Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skart tal-bini

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn qed jintrema l-iskart tal-bini bħalissa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Bħalissa l-materjal tal-kostruzzjoni qiegħed jintrema fil-barrieri li m'għadhomx jintużaw. Dawn il-barrieri qed jiġu pprovduti mill-Consortium li ngħata t-tender għall-istess għan ta' radam b'materjal tal-kostruzzjoni.

Mosta — Triq il-Pont - Ħruġ ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed jikkawża l-fawran ta' drenaġġ fi Triq il-Pont, il-Mosta? Għaliex dan id-drenaġġ ilu ħiereġ aktar minn erbgħa ġimgħat, tant li qed jinżel fil-wied li hemm fil-qrib u jitħallat ma' l-ilma ġieri? Jista' jara li jittieħdu l-passi meħtieġa u jsiru t-tiswijiet immedjatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Buġibba — Funtana fil-pjazza

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnha l-funtana li kien hemm fil-pjazza ta' Buġibba? Jista' jgħid ukoll x'sar minnha l-funtana li kien hemm fil-baħar quddiem l-istess pjazza?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pompa li kien hemm fil-Pjazza ta' Buġibba kienet tneħħiet wara li kienet vandaliżżata għal diversi drabi. Il-pompa li kien hemm fil-baħar tneħħiet minħabba l-ispejjeż li kienu qegħdin jintefqu biex titħaddem fix-xhur tas-sajf. Iż-żewġ pompi jinsabu f'maħżen tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet.

Diviżjoni tax-xogħlijiet — Ħlas ta' sahra lill-ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu overtime il-ħaddiema tad-diviżjoni tax-xogħlijiet mill-1 ta' Jannar 2003 sa Settembru 2003? Fuq liema proġetti tħallas dan l-overtime?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena l-ħlas ta' overtime laħaq is-somma ta' Lm422,243.19ċ. L-ammonti għal kull xahar huma kif jidhru hawn taħt:- Lm. ċ Jannar 60,904.35 Frar 55,213.01 Marzu 62,579.36 April 82,060.37 Mejju 33,012.48 Ġunju 35,801.37 Lulju 40,810.13 Awwissu 25,867.63 Settembru 25,994.49 Dan l-overtime tħallas għal xogħol li sar fuq diversi proġetti fosthom il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, il-promenade ta' San Giljan, il-promenade tax-Xemxija, il-Barrakka t'Isfel, l-Imdina u proġetti ta' riabilitazzjoni u ta' restawr fost l-oħrajn.

Diviżjoni tax-xogħlijiet — Ħlas ta' danger money

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk twaqqafx il-ħlas tad-danger money lill-impjegati fid-diviżjoni tax-xogħlijiet? Jekk fl-affermattiv, dan sar bi qbil mat-trade unions?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas tad-danger money biss twaqqaf lil numru ta' uffiċjali tekniċi fit-Taqsima tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni minħabba li t-talbiet ma kienux ġustifikati. Dan qed isir bħala parti minn eżerċizzju biex jiġi assigurat li l-ħlas tad-danger money isir lil min ħaqqu. Din mhix kwistjoni ta' trade unions iżda hija miżura purament amministrattiva.

Imnajdra — Engineered landfill

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ġietx ippreparata t-tender għall-engineered landfill fejn l-Imnajdra? Saret stima tax-xogħol propost? Meta hu previst li se jibda x-xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iżvilupp ta' l-engineered landfill temporanja fl-inħawi ta' Qasam il-Kbir u tal-Magħlaq jifforma parti mid-dokumenti tal-pakkett magħruf bħala Package 2A li l-offerti għalih ġew sottomessi sal-15 ta' Settembru 2003. L-istima ta' dan ix-xogħol kienet saret u x-xogħol huwa previst li jibda' hekk kif jinħareġ il-permess tal-MEPA u jiġi mogħti l-kuntratt.

