Legislature:
Category:
Reset
Active:

Eks aġent Kummissarju – użu ta’ karozza tal-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-eks Aġent Kummissarju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadu jagħmel użu mill-karozza tal-korp tal-pulizija u s-servizz ta’ xufier li hu pulizija wkoll? Jekk le, jista’ jgħid meta waqaf juża l-karozza tal-korp kif ukoll is-servizz ta’ xufier li hu pulizija? Jekk iva, issa li dan l-individwu m’għadux jagħmel parti mill-korp tal-pulizija u hu rtirat, jista’ jgħid meta ser jintemmu dawn il-perkaċċi ta’ karozza u xufier li qed iħallas għalihom il-korp tal-pulizija u ċjoè l-poplu Malti bit-taxxi tiegħu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-eks Aġent Kummissarju ma għadux jagħmel użu mill-vettura kif ukoll mix-xufiera tal-Korp tal-Pulizija. Ninfurmah li din il-vettura ġiet irritornata lura fil-Korp fit-23 ta’ Novembru 2015.

Eks Kummissarju tal-Pulizija – użu tal-karozza tal-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-eks Kummissarju tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadu jagħmel użu mill-karozza tal-korp tal-pulizija u s-servizz ta’ xufier li hu pulizija wkoll? Jekk le, jista’ jgħid meta waqaf juża l-karozza tal-korp kif ukoll is-servizz ta’ xufier li hu pulizija? Jekk iva, issa li dan l-individwu m’għadux jagħmel parti mill-korp tal-pulizija u hu rtirat, jista’ jgħid meta ser jintemmu dawn il-perkaċċi ta’ karozza u xufier li qed iħallas għalihom il-korp tal-pulizija u ċjoè l-poplu Malti bit-taxxi tiegħu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-eks Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija ma għadux jagħmel użu mill-karozza kif ukoll xufiera tal-Korp tal-Pulizija. Dan is-servizz waqaf jingħata fit-22 ta’ Lulju 2015.

Pulizija tal-ALE – każ ta’ nassab/kaċċatur li kellu fil-pussess tiegħu d-detail tal-ALE

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li bejn it-13 u l-20 ta’ Diċembru 2015 waqt spezzjoni fil-kampanja il- pulizija tal-ALE sabu kaċċatur /nassab li kellu fil-pussess tiegħu d-detail tal-ALE? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk hijiex għaddejja investigazzjoni interna fuq kif din id-detail spiċċat f’idejn din il-persuna? Jista’ jgħid jekk dan l-individwu ġiex arrestat u jekk itteħidx il-lock up? Jista’ jgħid kemm dam arrestat u min qed jinvestiga l-każ? Jista’ jgħid jekk saritx analiżi fuq il-mobile telephone tal-arrestat? Jista’ jgħid jekk saritx tfittxija fil-proprjetà tal-arrestat? Jista’ jgħid jekk ittieħidlux xi kompjuter jew apparat elettroniku għall-aktar stħarriġ? Jista’ jgħid jekk humiex ser jittieħdu passi dixxiplinari kontra xi ħadd dwar dan il-każ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li dak li qed jallega fil-mistoqsija mhuwiex il-każ.

