-belt ta' Dubai. B'kooperazzjoni mal-METCO, il-Kamra tal-Kummerċ, u diversi Ambaxxati Maltin, iffaċilita viżti f'Malta minn gruppi barranin interessati f'kummerċ ma' operaturi Maltin, kif ukoll għen lill-MDC torganiżża diversi laqgħat promozzjonali fi bliet barranin. Bl-għajnuna ta' Ambaxxati Maltin, u ażjendi nazzjonali bħal Heritage Malta, id-Dipartiment organiżża wkoll manifestazzjonijiet u esebizzjonijiet Maltin fl-ibliet ta' Sevillja, Madrid, Aragona, Kopenhagen, Stokkolma, Helsinki, Strasbourg, New York, Ateni u Ruma. Dawn il-promozzjonijiet kienu fuq skala nazzjonali, li fihom ħadu sehem diversi gruppi ta' artisti Maltin, u li ħallew benefiċċji tanġibbli. Naf żgur li l-Onorevoli Interpellant jaqbel, iżjed u iżjed issa bħala main spokesperson għall-Affarijiet Barranin, li r-rwol tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin fil-ġurnata' ta' llum m'għandux ikun limitat għad-dimensjoni purament politika u diplomatika, iżda għandu jieħu ħsieb biex jippromwovi lil Malta f'kull aspett, b'aħjar użu ta' l-Ambaxxati tagħna f'pajjiżi esteri għal dan il-għan.
Leg 10 PQ #693 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Cultural Scientific and Technical Agreements

Question

Kemm hemm pajjiżi li magħhom il-Gvern Malti għandu Cultural Scientific and Technical Agreements? Kemm minnhom jipprovdu għal mixed commission? Kemm saru laqgħat ta' din ix-xorta u ma'liema Gvernijiet saru?

Response (BORG, JOE)

Fil-preżent, Malta għandha 26 ftehim ma' daqstant pajjiżi dwar kooperazzjoni fil-qasam kulurali u / jew xjentifiku, edukattiv, jew tekniku, li huma kollha in vigore. Minn dawn, 14 jipprovdu għat-twaqqif ta' kummissjoni jew kumitat imħallat bejn iż-żewġ naħat. Dawn l-oqsma ta' kooperazzjoni qed jiġu diskussi jew fl-ambitu ta' kummissjoni mħallta speċifika kif provduta fl-imsemmija ftehim, bħall-każ tal-kummissjoni ma' l-Italja (ltaqgħet 11-il darba), ma' Franza (iltaqgħet 3 darbiet), Spanja (iltaqgħet 6 darbiet), u l-Ġermanja (iltaqgħet 5 darbiet), inkella fl-ambitu ta' kummissjoni mħallta ġenerali, bħalma hu l-każ mal-Libja, mat-Tuneżija u ma' l-Eġittu, jew inkella permezz ta' komunikazzjonijiet diplomatiċi biex jiġu konklużi Programmi ta' attivitajiet kulturali eċċ, bħalma hu l-każ maċ-Ċina, mal-Kuwajt, mar-Russja u mas-Slovenja.
Leg 10 PQ #694 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Skambji

Question

Xi skambji kien hemm mas-Sawdi Għarbija mill-2001 sal-lum?

Response (BORG, JOE)

Ir-relazzjonijiet bejn Malta u r-Renju ta' l-Għarabja Sawdita' huma politikament tajbin tant li l-Ministeru tiegħi u l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Għarabja Sawdita' formalment qablu li għandhom isiru laqgħat ta' kull sena fejn uffiċċjali għolja jkollom taħdidiet dwar ir-relazzjonijiet bilaterali, koperazzjoni reġjonali u temi oħra ta' nteress komuni. Għal dan il-għan, nhar il-5 ta' April 2003, ġie ffirmat f'Rijad, Memorandum dwar Konsultazzjonijiet Politiċi. Permezz ta' dan il-ftehim hu ttamat li ż-żewġ naħat jieħdu inizjativi sabiex ikomplu jissaħħu r-rabtiet ta' ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi. Fil-preżent, iż-żewġ pajjiżi qed jiddiskutu għadd ta' proposti ta' koperazzjoni ta' natura politika, ekonomika, kummerċjali u kulturali.
Leg 10 PQ #695 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Organizazzjoni internazzjonali — Karigi

Question

Kien hemm xi kandidatura prospettiva ta' personalita Maltija għall-kariga f'organizazzjoni internazzjonali li ġiet irtirata wara li l-gvern Malti ġie mgħarraf li ma kellhux l-appoġġ tal-pajjiż tal-UE?

