Legislature:
Category:
Reset
Active:

Is-Swieqi – volum ta’ tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm ingħata volum ta' tarmak fit-toroq ta' Swieqi, sena sena, mill-2013, 'l hawn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Birżebbuġa u l-Qajjenza – proġett tal-promenade — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-promenade ta’ Birżebbuġa u l-Qajjenza?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess għal dan il-proġett inħareġ min-naħa tal-Awtorita’ tal-Ippjanar u bħalissa Transport Malta qiegħda għaddejja bil-preparamenti biex jinħareġ t-tender għax-xogħlijiet. Ix-xogħlijiet min-naħa ta’ Transport Malta se jinkludu l-bini tal-ħajt tal-promenade u l-kostruzzjoni tat-triq li jinkludi wkoll it-tqegħid ta’ servizzi. Il-finishing se jsir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u Infrastruttura (WID) u ser tinħareg tender għal dan ix-xogħol mid-Dipartiment tal-Kuntratti fil-ġranet li ġejjin.

Ix-Xlendi – Skalli – dgħajjes

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17964 u r-risposta sussegwenti, jista’ l-Ministru jgħid għalkemm għaddew disa' xhur mir-risposta li ngħatat, fl-iskall tad-dgħajjes li hemm ix-Xlendi Għawdex għad hemm dgħajjes li ilhom ma jiġu varati l-baħar snin twal flimkien ma’ diversi karrijiet battala u għalhekk sajjieda li jixtiequ jpoġġu d-dgħajjes tagħhom f’dan l-iskall mhux qed isibu spazju?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li tajt struzzjonijiet lil Transport Malta, irriżulta li l-iskall in kwistjoni ma jaqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ l-Awtorita’. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – Port tal-Mġarr – irmiġġi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu rmiġġi ġodda fil-Port tal-Imġarr f’Għawdex mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li kien hemm sajjieda li tneħħilhom l-irmiġġ mill-port tal-Imġarr f’Għawdex? Jekk fl-affermattiv, x' kienet ir-raġuni li dawn is-sajjieda tneħħielhom l-irmiġġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 ġew kreati sitt irmiġġi wara organizazzjoni aħjar tal-istess irmiġġi. Infurmat li ma kien ebda sajjied li tneħħielu l-irmiġġ tiegħu.

Ta’ Xbiex Junction – nuqqas ta’ Road Markings

Question

Ma jaħsibx il-Ministru, li x-xogħlijiet li saru fiż-żona ta' Ta' Xbiex Junction u x-xatt bejn il-Gżira u Tas-Sliema huwa nieqes minn road markings u sinjali tat-traffiku adegwati biex jidderieġu lis-sewwieqa skont is-sistema tat-traffiku li ġiet implimentata fl-aħħar ġimgħat?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tkun iżjed speċifika dwar liema road markings u sinjali tat-traffiku (jew in-nuqqas tagħhom) qiegħda tirreferi.

Ħ’Attard – Triq Dun Mikiel Xerri – water culverts

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk jistgħux isiru water culverts fi Triq Dun Mikiel Xerri f’Ħ’Attard?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta u għalhekk l-Mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.

Ħ’Attard – Triq Dun Mikiel Xerri – ħsejjes insapportabli

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga l-ħsejjes insapportabli li qed isofru minnhom ir-residenti ta’ Triq Dun Mikiel Xerri f’Ħ’Attard? Jista’ jieħu azzjoni biex dawn il-ħsejjes jieqfu matul is-sigħat ta’ mistrieħ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdu l-passi neċessarji biex jitwaqqaf dan l-inkonvenjent.

Mosta – triq Madre Teresa — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jingħata l-wiċċ tat-triq ta’ Triq Madre Tereża ġewwa l-Mosta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni tinstab fuq il-programm ta’ bini ta’ toroq residenzjali li jridu jsiru mill-Gvern Ċentrali. Ix-xogħlijiet fuq din it-triq se jsiru skont il-progress tal-formazzjoni, fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akwist tas-servizzi tal-kuntratturi.

Ħal Safi – Triq il-Kuċċard — xogħlijiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22617, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li biex jinbidel disinn ta' triq ħalla lir-residenti għal tliet snin sħaħ ibatu minn inkonvenjent ta' trab kif ukoll periklu ieħor li jġib miegħu xogħol ta' toroq li jieqaf f’nofs leħja għal diversi snin? Jista’ jgħid meta se jitkomplew u konsegwentament jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq il-Kuċċard, Ħal Safi, peress li r-residenti ta' din it-triq ilhom ibatu inkonvenjenti kbar għal diversi snin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq il-Kuċċard, Ħal Safi, waqt li kienu għaddejjin xogħlijiet ta’ twessiegħ, instabu fdalijiet arkeoloġiċi. Dawn il-fdalijiet kellhom jiġu assessjati mis-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali sabiex tiġi stabbilita l-importanza tagħhom. Instab li dawn il-fdalijiet kellhom bżonn jiġu ippreservati (u jissaqqfu) b’riżultat li kienu se jinħolqu problemi ta’ livelli jekk id-disinn tat-triq jibqa’ l-istess. Għaldaqstant fil-proposta kellu jinbidel l-alinjament tat-triq sabiex dan is-sit jiġi evitat mill-passaġġ tal-vetturi. Marbuta ma’ din is-sejba u minħabba l-bżonn ta’ protezzjoni tal-istess fdalijiet, Transport Malta bħalissa għaddejja b’proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali rispettiv u eventwalment mal-pubbliku. Tajjeb li ngħidu wkoll li kif issemma’ fil-budget, il-Gvern huwa mpenjat ukoll li jwessa’ Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq li tmiss mal-imsemmija triq. Fil-fatt bħalissa qed isiru l-preparamenti neċessarji sabiex isir pjan komprensiv wieħed għaż-żewg toroq. Din is-sena għandhom jiġu finalizzati dawn il-proċessi, inkluż l-applikazzjoni tal-MEPA, u jitkompla x-xogħol sabiex jitlesta s-sena d-dieħla.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Żvilupp tal-Eko-Turiżmu – lista ta’ miżuri

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22623, jista’ l-Ministru jgħid x'informazzjoni addizzjonali għandu bżonn biex iwieġeb il-mistoqsija parlamentari li għamiltlu, u ċjoè biex jelenka lista ta' miżuri u inizjattivi li għamel il-Ministeru tiegħu fejn jikkonċerna trasport u infrastruttura sabiex jikkumplimenta l-iżvilupp tal-Eko-Turiżmu ġewwa pajjiżna minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kif ukoll xi pjanijiet għandu għax-xhur li ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, permezz ta’ Transport Malta u l-Malta National Electromobility Platform, ġew implimentati diversi miżuri li mhux biss jikkumplimentaw l-iżvilupp tal-Eko-Turiżmu b’mod speċifiku, iżda jippromwovu mezzi alternattivi ta’ trasport ntiżi li jissalvagwardjaw l-ambjent, fuq skala nazzjonali. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 22064.

San Pawl il-Baħar – swimming zones

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm swimming zones fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm ċkienu jew tkabbru dawn iż-żoni meta mqabbla mas-snin ta’ qabel, u x’kienet ir-raġuni għal dawn il-bidliet? F’liema minn dawn iż-żoni hemm passaġġi biex minnhom joperaw xi servizzi ta’ water sports?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar hemm dawn iż-żoni riservati għall-għawwiema: Ix-Xtajta ta’ Buġibba (Dolmen) Il-Pjazza tal-Bajja ta’ Buġibba Qala tal-Għazzelin sas-Sirens Veċċja – Għar Għasfur (Barracuda) Xemxija (ħdejn il-Beachaven) Daħlet il-Fekruna Dawn iż-żoni huma bħalma kienu f’dawn l-aħħar snin. Is-servizzi tal-water sports jinsabu fil- Pjazza ta’ Buġibba u fix-Xtajta ta’ Buġibba.

San Ġwann – Triq San Ġwann tal-Għorgħar — sinjali

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru s-sinjali kollha meħtieġa fi Triq San Ġwann tal-Għorgħar, San Ġwann peress li wara x-xogħol li sar f'din it-triq għadha mingħajr sinjali?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

San Ġwann –Triq in-Naxxar — tarmak

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq in-Naxxar, it-triq prinċipali f’San Ġwann, il-parti ta' bejn Triq San Ġwann tal-Għorgħar u Triq il-Mensija, tingħata t-tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 24416.

San Ġwann – Triq R. Caruana Dingli — Bollards

Question

Jista' l-Ministru jara li jinbidlu l-bollards ta' quddiem il-Masġar Patri Leopoldu, fi Triq R. Caruana Dingli, San Ġwann?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann. Għalkemm dan l-aħħar Transport Malta għamlet xogħlijiet ta’ asfaltar tul din it-triq minħabba li ġiet identifikata bħala rotta alternattiva għal tul il-proġett tal-Kappara, din it-triq tibqa’ responsabbilta’ tal-Kunsill.

San Ġwann –Triq il-Venew – Stop Marking

Question

Jista' l-Ministru jieħu azzjoni biex titneħħa Stop Marking fi Triq il-Venew, San Ġwann, peress li minn dik il-parti ma joħorġux karozzi?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tkun iżjed speċifika dwar dak li qed tirreferi.