Lock up tad-Depot tal-Pulizija – kors tal-First Aid lill-uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il uffiċjal li hemm stazzjonat fil-lock up tad-Depot għamel kors fil-First Aid minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid kemm-il uffiċjal stazzjonat fil-lock up għamel kors fil-First Aid wara li tliet xhur ilu mietet persuna arrestata fil-lock up?? Jista’ jgħid kemm il-AED (Automated External Defibrillator) hemm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fil-lock up tad-Depot u fl-għasses tal-pulizija? Jekk ma hemmx jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fl-2016 jinxtraw numru ta’ AEDs biex jitpoġġew il-ħabs, il-lock up tad-Depot, u fl-għasses tal-pulizija? Jista’ jgħid x’taħriġ ingħataw persuni li huma stazzjonati fil-lock up minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-uffiċċjali tal-Pulizija matul ir-reklutaġġ, kif ukoll waqt l-‘in service’ li ingħata fil-passat ġew imħarrġa fl-‘Ewwel Għajnuna’. Madankollu diġa’ bdew diskuzzjonijiet biex uffiċjali stazzjonati fil-lock-up tal-pulizija jibdew jitħarrġu ma entita’ rikonoxxuta fl-‘Ewwel Għajnuna’. Dan it-taħriġ mistenni li jibda fil-futur qarib u dan peress li t-taħriġ ser isir speċfiku għal dawn l-uffiċjali. Sal-lum hemm Automated External Defibrillator f’għassa waħda fil-Korp u ser isir taħriġ għall-uffiċċjali f’din l-għassa kif ju¿awha. Irid jingħad li għad iridu jsiru diskussjonijiet jekk dawn għandhomx jinxtraw għall u¿u f’lokalitajiet oħra. Minn naħa tal-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin nsibu 3 AED’s, wieħed Kordin, wieħed Forensic u wieħed il-YOURS. Din is-sena ser jinxtara ieħor għal Kordin biex b’hekk Kordin jkollu tnejn. Dawn jiġu amministrati minn nurses tal-Faċilita. Infurmat li l-uffiċjali tal-lock up bdew taħriġ ta’ mmaniġjar ta’ detenuti u persuni arresti fil-lock up, liema taħrig għadu għaddej.

Forzi Armati ta’ Malta – allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta ngħataw allowance għall-ġranet tal-Valletta Summit u ċ-CHOGM? Jista’ jikkonferma li dan l-allowance tħallas bħala ħlas finali għas-sigħat kollha żejda li ħadmu l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta fiż-żewġ okkażżjonijiet imsemmija? Jista jgħid ta’ kemm kien dan l-allowance li ngħata lill-membri tal-AFM? Jista’ jgħid min kien intitolat għal dan l-allowance u x’kien ikopri dan l-allowance?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta qatt ma kienu ntitolati għall-ħlas finanzjarju ta’ sahra għas-sigħat li jaħdmu zejda. Pero`, skond il-proċeduri applikabbli, il-membri tal-istess Forza ġew ikkumpensati bit-Time Off in Lieu għall-ħinijiet kollha li ħadmu zejda. Ma’ dawn tħallsu wkoll finanzjarjament tas-sigħat li ħadmu fil-Ħdud skond ir-rata applikabbli. Oltre minn hekk il-Ministeru rringrazzja lil kull membru li kien involut b’allowance ta’ darba ta’ Eur110 bħala turija ta’ ringrazzjament għas-servizz impekkabli li l-istess membri taw waqt l-imsemmija attivitajiet.

Land Registry – użu ta’ pjanti aġġornati tal-MEPA

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20208 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se jkun possibbli li r-Reġistru tal-Artijiet jibda juża l-pjanti aġġornati li għandha l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din kienet waħda mis-sistemi li tħallew f’telqa assoluta mill-Gvern preċedenti fil-Lands & Public Registry. Il-pjanti tal-artijiet f’waħda mis-sistemi ta’ dan id-dipartiment ilhom ma jiġu aġġornati għal dawn l-aħħar 8 snin. Filfatt, ħafna ismijiet ta’ toroq fil-pjanti li jinħarġu bħalissa mid-dipartiment ma jaqblux ma’ dawk preżenti. Wara li qed isir l-upgrade neċessarju fis-software flimkien ma diskussjonijiet mal-MEPA, jekk kollox imur kif pjanat, fi żmien qasir ser jkollna l-pjanti aġġornati u b’hekk il-pubbliku se jkun jista’ jixtri l-pjanti bl-ismijiet tat-toroq kif fattwalment huma.

Pulizija Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li pulizija Għawdxin li bħalissa qed jaħdmu Malta, jintbagħtu biex jaħdmu f’Għawdex peress li fl-aħħar xhur diversi pulizija mill-Korp li kienu stazzjonati f’Għawdex spiċċaw u in vista wkoll li f’Malta hemm pulizija Għawdxin li bdew fil-Korp fl-2010 u sal-lum għadhom f’Malta meta żewġ terzi minn sħabhom li bdew fl-istess ġurnata magħhom fil-Korp, ilhom aktar minn tliet snin jaħdmu f’Għawdex?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li t-trasferiment ta’ uffiċjali tal-Pulizija fil-Korp hija prerogativa tal-Kummissarju tal-Pulizija u jingħataw skont l-esiġenzi tas-servizz.

Ħ’Attard – Għassa tal-Pulizija – ħinijiet ta’ ftuħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm sigħat infetħet matul kull ġimgħa fix-xhur ta’ Settembru, Ottubru, Novembru 2015 l-għassa tal-Pulizija f’Ħ’Attard? Kemm kien hemm stazzjonati pulizija fl-għassa tal-Pulizija ta’ Ħ’Attard kuljum fix-xhur ta’ Settembru, Ottubru u Novembru 2015? Kemm hu ppjanat li tinfetaħ u kemm hu ppjanat li jkun hemm pulizija fl-istess għassa matul Diċembru 2015, Jannar 2016 u Frar 2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li minħabba l-ammont konsiderevoli ta’ fixed points li hemm fid-Distrett numru 8, ma jkunx possibli li tinfetah l-Ghassa ta’ Ħ’Attard regolarment u fix-xhur imsemmija kien impossibli li din tinfetah fil-maggoranza tal-ġranet, għall-istess raġuni. Madankollu kemm jista jkun tinfetah l-Għassa ta’ Ħal Balzan li tinstab biswit ir-raħal ta’ Ħ’Attard, biex b’hekk ir-residenti jkunu jistgħu jagħmlu użu ta’ din l’għassa’.

Korp tal-Pulizija — vetturi u muturi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17583, jista’ l-Ministru jgħid mill-vetturi li għandu l-Korp tal-Pulizija ġewwa Għawdex u li ta lista tagħhom fir-risposta indikata, liema minnhom bħalissa mhux qed jintużaw minħabba ħsara? Jista’ jgħid xi ħsara għandha kull vettura li mhux qed tintuża u meta hu maħsub li kull vettura li hija wieqfa, terġa’ tibda tintuża?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mill-flotta ta’ vetturi allokati għad-Distrett t’Għawdex, bħalissa hemm sebgħa vetturi/muturi li mhux jiuntużaw minħabba ħsara kif jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex – Każijiet ta’ pussess ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ pussess ta’ droga li nqabdu f’Għawdex fl-2014 u fl-2015 sad-data li saret din il-mistoqsija, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati b’pussess ta’ droga fl-2014? Jista’ jgħid kemm tressqu persuni akkużati b’pussess ta’ droga fl-2015 sad-data li saret din il-mistoqsija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fis-sena 2014 l-iskwadra ta’ kontra id-droga u l-Pulizija ta’ Għawdex wettqu total ta’ disa’ u erbgħin (49) arrest relatati ma każijiet ta’ pussess ta’ droga ġewwa Għawdex. Sittax (16) min dawn il-persuna diġa tressqu il-Qorti. Matul is-sena 2015 kien hemm tlieta u ħamsin (53) arrest fuq reati simili u sal-lum tressqu seba (7) mil-persuni nvoluti l-qorti.

Għawdex – Każijiet ta’ traffikar ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ traffikar ta’ droga li nqabdu f’Għawdex fl-2014 u fl-2015 sad-data li saret din il-mistoqsija, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati b’traffikar ta’ droga fl-2014? Jista’ jgħid kemm tressqu persuni akkużati b’traffikar ta’ droga fl-2015 sad-data li saret din il-mistoqsija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fis-sena 2014 l-iskwadra ta’ kontra id-droga u l-Pulizija ġewwa Għawdex arrestaw disa’ (9) persuni fuq traffikar tad-droga. Tnejn (2) minnhom tressqu il-Qorti u s-sebgħa l-oħra għad iridu jitressqu. Matul is-sena 2015 kien hemm ħmistax (15) il-persuna li ġew arrestati fuq reati simili u sal-lum diġa tressqu sitta (6) minnhom il-Qorti waqt li l-kumplament għad iridu jitressqu.