Response (BORG, JOE)

Nikonferma li s-sena l-oħra il-Gvern Malti irtira l-kandidatura li kien għamel f'Novembru, 2001 tas-Sur Anthony Debono għall-kariga ta' Segretarju Ġenerali ta l-Għaqda Internazzzjonali tat-Telekommunikazzjoni. L-informazzjoni li ingħata l-Onorevoli Interpellant li din il-kandidatura ġiet irtirata wara li l-Gvern Malti ġie mgħarraf li ma għandux l-apoġġ tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea mhijiex korretta. Il-kandidatura ġiet irtirata għax ftit wara li r-Rappreżentant Permanenti Malti f'Ġinevra issottometta l-kandidatura tas-Sur Debono għal din il-kariga, huwa nforma lill-Ministru kkonċernat li l-persuna li diġa' kienet fil-kariga, u li kien ser jgħaddilha t-terminu tagħha, kienet għadha fl-ewwel terminu tagħha u li l-prassi kienet li persuna għandha sservi għal żewġ termini qabel ma tiġi kkuntestata minn kandidati oħra. Kien fid-dawl ta' din l-informazzjoni li l-Gvern iddeċieda li jirtira l-kandidatura tas-Sur Debono. Nixtieq nieħu din l-okkażżjoni biex ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul il-leġiżlatura ta' qabel din, id-Direttorat Multilaterali, flimkien ma' diversi Ambaxxati tagħna f'pajjiżi oħra, ħadmu bi sħiħ u b'suċċess fuq kandidaturi Maltin bħal per eżempju biex Malta tkun membru fuq il-Kunsill tal-Organiżżazzjoni Internazzjonali Marittima, u għall-karigi fit-Tribunal Internazzjonali Kriminali għal dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava, u għall-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti. Għal kull waħda minn dawn il-Kandidaturi il-Gvern Malti kellu l-appoġġ ta' numru sabiħ ta' pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea, apparti l-appoġġ ta' diversi pajjiżi oħra.

Traduzzjoni bil-lingwa Maltija — Kostituzzjoni Ewropea

Question

Jista' il-Ministru jgħid min kienu dawk in-nies jew dik id-ditta li ħadet ħsieb li jiġi tradott bil-lingwa Maltija l-abbozz tal-kostituzzjoni Ewropea? Jista' jgħid x'pagamenti tħallsu għal din il-biċċa xogħol? Jista' jgħid ukoll minn fejn saru l-pagamenti, jekk hux minn mill-Unjoni Ewropea jew minn Malta?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kienet l-Unjoni Ewropea li ħadet ħsieb tikkuntratta sabiex issir traduzzjoni tal-Kostituzzjoni Ewropea. Dwar it-tieni domanda, il-Gvern m'għandux informazzjoni ta' kemm tħallsu flus sabiex saret din it-traduzzjoni. Li nista ngħid biss hu li l-Gvern Malti la ħareġ u lanqas ġie mitlub joħroġ xi flus għal din it-traduzzjoni.
Leg 10 PQ #556 Sitting 14 2003-06-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ġappun — Assistenza teknika

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kenux ġew finalizzati t-taħdidiet mal-JICA expert dispatch programme tal-Ġappun sabiex nirċievu assistenza teknika mill-gvern Ġappuniż?

Response (BORG, JOE)

Il-Japanese International Co-operation Agency (JICA), l-aġenzija tal-Gvern Ġappuniż responsabbli mill-implimentazzjoni ta' programmi ta' kooperazzjoni teknika, ilha sa mill-aħħar tat-tmeninijiet tipprovdi 'l Malta assistenza teknika fuq bażi regolari. Kienu diversi dawk il-Maltin li matul is-snin ibbenefikaw minn din l-assistenza b'korsijiet ta' taħriġ f'oqsma varji ta' attivita' u ta' studju. L-expert dispatch programme hija skema tal-JICA responsabbli biex tipprovdi u tibgħat esperti Ġappuniżi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'oqsma ta' attivita' li jinħtiġilhom l-assistenza esperta tagħhom. Is-sena l-oħra, l-Gvern ta' Malta għażel li jissottometti disa' proposti għal assistenza esperta ta' dan it-tip għan-nom ta' diversi dipartimenti u korporazzjonijiet governattivi. Ir-rikjesta għadha qed tiġi ikkunsidrata mill-Awtoritajiet Ġappuniżi li, f'Mejju li għadda, ngħataw informazzjoni ulterjuri konnessa ma' dawn il-proposti, liema informazzjoni hija intiża sabiex tgħinhom jistudjaw aħjar ir-rikjesta mill-Gvern ta' Malta. Nispera li nkun f'pożizzjoni ninforma lill-Onorevoli Interpellant f'qasir żmien bl-eżitu ta' din ir-rikjesta għall-assistenza teknika.
Leg 10 PQ #550 Sitting 13 2003-06-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Londra — Pazjenti Maltin għall-kura