Diviżjoni tax-xogħlijiet — Ħatra ta' direttur ġenerali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma nħatarx acting direttur ġenerali fid-diviżjoni tax-xogħlijiet meta dan il-post ilu vakanti diversi xhur? Meta se toħroġ is-sejħa għal ħatra ta' direttur ġenerali?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sakemm jinħatar id-Direttur Ġenerali fit-Taqsima tax-Xogħlijiet, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ingħata n-nomina temporanja ta' Direttur Ġenerali, u dan skond Avviż tal-Gvern Nru. 694 li ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern tat-8 ta' Awissu 2003. Is-Sejħa għall-ħatra ta' Direttur Ġenerali ħarġet fil-21 ta' Lulju 2003 u għalqet fil-11 ta' Awissu 2003.

Ilma — Livell ta' salinita'

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-aħħar parti ta' mistoqsija parlamentari 1058 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u cioe' jgħid jekk il-livell ta' salinita' fl-ilma li jitqassam lill-bdiewa huwiex ta' livell aċċettabbli jew le u jekk fin-negattiv, dan ikunx ta' ħsara għall-uċuħ tar-raba'?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandix xi nżid ma' dak li qal il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent fir-risposta tiegħu għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1058.

Wied il-Għajn — Impjant ta' Sant'Antnin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1056 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u cioe' jista' jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern għas-solid waste recycling plant kif ukoll tal-liquid recycling plant ta' Sant'Antnin ġewwa Marsascala?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar is-Solid Waste Recycling Plant, il-Gvern beda proċess li bih qed jintalab il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ambjent u l-Ippjanar għall-iżvilupp tal-Composting Plant u Materials Recovery Facility Sant'Antnin. Għal dan l-iskop, il-kumpanija WasteServ Malta Ltd. fi ħdan il-Ministeru ħejjiet Project Description Statement li ġie ppreżentat lill-MEPA sabiex iservi bħala bażi għat-Terms of Reference għall-Evironment Impact Assessment neċessarju. Rigward l-impjant għat-tisfija tad-dranaġġ, il-Ministeru qed jagħmel eżerċizzju biex jara kif ikompli jtejjeb il-kwalita' ta' l-ilma li qed jiġi prodott mill-impjant u li qed jintuża għall-agrikoltura.

Wied il-Għajn — Materjal ta' kostruzzjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1057 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u cioe' jista' il-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jsir it-tindif tal-materjal ta' kostruzzjoni li kien intefa' fil-qasam li jiġi wara r-razzett tal-ħbiberija u l-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin ġewwa Marsascala?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-materjal li hemm wara r-Razzett tal-Ħbiberija m'huwiex tal-kostruzzjoni iżda skart imħallat mgħotti bit-terrapien, għaliex bejn l-1974 u l-1979 dan il-post kien jintuża bħala miżbla. Għalhekk, qabel ma wieħed jiddeċiedi jekk iċaqlaqx dan il-materjal jew le irid jara x'jistgħu jkunu l-konsegwenzi minħabba l-inkonvenjent li jista' jinħoloq għar-residenti tal-viċin.

Diviżjoni tax-xogħlijiet — Impjegati li għandhom mobile phone

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fi ħdan id-diviżjonijiet tax-xogħlijiet kif ukoll fil-ministeru li għandhom mobile phone imħallas mill-gvern? F'liema grad huma dawn l-impjegati?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-Ministeru hemm sitt impjegati li għandhom mobile phone imħallsa mill-Gvern. Dawn jinkludu lis-Segretarju Permanenti, żewg Diretturi u tlett membri tas-Segretarjat Privat. Fit-Taqsima tax-Xogħlijiet hemm tmien impjegati li għandhom il-mobile phone imħallas mill-Gvern. Dawn jinkludu ħames diretturi, ic-Chairman tal-BICC, il-Kap tal-Oil Pollution Response Module u l-Operations Manager fid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi. Direttur ieħor kif ukoll il-Koordinatur tal-Proġetti ta' Rijabilitazzjoni jagħmlu użu mill-mobile phone personali tagħhom u d-dipartiment iħallas is-sejħiet. Hemm ukoll 43 bejn inġiniera u periti li jirċievu Lm10 kull tlett xhur bħala kumpens għal sejħiet li jagħmlu fuq xogħol ta' l-uffiċċju mil-mobile personali tagħhom u dan skond il-ftehim li jeżisti mal-unions ta' dawn l-impjegati.

Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura — Applikazzjonijiet għal promotions

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex l-applikazzjonijiet kollha għal promotions li ħarġu qabel l-elezzjoni sal-lum lanqas biss għadhom bdew jiġu proċessati? Jista' jgħid jekk din hijiex policy ta' dan il-ministeru jew tal-gvern?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess għal promozzjonijiet ġie mwaqqaf temporanjament. Il-proċess tal-promotions għadu għaddej.

Rapporti — Studji - Malta - EU - Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul l-2000, l-2001 u l-2002 u l-2003 kemm ġew ikkontrattati rapporti u studji fuq aspetti legali, aspetti ekonomiċi u fiskali u oħrajn, dwar id-dħul ta' Malta fl-UE? Jista' il-Ministru jgħid min huma n-nies li ġew maħtura sabiex iħejju tali rapporti u studji u jagħti dettalji dwar dawn in-nies?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar is-snin 2000 u 2001 ingħatat fit-tweġiba parlamentari Nru. 17246 (28-6-2000) u Nru. 23466 (5-2-2002) rispettivament. L-informazzjoni dwar is-snin 2002 u 2003 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mosta — Santa Margerita/Triq il-Pont - Ħruġ ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jirranġaw il-ħsarat li hemm f'Santa Margerita u fi Triq il-Pont, fil-Mosta fejn għal ġranet sħaħ qed ikun hemm fit-toroq ewlenin ta' hemm out flow tad-drenaġġ u kull xorta oħra li huwa bla ebda riserva ta' detriment għas-saħħa tar-residenti ta' l-inħawi u wkoll għal kull min jgħaddi minn hemm?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Dipartiment tad-Drenaġġ — Ħaddiema

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1605, jista' il-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tad-dipartiment tad-drenaġġ humiex se jingħataw l-għażla jekk riedux imorru mal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma jew jekk iridux jibqgħu mas-servizz pubbliku?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat

Marfa — Bdiewa

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1615, jista' il-Ministru jgħid jekk il-bdiewa ingħatawx risposta għall-ilment li għamlu ma' l-Awtorita' tar-Riżorsi rigward raba fl-inħawi tal-Marfa (mhux Imtarfa kif muri f'mistoqsija parlamentari 1615)?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' dwar ir-Riżorsi qed tagħmel l-investigazzjonijiet fuq l-ilment tal-10 ta' Settembru 2003 li għamlu l-bdiewa li għandhom ir-raba fl-inħawi tal-Marfa. L-Awtorita' għandha tinforma lil partijiet konċernati fuq l-ilment inkwistjoni.

Marsascala — Tindif u ġbir ta' skart

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-post magħruf bħala l-Munxar faċċata tal-bajja tar-Ramla, Marsascala ta' min hi r-responsabbilta` li jsir it-tindif u l-ġbir ta’ l-iskart?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbilta' li jsir it-tindif u l-ġbir ta' l-iskart fiż-żona msemmija hija tal-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn.

Riżorsi u Infrastruttura — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid min huma l-persuni li qegħdin jaħdmu fil-ministeru u x'inhu r-rwol tagħhom?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ma naħsibx li jkun xieraq li nxandar l-ismijiet ta' dawk il-persuni li qed jaħdmu fis-Segretarjat Privat tiegħi u ma nistax nifhem x'utilita' jista' jkollha din l-informazzjoni. Il-pożizzjonijiet li jokkupaw dawn il-persuni huma pożizzjonijiet prattikament uniformi għall-Ministeri kollha u qegħdin spjegati f'dokument li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra matul il-Leġislatura preċedenti.