Korp tal-Pulizija — xiri ta’ ilbies protettiv mis-sezzjoni tat-traffic

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta, fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-15 ta’ Diċembru 2015, inxtara lbies protettiv għas-sezzjoni tat-traffic fi ħdan il-korp tal-pulizija? Jista’ jgħid kemm, f’dan ix-xiri, inxtraw crash helmets, ġgieget għas-sajf u għax-xitwa u qliezet u boots? Jista’ jgħid mil-liema ħanut dawn inxtraw? Jista’ jgħid jekk dawn l-affarijiet inxtrawx b’direct order jew permezz ta’ tender? Jekk dawn l-affarijiet inxtraw permezz ta’ tender, jista’ jgħid f’liema Gazzetta tal-Gvern ġie ppubblikat u meta? Jista’ jagħti d-data preċiża?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li nxtraw sebgħin ‘summer mesh jackets’ u ħamsa u tletin crash helmet bejn 1 ta’ Jannar 2015 u 15 ta’ Dicembru, 2015, għat-Taqsima tat-Traffic fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Ma nxtraw l-ebda qliezet għax-xitwa u boots fl-istess perjodu. Rigward il-ġgieget tas-sajf dawn inxtraw b’direct order wara li ġiet approvazzjoni mil-Ministeru tal-Finanzi. Rigward il-Crash helmets dawn inxtraw mingħand l-istess agent b’direct order, minħabba bżonn ta’ uniformita fit-tip tal-elmi użati mill-Pulizija tat-traffiku.

CHOGM — Kiri tal-karozzi għall-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inkrew karozzi li ntużaw mill-pulizija waqt iċ-CHOGM? Jista’ jgħid mingħand min inkrew dawn il-karozzi? Jista’ jgħid kemm inkrew kull siegħa/ġurnata dawn il-karozzi? Jista’ jgħid min ħa ħsieb li jinkrew dawn il-karozzi? Jista’ jgħid jekk dawn inkrewx b’direct order jew inkella permezz ta’ tender? Jekk inħareġ tender, jista’ jgħid f’liema Gazzetta tal-Gvern ġie ppubblikat u meta? Jista’ jagħti d-data preċiża?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda lill-Ministeru kkonċernat.

Karozzi li nxtraw għall-korp tal-pulizija mingħand iċ-CHOGM task force

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta u kemm-il karozza inxtrat għall-korp tal-pulizija mingħand iċ-CHOGM Task Force? Jista’ jgħid ta’ liema tip huma dawn il-karozzi li nxtraw? Jista’ jgħid kemm ġew jiswew dawn il-karozzi li nxtraw mingħand iċ-CHOGM task force? Jista’ jgħid liema sezzjoni tal-pulizija ser tkun qed tuża dawn il-karozzi li nxtraw?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Korp xtraw erbgħin karozza tat-tip Ford Focus f’Ottubru/Novembru 2015, li ngħataw mic-CHOGM Task Force wara l-attivitajiet li kien hemm f’Novembru. Dawn swew li-Dipartiment erbgħa mitt elf Euro u ser jintużaw f’Taqsimiet tal-Pulizija, skond kif jidderiġi l-Kummissarju tal-Pulizija u skond il-bzonnijiet tal-Korp.