Question

B'kollox kemm kien hemm pazjenti Maltin li telgħu Londra għall-kura u li ngħataw għajnuna jew appoġġ mis-sezzjoni medika fil-kummissjoni Ingliża ta' pajjiżna f'Londra fis-snin 2001 u 2002?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sezzjoni medika fil-Kummissjoni Għolja Maltija f'Londra tat l-għajnuna kollha meħtieġa lil 360 pazjent Malti flimkien ma' skorta ta' 524 persuna oħra bejn tobba, infermiera u qraba matul l-2001 u lil 341 pazjent Malti flimkien ma' skorta ta' 446 matul l-2002.
Leg 10 PQ #551 Sitting 13 2003-06-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Spanja/Malta — Mixed commission

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqgħet il-mixed commission bejn Malta u Spanja mill-bidu tas-sena 2001 sal-lum u x'kienu s-suġġetti diskussi?

Response (BORG, JOE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn meta kien iffirmat il-Ftehim Kulturali bejn Malta u Spanjna fl-1976, il-Kummissjoni Mħallta prevista taħt il-provvedimenti ta' l-istess Ftehim, iltaqgħet sitt darbiet biex tiddiskuti u tibni programmi ta' kooperazzjoni fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, kultura, xjenza, teknoloġija u komunikazzjonijiet. Is-sitt sessjoni tal-Kummissjoni Mħallta ltaqgħet f'Madrid f'Mejju tal-2000 u qablet fuq programm ta' attivitajiet li jkopru s-snin 2000-2002. Il-perijodu li matulu il-Programm kellu jibqa fis-seħħ gie awtomatikament estiż sakemm il-Kummissjoni Mħallta taqbel li tifformula programm ġdid fis-sessjoni li jmiss. Dan il-programm jipprovdi, fost oħrajn, għal boroż ta' studju.
Leg 10 PQ #552 Sitting 13 2003-06-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Spanja — Ftehim ta' koperazzjoni turistika

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx ġie ffirmat il-ftehim ta' koperazzjoni turistika mal-gvern Spanjol li dwaru hemm riferenza fir-rapport ta' ħidma tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin għas-snin 2001 u 2002?

Response (BORG, JOE)

Il-ftehim għal kooperazzjoni fil-qasam tat-turiżmu bejn iż-żewġ Ministeri rispettivi tat-turiżmu għadu ma ġiex iffirmat. Id-delegat Spanjol li kellu jżur Malta f'Novembru li għadda sabiex jiffirma il-ftehim minn naħa ta' Spanja fil-fatt ma' setax jiġi f'Novembru u għalhekk il-Gvern Malti u dak Spanjol issa qed ifittxu l-okkażjoni xierqa biex dan iseħħ fl-iqsar żmien.
Leg 10 PQ #553 Sitting 13 2003-06-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Euromed focal points

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm euromed focal points fil-ministeri kollha? Minn min huwa kompost id-dipartiment tal-Mediterran fi ħdan il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin?

Response (BORG, JOE)

Id-Dipartiment responsabbli għall-inizjattivi u attivitajiet tal-Mediterran fi ħdan il-Ministeru tiegħi huw kompost minn Ambaxxatur irtirat mis-Servizz li huwa impjegat fuq bażi kontrattwali u li għandu rwol ewlieni bħala EuroMed Coordinator, flimkien ma' żewġ uffiċċjali pubbliċi fil-Klassi Diplomatika. Tul il-ftit snin li ilu mwaqqaf, id-Dipartiment niseġ firxa ta' tmintax-il focal point fil-Ministeri kollha tal-Gvern, b'mod li jintlaħqu l-interessi b'dimensjoni Mediterranea ta' kull wieħed minn dawn il-Ministeri.
Leg 10 PQ #554 Sitting 13 2003-06-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Malta/Tuneżija — Kunsill kummerċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx twaqqaf il-kunsill kummerċjali bejn Malta u t-Tuneżija li dwaru hemm riferenza fir-rapport annwali aħħari tal-ministeru tiegħu?

Response (BORG, JOE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi f'Ottubru tal-2001, il-Gvernijiet ta' Malta u tat-Tuneżija rrikkmandaw it-twaqqif ta' kunsill kummerċjali sabiex jgħin fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet u skambji kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi. Għalkemm il-kunsill propost sallum għadu ma twaqqafx, qed isiru konsultazzjonijiet mad-dipartimenti u entitajiet konċernati sabiex jiġu stabbiliti l-proċeduri relevanti għat-twaqqif ta' dan il-kunsill.
Leg 10 PQ #555 Sitting 13 2003-06-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Malta/Tuneżija — Memorandum fuq konsultazzjonijiet politiċi

Question

Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-memorandum fuq konsultazzjonijiet politiċi bejn il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ta' Malta u dak tar-Repubblika tat-Tuneżija?