San Ġwann – Toroq – Mountable Roundabout

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq il-mountable roundabout ta' bejn Triq l-Istefanotis, Triq il-Pellikan, Triq is-Santwarju u Triq il-Mensija, San Ġwann, l-aktar peress li qiegħda f'żona kruċjali ta' devjazzjoni tal-Kappara Junction?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qegħda tinvestiga il-kaġun tal-ħsara biex tipproċedi skont il-każ. Interventi ta' manutenzzjoni jibqgħu jsiru skont il-prijoritajiet, fondi disponibbli u l-proċess tal-akwist.

Xatt tal-Gżira – Recharging Stations

Question

Huwa konxju l-Ministru mill-fatt li bil-bidliet fis-sistema tat-traffiku li saru fix-Xatt tal-Gżira, ir-recharging stations għal dawk il-karozzi li jaħdmu bil-batterija ma ttieħdux inkunsiderazzjoni, sal-punt li l-parking bays allokati għal dawn ir-recharging stations tneħħew kompletament u minflokhom saret karreġġjata waħda u unika li tagħti mill-Gżira għal Tas-Sliema, bil-konsegwenza li ħadd ma jista' jieqaf biex jiċċarġja l-vettura tiegħu għax jekk jagħmel dan jagħlaq kompletament l-aċċess għat-traffiku mill-Gżira għal Tas-Sliema? Xi pjan għandu l-Ministru biex din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata mill-aktar fis possibbli? Hemm pjan għalfejn se jkunu relokati dawn iċ-charging stations? Ir-relokazzjoni ta' dawn ic-charging stations mistennija ġġib magħha xogħlijiet li jerġgħu jiddisturbaw l-andament tat-traffiku fl-inħawi tal-Gżira u Tas-Sliema? Sa meta mistennija ssir din ir-relokazzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed tiġi evalwata l-possibilita’ li din ic-charging pillar tiġi rilokata, possibilment fl-istess żona. Dan qed ikun meqjus li jsir fi ħdan il-qafas regolatorju tal-proġett li permezz tiegħu ġie installat l-istess pillar.

Triq il-Kosta – railing fiż-żona residenzjali fis-Salini

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta mistenni jitlesta x-xogħol fuq ir-railing fiż-żona residenzjali fis-Salini mal-parti li tagħmel ma’ Triq il-Kosta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li. wara konsultazzjoni mar-residenti ta’ din iż-żona, hekk kif huma għamlu xi oġġezzjonijiet għax-xogħol kif kien qiegħed jiġi esegwit, issa jidher li Transport Malta u r-residenti qed jaqblu fuq ċerti kriterji tad-disinn u għalhekk Transport Malta tħoss li dalwaqt tista’ tipproċedi bil-proċess illi tordna lill-kuntrattur biex jitkompla ix-xoghol. Ix-xogħol mistenni li jkun lest sa l-aħħar ta’ Awwissu 2016.

Wied l-Isqof – Limit tar-Rabat – tindif ta’ widien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitnaddfu l-widien fosthom Wied tal-Isqof fil-limiti tar-Rabat (Malta)? Hemm xi pjan li dan il-wied u oħrajn bħalu jibdew jitnaddfu fuq bażi regolari? Kemm-il darba fis-sena dan il-wied u oħrajn bħalu se jibdew jitnaddfu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sezzjoni tal-Immaniġġjar tal-Widien timplimenta nterventi ta’ manutenzjoni fil-widien wara li jkunu ndividwati widien partikolari li jiġu magħżula wara żjarat li jsiru b’mod regolari, kif ukoll wara li jiġu evalwati talbiet mingħand il-pubbliku u entitajiet governattivi. Dawk l-interventi meqjusa l-iktar urġenti jiġu magħżula għall-implimentazzjoni. Madanakollu, jeħtieġ pjan integrat u fuq skala nazzjonali fejn jiġu meqjusa l-wesgħat tal-ilma (catchment areas) kollha tal-widien. L-interventi maġġuri m’għandhomx isiru biss fuq parti żgħira tal-wied, imma trid tiġi meqjusa s-sistema kollha sabiex ix-xogħlijiet ikunu aktar effettivi u jservu għal tul itwal ta’ żmien. Bħalissa d-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura qed jiżviluppa proposti għal applikazzjonijiet ta’ fondi tal-Unjoni Ewropeja biex ikunu jistgħu jsiru dawn il-pjanijiet (management plans) għal diversi wesgħat tal-ilma ta’ widien, inkluż is-sistema ta’ Wied il-Kbir li minnha jagħmel parti l-Wied tal-Isqof.