Korp tal-Pulizija — Donazzjoni ta’ armi mill-Gvern Ċiniż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li bħalissa għaddejjin trattattivi bejn il-gvern Malti/korp tal-pulizija rigward donazzjoni ta’ armi mill-Gvern taċ-Ċina lill-korp tal-pulizija? Jista’ jgħid meta bdew dawn it-trattativi /negozjati? Jista’ jgħid x’tip ta’ armi ser jingħataw lill-Korp tal-Pulizija? Jista’ jgħid jekk ġiex iffirmat xi ftehim qabel bdew in-negozjati mal-Gvern Ċiniż? Jista’ jgħid jekk għal din id-donazzjoni saritx talba mill-Gvern Malti jew inkella kenitx offerta tal-Gvern Ċiniż lill-Gvern Malti/korp tal-pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab infurmat li bħalissa mhux għaddejjin trattattivi bejn il-Gvern Malti jew il-Korp tal-Pulizija rigward donazzjoni ta’ armi mill-Gvern taċ-Ċina lill-korp tal-Pulizija.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – għoti ta’ kuntratti lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħatat il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Ministeru bejn Marzu 2013 u Diċembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, dan kien riżultat ta’ direct order jew le?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għad-domanda parlamentari 14423 biex jkopri l-perjodu minn Marzu 2013 sa Marzu 2015. Minn April 2015 sa Diċembru 2015 saru żewġ pagamenti oħra lill-kumpanija msemmija. Waħda tammonta € 92, 132 fid-9 ta’ Mejju 2014 u l-oħra € 185 fit-28 ta’ Mejju 2015.

Każ ta’ frodi – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatment, dwar frodi li sofra minnu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-persuna li d-dettalji dwarha ingħataw separatment, ġiet ikkuntatjata mill-Pulizija dwar il–każ in kwistjoni.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — użu tat-tieni karozza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tieni karozza li kien juża l-Ministru jew xi ħadd awtorizzat minnu bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013 kenitx tinkera jew kenitx mixtrija mill-Gvern? Jista’ jgħid liema mudell kienet din il-karozza? F’każ li l-karozza kienet mikrija, x’kienet l-ispiża xahar b’xahar matul l-istess perjodu? Kemm kienet l-ispiża f’każ li l-karozza kienet inxtrat mill-Gvern u meta nxtrat? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż fuq xogħlijiet ta’ tiswijiet li saru fuq din l-istess karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kiri ta’ karozzi li ntużaw minflok it-tieni karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u kemm intuża petrol jew diesel bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, xahar b’xahar b’mod separat, għat-tieni karozza li għamel użu minnha l-Ministru jew xi ħadd awtorizzat minnu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2008 sat-8 ta’ Marzu 2013 ġiet mixtrija t-tieni karozza tal-għamla Volkswagen Passat. Ma nstabu l-ebda dettalji rigward ix-xiri tal-karozza, la pagamenti u lanqas dati. Matul l-istess perjodu saru diversi tiswijiet fuq din il-vettura, li l-ammont tagħhom jitla’ għal € 1, 049.60, iżda matul dan il-perjodu ma saru l-ebda kirjiet għal vetturi oħra. Ninfurmah ukoll li l-ispiża għad-diesel bejn Jannar 2008 u t-23 ta’ Awwissu 2008, il-perjodu li sar użu minn din it-tieni karozza, jammonta għal € 646.73, dawn kienu mqassmin kif ġej: Jannar - €190.30 Frar - € 100.00 Marzu – Nil April - € 55.00 Mejju - € 35.00 Ġunju - €120.67 Lulju - € 75.73 Awwissu - € 70.03

Is-Swieqi – numru ta’ serqiet irraportati – sapport lill-vittmi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari dwar in-numru ta’ serqiet i li dan l-aħħar ġew irraportati fi Swieqi, jista’ l-Ministru jgħid x’għajnuna u x’tip ta’ sapport qed tingħata lill-vittmi? Qegħdin jingħataw sapport għat-trawma li jkunu għaddew minnha?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 21425.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — nefqa fuq reklamar u informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21336 u jgħid x'kienet in-nefqa fuq kampanji ta' reklamar u informazzjoni mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti din l-informazzjoni sena b'sena mill-2013 'l hawn, entità b'entità u dipartiment b'dipartiment?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.