Response (BORG, JOE)

Kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum dwar konsultazzjonijiet bejn il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta' Malta u dak tat-Tuneżija, li kien iffirmat fl-10 ta' Mejju tal-2001 u li daħal fis-seħħ fl-istess data.
Leg 10 PQ #545 Sitting 12 2003-06-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Delegazzjoni mir-Repubblika tal-Korea — Żjara f'Malta

Question

Billi f'Lulju, 2001 kienet żaret Malta delegazzjoni mir-Repubblika tal-Korea biex tiddiskuti l-kandidatura tagħha biex tospita Expo 2010, jista' il-Ministru jgħid x'pożizzjoni ħa l-gvern Malti?

Response (BORG, JOE)

Kienu diversi d-delegazzjonijiet mill-Korea li żaru Malta fis-snin 2001 u 2002 bl-intenzjoni li jitolbu appoġġ għall-kandidatura ta' pajjiżhom biex jospita l-EXPO 2010. Fl-istess żminijiet, żaru wkoll Malta delegazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn, bħal dawk mir-Russja u miċ-Ċina, li kellhom bliet li kienu kandidati biex jospitaw din l-eżibizzjoni. Tul iż-żjara uffiċċjali tiegħu fiċ-Ċina f'Ottubru 2002, il-Prim Ministru Malti kien għarraf uffiċċjalment lill-Gvern Ċiniz li l-Gvern ta' Malta kien se jagħti l-appoġġ għall-kandidatura Ċiniża għal dan l-avveniment. Matul is-132 Assemblea Ġenerali tal-Bureau International des Expositions (BIE), li ltaqgħet f'Monaco bejn it-2 u t-3 ta' Diċembru 2002, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħi wettaq din id-deċiżjoni billi xeħet il-vot ta' Malta għaċ-Ċina. B'maġġoranza assoluta, id-delegati tal-BIE dak in-nhar kienu għażlu li EXPO 2010 jiġi ospitat mill-belt Ċiniża ta' Shanghai.
Leg 10 PQ #546 Sitting 12 2003-06-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Pajjiżi membri tal-Commonwealth — Laqgħa dwar l-użu u t-tħaddim ta' l-informatika

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'follow-up kien hemm għall-proposta tal-Prim Ministru Malti fil-laqgħa tac-CHOGM tas-sena l-oħra biex jonqos id-distakk fl-użu u t-tħaddim ta' l-informatika fost il-pajjiżi membri tal-Commonwealth?

Response (BORG, JOE)

Il-proposta tal-Prim Ministru Malti dwar id-distakk fl-użu u t-tħaddim ta' l-informatika fost il-pajjiżi membri tal-Commonwealth fil-fatt kienet saret f'laqgħa tal-Commonwealth High Level Review Group li kienet inżammet fi New York f'Settembru tas-sena 2000. Permezz ta' din il-proposta, s-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth kien intalab sabiex jorganiżża grupp ta' esperti fuq l-informatika sabiex jeżamina din il-problema, u jipproponi metodi u attivitajiet li permezz tagħhom ikun jista' jitnaqqas id-distakk fl-użu ta' l-informatika fil-pajjiżi tal-Commonwealth. Ir-rapport li tlesta ġie addottat mill-Prim Ministri fil-laqgħa taċ-CHOGM li saret fi Brisbane f'Marzu tas-sena l-oħra. Ir-rakkomandazzjonijiet li saru f'dan ir-rapport qed jiġu attwati mis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth. Din il-materja se tkompli tiġi diskussa matul il-laqgħa li jmiss taċ-CHOGM li se tinżamm fin-Niġerja f'Diċembru 2003.
Leg 10 PQ #547 Sitting 12 2003-06-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Studenti — Boroż ta' studju

Question

B'kollox kemm ġew offruti boroż ta' studju lil studenti fuq livell post-universitarju fis-snin 2001 u 2002? Minn liema pajjiżi kienu?

Response (BORG, JOE)

Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-boroż ta' studju offruti minn pajjiżi barranin u li ġew fil-fatt utiliżżati minn studenti Maltin. F'dan is-sens, jiena nfurmat illi, fis-sena 2001, 39 student Malti bbenefikaw minn boroż ta' studju fuq livell post-universitarju offruti mill-Gvernijiet tal - Belġju Ċina Ċipru Repubblika Ċeka Eġittu Franza Ġappun Ġermanja Indja Italja Malasja Renju Unit Russja Singapore Spanja Stati Uniti ta' l-Amerika Tuneżija Fis-sena 2002, kienu 46 l-istudenti Maltin li bbenefikaw minn boroż ta' studju simili li ġew offruti mill-pajjiżi imsemmija qabel, kif ukoll mill-Gvernijiet tal - Greċja Irlanda Korea ta' Isfel Svezja.