Legislature:
Category:
Reset
Active:

Permit No. 04089/05

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 22943 u 23081 u jara li jiġi milqugħ ilment ta' persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament dwar permit no. 04089/05?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li r-rotot 27, 29 u 30 bdew jgħaddu minn Triq il-Knisja flok Triq iż-Żejtun minħabba li llum għandna xarabanks li qed isibu diffikultajiet biex jgħaddu minn Triq Santa Marija minħabba li t-triq hija dejqa. Dan it-tibdil sar ukoll għas-sigurta tan-nies li jkunu mexjin fl-imsemmija triq. Skop ieħor għat-tibdil ta’ din ir-rotta sar sabiex din tkun stabbilita minn triq waħda u mhux min jgħaddi minn Triq Santa Marija u min jgħaddi minn Triq il-Knisja. Nixtieq ukoll ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l- bus shelter ser jiġi żarmat u mwaħħal fi Triq il-Knisja.

Toroq residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista ta' toroq residenzjali li ġew ikkuntrattati, inkluż il-kuntrattur li se jagħmel ix-xogħol skond l-iskema l-ġdida li tħabbret ftit tal-ġimgħat ilu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Għawdex — Trasport Pubbliku

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 22914 u għar-risposta mogħtija peress li t-triq qed jgħaddi traffiku minnha u anke kieku stess għadha magħluqa xorta qed isiru trips oħra mir-Rabat għal San Lawrenz u lura, x'qed iżomm allura milli jsir it-trip tal-5.30 pm?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninfurmak li mill-aħħar Interpellanza li kienet għamlet l-Onorevoli Interpellant bil-mistoqsija parlamentari numru 22914 sal-lum kien ġie deċiż li t-trips bejn ir-Rabat u San Lawrenz/Għarb u Għasri jerġgħu jibdew isiru b’mod regolari kif kienu qabel ma ġew ridotti minħabba x-xogħol li kien għaddej fuq l-imsemmija triq b’effett mit-Tnejn 5 ta’ Frar 2007.

Mġarr — Trasport pubbliku

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22907 u għar-risposta mogħtija, jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew it-taħditiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninfurmak li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta qiegħda thejji rapport intern biex ittejjeb is-servizz tat-Trasport Pubbliku ġewwa Għawdex. Wara li jsiru diskussjonijiet interni jibdew t-tahdidiet mall-Gozo Bus Owners Association.

San Pawl il-Baħar — Bypass

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21621, 21852, 22067, 22226, 22480, 22620, 22704, 22945 u 23101 u jgħid kemm hu stmat ix-xogħol ta' kostruzzjoni għall-irranġar ta' dik il-parti tal-bypass ta' San Pawl il-Baħar li ċediet minħabba xogħol ta' eskavar minn kuntrattur privat? Min se jħallas għal dan ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Baċir Nru. 1

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi żviluppi fuq il-proġett tal-Baċir Nru. 1?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-taħdidiet fuq dan il-proġett għadhom għaddejjin. Fl-aħħar tas-sena li għaddiet, il-konsorzju Romegas issottometta applikazzjoni għall-iżvilupp outline skond il-parametri tad-development brief.

Birgu — Xogħlijiet fix-xatt

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux sodisfatt bil-livell ta' xogħol li sar fuq iċ-ċangaturi tal-granit li saru fix-xatt tal-Birgu? Jista' jgħid x'se jiġri minn numru ta' ċangaturi tal-granit li diġa' huma mkissrin? Min hu responsabbli ta' dan?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħsara li qed jirreferi għalija fil-mistoqsija tiegħu ġiet kkawżata minħabba li vetturi u trakkijiet ta’ piż b’nuqqas ta’ responsabilta telgħu fuq din iċ-ċangaturi tal-granit. Minħabba f’hekk qabel ma jsir it-tibdil neċessarju l-Ministeru tiegħi qed jieħu azzjoni rimedjali billi poġġejna planters kbar tul ix-xatt u ser jitwaħħlu railings ħdejn rampi għal aċċess donali, b’dan il-mod qed nittamaw li ħsarat ta’ dan it-tip ma jerġax iseħħ.