Diviżjoni tax-xogħlijiet pubbliċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' ristrutturar hu propost li jsir mill Gvern fid-diviżjoni tax-xogħlijiet pubbliċi matul ix-xhur li ġejjin?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta saret l-aħħar riforma fl-1992, li permezz tagħha twaqqfet it-taqsima tax-Xogħlijiet, kien hemm diversi tibdil fl-istruttura tat-Taqsima. Per eżempju, id-Dipartiment tat-Toroq li kien jagħmel parti minn dak li kien magħruf qabel bħala d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, illum jifforma parti mill-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku u għalhekk jaqa' taħt il-Ministeru tat-Trasport u Telekomunikazzjoni. Id-Dipartiment tal-Bini u Manutenzjoni tad-Djar, li wkoll kien jaqa' taħt id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, illum huwa r-responsabbilta' tal-Ministeru tal-Politika Soċjali. Il-Waste Management Strategy Implementation Department inbidlitlu kemm il-funzjoni kif ukoll l-isem tiegħu bħala riżultat tat-twaqqif tal-kumpanija WasteServ. Dan illum sar Dipartiment tas-Servizzi tat-Tindif. Mill-1 ta' Settembru, il-Parks and Landscape Conservation Section saret tifforma parti mill-Ministeru għal Affarijiet Rurali u Ambjent filwaqt li mill-1 ta'Ottubru id-Dipartiment tad-Dranaġġ ser jiġi amalgamat mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Minn dak iż-żmien ukoll, twaqqfu numru ta' Koperattivi fid-Dipartiment tal-Manifattura u s-Servizzi. Barra minn dan, twaqqfu l-Kunsilli Lokali li għandhom relazzonijiet mill-qrib mat-Taqsima tax-Xogħlijiet dwar proġetti u xogħlijiet fil-kostitwenzi tagħhom. Minħabba dawn iċ-ċirkustanzi, inħasset il-ħtieġa li wieħed jerġa jħares lejn l-istruttura biex jaġġornaha għaċ-ċirkostanzi ta' llum bil-ħsieb ukoll li jsir razzjonaliżżar fl-użu tar-riżorsi kemm umani kif ukoll finanzjarji. Naturlament dan iġib miegħu l-ħtieġa li wieħed iħares lejn id-diversi karigi maniġerjali li jeżistu bil-għan li jiġu riorganiżżati biex jilqgħu għall-isfidi tal-ġejjieni. L-għan prinċipali wara dan l-eżerċizzjoni huwa li t-Taqsima tax-Xogħlijiet tkun f'pożizzjoni li tagħmel użu aħjar minn madwar 3000 ħaddiem li huma kapaċi u li huma mħarrġa f'diversi snajja fl-industrija tal-bini u kostruzzjoni, billi diversi xogħlijiet li llum qegħdin isiru mill-kuntrattur jerġgħu jibdew isiru mill-ħaddiema tal-Gvern. Dan diġa' qiegħed jitwettaq fuq diversi proġetti fosthom f'xogħlijiet ta' restawr u ta' manutenzjoni kif ukoll proġetti bħalma huwa dak ta' l-Imdina. Fix-xhur li ġejjin, dawn l-impjegati ser jaħdmu wkoll fuq il-proġett ta' Paceville, fl-irranġar tal-pjazzez prinċipali fl-irħula, ġonna pubbliċi u xogħlijiet oħra. Dan l-istrutturar ser isir kemm fl-interess tat-Taqsima tax-Xogħlijiet kif ukoll tal-ħaddiema nfushom, u għalhekk m'għandix dubju li f'dan l-eżerċizzju ser insibu l-koperazzjoni ta' kulħadd.

Għawdex — Impjant għat-trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-bini ta' l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant għat-tisfija tad-dranaġġ f'Għawdex, li ser jiswa 'l fuq minn Lm3 miljun, ser jiġi finanzjat mill-fondi tal-Gvern Malti u tal-Unjoni Ewropea. Fil-bidu ta' Ottubru li ġej, id-dokumenti tat-tender ser jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea għall-kummenti tagħhom. Wara ssir is-sejħa pubblika għall-offerti. Din is-sejħa tiġi pubblikata wkoll fil-ġurnal uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea.