Jista' il-Ministru jgħid kemm fih flus il-kont tat-turiżmu u l-kultura, li kien wieħed mill-kontijiet li tħabbar fid-diskors tal-budget 2004?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onor interpellant li sakemm jitwaqqaf il-makkinarju neċessarju biex jinfetaħ dan il-kont, il-fondi meħtieġa qed jinħarġu mill-fond konsolidat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' lukandi li matul l-2003, 2004 u 2005 bdew u qed jiġu konvertiti f'appartamenti f'Malta u Għawdex separatament? Liema kienu dawn il-lukandi u kemm kienu jaħdmu ħaddiema globalment?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onor interpellant għar-risposti li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru 8240 u għal Mistoqsija Parlamentari Nru 10394.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' turisti li żaru l-Imdina u r-Rabat matul l-2003 u l-2004 separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li minn studji maħruġa mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta huwa stmat li, fis-sena 2004, madwar 764,070 turist żaru l-Imdina u r-Rabat.
Din it-tip ta’ informazzjoni ma teżistix għas-snin ta’ qabel.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma fil-preżent is-siti li fihom isir skavar għal fdalijiet arkeoloġiċi f'Malta u Għawdex? Min huma l-persuni responsabbli minn din il-missjoni u kemm minnhom huma ta' nazzjonalita' barranija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li għas-sena 2005, is-Sovrintendenza għall-Patrimonju Kulturali ħarġet żewġ permessi għal-skavar arkeoloġiku.
Dawn huma:
1) Dipartiment ta' l-Arkeoloġija ta' l-Universita` ta' Malta
Direttur - Prof Anthony Bonanno
Permess għal xogħol ta' skavar fis-sit arkeoloġiku ta' Tas-Silġ, Marsaxlokk
2) Missione Archeologica Italiana
Direttur - Professor Maria Rossignani (Universita` La Cattolica, Milano)
Permess għal xogħol ta' skavar fis-sit arkeoloġiku ta' Tas-Silġ, Marsaxlokk u f'dak ta' San Pawl Milqi, Burmarrad
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 9763, seduta 217, jista' il-Ministru jgħid jekk il-pjan sabiex jitnaqqas kull inkonvenjent lir-residenti minħabba l-attivitajiet li jsiru issa ġiex implimentat kollu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi saru partijiet sostanzjali minn dan il-pjan, fosthom tbiddel bieb u dan sar soundproof ukoll. Ġie ordnat ieħor u mistenni li jitwaħħal fix-xhur li ġejjien. Sal-31 ta' Mejju 2005 se titbiddel is-sistema ta' l-arja kondizjonata filwaqt li sa l-aħħar tas-sena kurrenti ser ikunu tbiddlu numru ta' aperturi li jagħtu għal fuq Triq Pozzi u dawn ser isiru soundproofed u bid-double glazing.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi ħadd mill-bord ta' Dar il-Mediterran waqt attivita' li saret is-Sibt 2 ta' April li baqgħet sejra sas-2.30 a.m. ta' l-għada b'mużika għolja li kienet ta' inkonvenjent għar-residenti tal-madwar? Jista' il-Ministru jara li dak li r-residenti ġew imwiegħda skond risposta ta' mistoqsija parlamentari 9763, seduta 217, iseħħ għax skond ir-residenti jidher li l-affarijiet għadhom l-istess, u assolutament ma sar xejn? Jista' il-Ministru jikkonferma dan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda membru tal-bord jattendi l-attivita' tas-Sibt 2 ta' April 2005. Naturalment jekk l-Onor interpellant għandu informazzjoni mod ieħor nitolbu jgħaddijieli.
Ma naqbilx ma' l-Onor interpellant li ma sar xejn minn dak li kien indikat fit-tweġiba li tajt għal-Mistoqsija Parlamentari numru 9763.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9763 jista' il-Ministru jgħid meta se jiġu stallati l-air conditioners tat-tip silent? Fejn se jitwaħħlu? Kif se jonqos l-inkonvenjent lir-residenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-air-conditioners ġew ordnati wara li ġie konkluż il-proċess kollu tas-sejħa għall-offerti, u mistennija jkunu f'posthom fis-sala La Vallette sal-31 ta' Mejju 2005.
L-inkonvenjent għar-residenti huwa mistenni li jonqos għal żewġ raġunijiet. L-ewwel raġuni hi li t-tip ta' makkinarju li nxtara huwa l-aktar tip silent li jeżisti fis-suq sa llum. It-tieni raġuni hi għaliex iċ-ċhillers ser jiġu rilokati minn fejn jinsabu preżentement għal fuq il-bejt ta' Dar il-Mediterran.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx ikkonsultati l-entitajiet turistiċi, inkluż il-ministeru, dwar dredging li se jsir fil-bajja tas-Salini fl-istaġun turistiku? Jaqbel il-Ministru li jsir dan ix-xogħol, li inevittabbilment se jħammeġ il-bajja fl-istaġun turistiku?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li dan id-dredging hu tkomplija tal-proġett biex jitnaddaf is-sikkorsju li hemm madwar is-Salini. Dan is-sikkorsju hu kanal li jippermetti ċ-ċirkolazzjoni tal-baħar madwar is-Salini, liema kanal ġie mblukkat mill-ħaxix.
Minħabba n-natura tax-xogħol kif ukoll minħabba l-fatt li l-blockage jikkostitwixxi periklu għal dawk il-familji li jiffrekwentaw il-Kennedy Grove, ġie deċiż li jkun aħjar li dawn ix-xogħlijiet jitwettqu bħalissa.
Dawn ix-xogħlijiet għandhom il-permessi meħtieġa mill-M.E.P.A.
Tista' il-Malta tourism authority tagħmel l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa biex tara jekk ir-ristorant - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - għandux il-kċina kif suppost biex minnha ma joħorġux irwejjah qawwija fl-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
B'żieda għal tweġiba parlamentari 10290, jista' il-Ministru jgħid jekk:-
id-dipartimenti u l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu jagħtux xi għajnuna lil għaqdiet volontarji u organizzazzjonijiet mhux governattivi, fi kwalunkwe forma, bħalma huma għotjiet ta' flus, materjal, użu ta' proprjeta', self ta' ħaddiema, benefiċċji minn skemi, eżenzjonijiet, eċċ.?
Jekk fl-affermattiv: (a) lil liema għaqdiet u organizzazzjonijiet; b) kenitx għotja ta' darba biss jew tingħata perjodikament; u (c) kemm hu stmat li tiswa l-għajnuna?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10600, jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul f'termini ta' flus, għall-istess snin fil-gżira ta' Għawdex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Kif ġie indikat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 10600, nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ċifri dwar id-dħul f'termini ta' flus mis-settur tat-turiżmu jinżammu għal Malta u Għawdex flimikien. Għaldaqstant, ċifri uffiċjali għal Għawdex waħdu ma jeżistux.
Jista' il-Ministru jikkunsidra li jżid aktar ix-xogħlijiet ta' restawr u tindif ta' siti storiċi fir-Rabat Malta? Fid-dawl tal-fatt li mill-miljun turist li jżuru l-gżejjer tagħna, madwar 800,000 iżuru r-Rabat u l-Imdina, jista' il-ministeru jniedi programm ta' xogħlijiet immedjatament, issa li spiċċaw ix-xogħlijiet ta' restawr fil-Villa Rumana?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jqies il-lokalitajiet tar-Rabat u l-Imdina bħala żewġ lokalitajiet li jgħollu l-livell tal-prodott turistiku ta’ pajjiżna.
Dan il-Ministeru se jipprepara pjan li jelenka b’mod prijorizzat ix-xogħlijiet li jridu jsiru f’dawn il-lokalitajiet. Pjani simili ser isiru għal zoni turistiċi oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi se tieħu s-sovrintendenza tal-wirt kulturali tagħna dwar l-applikazzjoni li hemm quddiem il-MEPA 092/2004 in vista tal-wirt kulturali fl-inħawi, fosthom cart ruts, li għandhom bżonn li jiġu protetti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ħadet passi sabiex l-Awtorita’ għall-Ambjent u għall-Ippjanar ta’ Malta tgħaddilha l-informazzjoni relevanti fuq l-applikazzjoni għall- iżvilupp numru 092/2004.
Din l-informazzjoni u investigazzjonijiet oħra, ser iservu biex, jekk hu l-każ li hemm ħwejjeġ arkeologiċi fuq is-sit ta’ l-applikazzjoni, is-Sovrintendenza tieħu passi necessarji biex dawn ikunu protetti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm mistennija jiftħu lukandi ġodda fix-xhur li ġejjin, jiġifieri sa l-aħħar ta' din is-sena? Kemm mistennija jimpjegaw ħaddiema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta tiegħi għall-mistoqsija numru 9757. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, ma tinżamx statistika speċifika f'dak is-sens.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk ingħatatx jew hemmx il-ħsieb li tingħata xi concession fil-bajja ta' San Ġorġ u jekk fl-affermattiv, jekk din ingħatatx jew se tingħata lil-lukanda li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament jew l-operaturi tagħha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tender ħareġ mid-Dipartiment ta' l-Artijiet. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, din għandha ssir lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hawn lukandi fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005? Kemm kienu jimpjegaw ħaddiema f'kull sena u anke din is-sena? Kemm-il lukanda talbet u għamlet estensjoni fil-bini fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u din is-sena, 2005?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' lukandi li kien hawn fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005 u n-numru ta' dak il-lukandi li talbu li jagħmlu estensjoni huwa kif ġej:
Sena
Numru ta’ Lukandi u
Aparthotels
Numru ta' Sodod
Numru ta’ Estensjonijiet
2000
183
39,704
6
2001
176
39,188
10
2002
154
37,627
7
2003
166
41,003
10
2004
164
40,185
9
2005
151
38,303
-
Fir-rigward ta' l-impjegati fil-lukandi ma tinżamx statistika speċifika imma ninforma lill-Onor interpellant li dawk l-impjegati li jaqgħu taħt it-tabella Hotels and Catering Establishmentsgħas snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, huma ta' 9260, 9033, 9014, 9008 u 9009 rispettivament. Dawn huma skont informazzjoni meħudha mill-publikazzjonijiet maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika. Dawn iċ-ċifri huma kollha għal-perjodu tax-xitwa.