Dħul f'Sant'Anġlu

Question

Jista' il-Ministru jgħid min jista' jidħol bil-karozza lejn Sant'Anġlu, issa li t-traffiku qed ikun kontrollat? Meta se jibda jsir xi ħaġa biex jinħolqu spazji ġodda għall-parkeġġ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi residenti, il-kavalier, vetturi li joffru xi tip ta' servizz u ammont żgħir ta’ impjegati tal-konsorzji għandhom id-dritt ta’ aċċess. Jista' wkoll ikun hemm avvenimenti minn żmien għal żmien li jinħarġu permessi speċjali għal aċċess ta’ vetturi. Hemm ukoll ħsieb li Xatt ir-Risq jittejjeb biex jinbidel f’parkeġġ organizatt bla ħlas.

Imġarr — Trasport Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex m'għadhomx isiru trips mit-trasport pubbliku dirett mill-Imġarr għall-irħula prinċipali wara nofsinhar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninfurmak illi t-trips li kienu jsiru wara nofsinhar mill-Imġarr għall-irħula m'għadhomx isiru peress li ma kienux jiġu wżati mill-Pubbliku u għalhekk wara rakomandazzjoni mill-Gozo Bus Owners Association dawn ġew sospiżi. Nixtieq ninfurmak illi fil-futur qarib ser jibdew taħdidiet bejn l-ADT u l-Gozo Bus Owners Association rigward titjieb fl-għoti tas-servizz pubbliku.

Rabat, Għawdex — Trasport Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jerġgħu jibdew isiru t-trips b'mod regolari mit-trasport pubbliku mir-Rabat għal San Lawrenz, Għarb u Għasri, liema trips ġew imnaqqsa minħabba x-xogħlijiet fit-Triq ta' Pinu li issa nfetħet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-trips li jsiru mit-trasport pubbliku mir-Rabat għal San Lawrenz/Għarb/Għasri/Żebbuġ fis-7.15am/8.30am/10.30am u 11.30am għadhom isiru regolari u t-trips tad-9.30am u tal-5.30pm m'humiex qed isiru preżentament minħabba x-xogħol li għaddej fuq it-triq li tieħu mir-Rabat għal San Lawrenz. Ninfurmak li hekk kif ix-xogħol fuq it-triq mir-Rabat għal San Lawrrenz ikun finalizzat t-trips tad-9.30 u tal-5.30 jerġa lura għan-normal kif kien qabel.

Ħaddiema tas-Servizz Pubbliku — Użu ta' vettura

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk il-ħaddiema (il-grad) taċ-ċivil li huma ntitolati għal karozza? Kemm spiċċaw ħaddiema f'dan il-grad tul dawn l-aħħar ħames snin u kemm minnhom baqgħu jgawdu minn din il-karozza anke meta spiċċa? X'tip ta' karozza kienet f'kull każ u s-sena ta' reġistrazzjoni għal kull karozza?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif tidher hawn taħt :- Ħaddiema (bil-grad) taċ-ċivil li preżentament huma ntitolati għal karozza Uffiċċjal (Grad) Għamla tal-Karozza Sena ta’ Reġistrazzjoni Segretarju Privat tal-Ministru Chevrolette Lacetti 2006 Kap tas-Segretarjat Peugeot 307 2006 Segretarju Permanenti Peugeot 307 2005 Direttur ( EU Affairs ) Renault Megane 2006 Direttur ( Support Services and Financial Management ) Ford Focus 2000 Kap, Projects Development and Co-Ordination Unit Renault Megane 2006 Kien hemm tlett uffiċjali li kienu ntitolati għal karozza u li spiċċaw mill-kariga wara li ġie mwaqqaf il-Ministeru tiegħi. Tnejn minn dawn l-uffiċjali ġew trasferiti għall-Ministeru ieħor u l-użu tal-karozza waqaf mad-data tat-trasferiment. L-uffiċjal l-ieħor irtira biż-żmien u l-karozza li kienet propjeta’ tal-Gvern nxtrat mill-uffiċjal.

Ħ'Attard — Wied Inċita - parking

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir parking għall-ħaddiema ta' Wied Inċita, f'Ħ'Attard peress li dan qed ikun ta' problema għalihom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett indikat minnu ma jaqax taħt ir-responsabilta’ tal-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq iżda taħt il-Ministeru ta’ l-Agrikultura. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

ADT — Double line

Question

Jista' l-Ministru jara li l-awtorita' dwar it-trasport tagħmel double line fit-triq li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li t-trakkijiet li jgħaddu qed jagħmlu ħsara lill-proprjeta' privata, b'mod partikolari l-gallarija ta' din il-persuna? Qed nibgħat ritratti ta' din il-proprjeta'.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li uffiċjali tat-Traffic Management Unit għamlu spezzjoni fil-post indikat mill-Onorevoli Interpellant u l-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid ingħata struzzjonijiet sabiex isir yellow line fit-triq faċċata ta’ tali proprjeta’.

Dipartiment tal-liċenzjiu testijiet — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema mpjegati mad-dipartiment tal-liċenzji u testijiet fi ħdan l-awtorita' dwar it-trasport matul l-2003, l-2004, l-2005 u l-2006? Jista' jgħid jekk hemmx xi pjan li ma jiddaħlux ħaddiema ġodda fil-mument? F'każ affermattiv, jista' jgħid għaliex mhux jiddaħlu ħaddiema ġodda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ ħaddiema mpjegati mad-dipartiment tal-liċenzji u testijiet fi ħdan l-Awtorita’ tat-Trasport huwa kif hawn taħt imniżżel: · 2003 - 68 · 2004 - 83 · 2005 - 71 · 2006 - 66 L-Awtorita’ qed tagħmel eżerċizzju sabiex teżamina l-bżonnijiet ta’ riżorsi umani sabiex tilħaq l-għan tagħha b’mod effettiv u effiċjenti. Sabiex jiddaħħlu ħaddiema ġodda ma’ l-Awtorita’ ikun meħtieġ approvazzjoni mill-uffiċju tal-Prim Ministru.
Leg 10 PQ #23249 Sitting 485 2007-01-23 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq

Għargħur — Triq Santa Katerina

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 22954 u jgħid: Minħabba l-inkonvenjent ikkawżat għar-residenti ta' Triq Santa Katerina fil-Għargħur, il-gvern għandu ħsieb li jirrivedi d-deċiżjoni li tillimita l-aċċess għat-triq għar-residenti, għall-bdiewa lokali kif ukoll għall-impjegati tal-kamra tan-nar billi teknikament kull karozza li tidħol biex tipprovdi servizz għandha r-riskju li taqla' ċitazzjoni? Jikkonferma l-Ministru dak li ġie rrappurtat fil-media lokali li d-deċiżjoni ġiet mehuda fuq livell ta' Kabinett?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

ADT — Rotta Numru 5

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-awtorita' tat-trasport tistax tikkontempla li jkun hemm servizz ta' trasport pubbliku, bħalma kien hemm żmien ilu, bil-karozza numru 5 li titlaq minn Raħal Ġdid jew anke minn Ħal Tarxien li tgħaddi minn Raħal Ġdid għal Belt, Valletta, peress li hemm ħafna residenti Pawlisti u Tarxienisti li għandhom distanzi twal għall-eqreb bus stop issa li kemm Raħal Raħal Ġdid kif ukoll Ħal Tarxien kibru sew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li għalkemm din ir-rotta kif spjegat fid-domanda mill-Onorevoli Interpellant kienet teżisti snin ilu, hemm diversi problemi biex din ir-rotta terġa tiġi ntrodotta fosthom li jrid jitneħħa l-parkeġġ fuq naħa waħda minn Triq is-Sorijiet u Triq Ġuże Damato biex tkun tista' tgħaddi ix-xarabank tal-linja.

Gudja — Triq Ħal Resqun

Question

Jista' il-Ministru, fid-dawl tal-mistoqsija tiegħi lilu f'Jannar 2006 biex isir l-asfaltar ta' Triq Ħal Resqun fil-Gudja b'mod urġenti minħabba l-istat pessimu tagħha (u li ilha hekk għal dawn l-aħħar 34 sena) u r-risposta tiegħu datata 16 ta' Jannar 2006 (PQ nru. 211) fejn talabni ngħaddilu d-dettalji dwar liema parti tat-triq kont qed nirriferi, u peress li ovvjament kont qed nirriferi għal dik il-parti tat-triq li għadha mhux asfaltata, u peress li jien stess mort f'dawn il-ġranet biex nara b'għajnejja t-tbatijiet tar-residenti wara x-xita li għamlet, jara li dik il-parti ta' Triq Ħal Resqun fil-Gudja li qatt ma ġiet asfaltata tiġi asfaltata mill-aktar fis għax hemm periklu serju kemm għan-nies u kemm għall-proprjeta' tagħhom minħabba t-tajn miġmugħ li jtir fuq il-faċċati tar-residenzi kull meta jgħaddu l-karozzi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn spezzjoni li saret fit-triq imsemmija jirriżulta li ma jeżistix periklu lir-residenti ta' din it-triq. Jeżisti inkonvenjent bħal kif jeżisti f'kull triq li tkun għadha ma ġietx asfaltata.

Żvilupp Urban u Toroq — Kiri ta' Karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' karozzi u vetturi fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li n-nefqa globali għall-kiri ta' karozzi għas-sena 2006 kienet :- - Ministeru/Segretarjat Lm 10,851.47 - Awtorita' dwar it-Trasport Lm 52,346.00 Għad hemm xi kontijiet li għadhom ma ntbgħatux mis-suppliers konċernati.

Imsida — Triq ta' Xmiexi

Question

Jista' l-Ministra jara li tingħata priorita' u urġenza lit-talba ta' għadd kbir ta' residenti ta' Triq ta' Xmiexi, Msida sabiex jitkomplew it-tentattivi li kien hemm fil-passat sabiex tinfetaħ it-triq li tinfed ma' Triq San Alwigi, l-Imsida għaliex f'kaz ta' emerġenza r-residenti ġieli damu 'l fuq minn 25 minuta jistennew ambulanza tasal, filwaqt li ir-residenti jinsabu tant izolati li lanqas jistgħu jwasslu it-tfal l-iskola meta tagħmel ix-xita u ma jkunx possibbli li wieħed jinzel mit-taraġ dejjaq fi tmiem it-triq minħabba l-ilmijiet li jkun hemm?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Msida — Triq it-Torri

Question

Jista' l-Ministra jara li jsir xi ħaġa dwar il-parkeġġ fi Triq it-Torri, l-Imsida li qed joħloq inkonvenjent regolari lit-traffiku li jkun nieżel jew tielgħa speċjalment fir-rush hours ta' filgħodu u wara nofsinhar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Traffic Management Unit irriżulta li fl-aħħar ittra li ntbgħatet mit-Taqsima lill-Kunsill Lokali Msida ġie ssuġġerit li l-parkeġġ fi Triq it-Torri jitħalla li jsir fuq naħa waħda biss. It-Taqsima ma rċevietx l-ebda risposta mill-Kunsill rigward tali suggeriment għaldaqstant it-taqsima bagħtet korrispondenza oħra lill-Kunsill f’dan ir-rigward.