Legislature:
Category:
Reset
Active:

Farm Advisory Services Consortium

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-Gvern għandu ishma fil-Farm Advisory Services Consortium? X’inhu s-servizz li qed jingħata lill-bdiewa mill-FASC? Kemm-il site visit saret mit-twaqqif tal-FASC sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Sal-lum kemm ingħataw pariri mill-FASC? Kemm il-pjan ta’ fertilizazzjoni ġie komplut sal-lum? X’inhu l-ħlas mitlub lill-bdiewa għal dan is-servizz?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-Gvern għandu 25% sehem fil-Farm Advisory Services Consortium (FASC) skond ftehim iffirmat fl-2010. Il-FASC ġiet imwaqqfa taħt il-qafas tal-programm tal-iżvilupp rurali 2007-2013 sabiex tkun tista’ tagħti servizz ta’ parir tekniku lill-bdiewa u raħħala biex jilħqu r-rekwiżiti kollha li huma obbligatorji taħt ir-regolamenti Ewropej u nazzjonali tal-cross compliance, li huma mifruxa fuq lista ta’ 32 il-strument leġiżlattiv Ewropew u 44 strument leġiżlattiv domestiku. Il-FASC sal-lum wettqet site visits fuq l-oqsma ta’ 239 numru ta’ bdiewa, li kollha ngħataw il-parir assoċjat mal-attività tagħhom, inkluż 3279 ammont ta’ pjanijiet ta’ fertilizzazzjoni. Is-servizzi tal-FASC normalment jingħataw b’xejn lill-bdiewa permezz ta’ finanzjament issussidjat taħt miżuri tal-programm ta’ żvilupp rurali u skemi ta’ parir tekniku, iżda minħabba talbiet konsiderevoli wieħed ikun irid jistenna sakemm imissu. F’każijiet partikolari, il-klijent ikun dispost li jħallas sabiex isiru testijiet ta’ ħamrija minn laboratorju indipendenti sabiex iħaffef il-proċess. F’dawn il-każijiet jitħallsu €40 (mingħajr VAT) għal kull pjan ta’ fertilizzazzjoni li jinkludi t-test tal-ħamrija jew €18 (minghajr VAT) mingħajr test tal-ħamrija.

Bdiewa – tagħrif fuq il-pjan ta’ Azzjoni fuq in-Nitrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bdiewa li ngħataw it-tagħrif neċessarju fuq il-pjan ta’ azzjoni fuq in-nitrati? Kif qed jiġi implimentat dan il-pjan?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari kien hemm madwar 1,300 bidwi li bbenefika mill-programm ta’ informazzjoni taħt il-Proġett tal-LIFE+. Liema proġett kien speċifikat dwar informazzjoni u tagħrif dwar l-użu tan-Nitrati skond il-proviżjonijiet tal-liġi nazzjonali fuq in-nitrati kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati li bħalissa qed jiġi implimentat. Dan il-pjan qed jiġi implimentat mid-Direttorat tal-Agrikoltura, (taħt id-Dipartiment tal-Iżvilupp Rurali) speċifikament mis-sezzjoni Regolatorja li tagħmel spezzjonijiet matul is-sena fir-raba’ u fuq l-irziezet, fejn il-persuni kkonċernati huma infurmati dwar l-obbligi relatati mal-liġi tan-nitrati kif ukoll jiġi spjegat kif f’każ ta ksur, dan irid jiġi rimedjat. Id-direttorat għandu ‘Standard Operating Procedure’ biex jiġu infurzati il-penalitajiet u jekk hemm bżonn il-passi legali meħtieġa biex b’hekk il-pajjiż ikun qed isegwi il-Pjan ta’ Azzjoni biex Malta tiġi konformi mad-Direttiva tan-nitrati 91/676/EEC. Mgħarraf ukoll li madwar 1,154 bidwi attendew korsijiet dwar l-użu tan-nitrati taħt miżura M111, liema miżura tiffoka fuq taħriġ ta’ nies f’dan is-settur flimkien mat-tqassim ta' tagħrif u informazzjoni relatata.

Dipartiment tal-Agrikoltura u Sajd — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm/ kien hemm ħaddiema mad-Dipartiment tal-Agrikoltura u s-Sajd, grad b’grad, fis-snin 2013, 2014 u 2015? Kemm iddaħħlu ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tal-Agrikoltura u Sajd, sena b’sena mill-2013 sal-2015? Mil-liema lokalitajiet ġejjin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni miġbura qed tiġi vverifikata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, li qed jimpenja ruħu li jagħti l-informazzjoni korretta u t-tweġiba tingħata minnufih.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid jekk il-membri, inklużi ċ-Chairperson u s-Segretarju ta' dawn il-bordijiet jieħdux xi remunerazzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hi r-remunerazzjoni, li kull sena jirċievi ċ-Chairperson, is-segretarju u kull membru, separatament, ta' kull bord?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għall-Mistoqsija tiegħu ngħatat fit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 19754 u 19755.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’reklamar fl-entita’ li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament minn 2008 sal-lum sena b’sena u skont il-mezz tax-xandir innifsu?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant japprezza li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli għalih nibet minn Ministeri oħra li kienu jħaddnu ukoll bosta sezzjonijiet u jew entitajiet u dipartimenti li llum ma jiffurmawx parti minn dan il-Ministeru. Fil-parti l-kbira l-Ministeru tiegħi twieled minn dak li qabel kien il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali (MRRA) li minnu twieled ukoll il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura (MTI) tal-lum. Għaldaqstant għal perjodu bejn l-2008 sa Marzu 2013 ir-risposta ser tingħata mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura li saritlu mistoqsija simili. Min-naħa ta’ dan il-Ministeru, skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni bejn Marzu 2013 sa Settembru 2015.

L-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni dwar l-ekonomija l-ħadra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani tal-Gvern dwar l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni dwar l-ekonomija l-ħadra?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, il-Ministeru fassal abbozz ta’ strateġija u pjan ta’ azzjoni li jwassal għat-tkabbir tal-ekonomija l-ħadra u kkonkluda proċess ta’ konsultazzjoni inter-ministerjali fejn l-Ministeri individwali għaddew il-kummenti u s-suġġerimenti tagħhom. Dan sar għal żewġ raġunijiet ewlenin; waħda sabiex jiġi assigurat l-mainstreaming tal-ekonomija l-ħadra kif ukoll sabiex nikkonfermaw li l-pjan ta’ azzjoni jimmassimizza l-valur miżjud ekonomiku waqt li jħares l-ambjent. Issa li ġie konkluż dan il-proċess, il-Ministeru ser iniedi konsultazzjoni pubblika matul dan ix-xahar sabiex il-pubbliku inġenerali jkun jista’ jgħaddi l-kummenti u s-suġġerimenti tiegħu. Wara li jingħalaq dan il-proċess, il-Ministeru jibda jħejji l-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni billi jikkordina l-inizzjazzjoni ta’ dan mal-Ministeri kkonċernati.

Park tal-Familja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hux il-ħsieb tal-Gvern li jiġu kummerċjalizzati ċerti faċilitajiet fil-Park tal-Familja permezz ta’ kirjiet li joffru għażla aktar wiesgħa għall-viżitaturi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti peress li dan il-Ministeru ilu xi żmien li bagħat l-affarijiet lid-Dipartiment tal-Artijiet biex terġa’ tinħareġ sejħa għall-offerti, nitlob lill-Onor. Interepellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Park ta’ Kennedy Grove

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-estensjoni fil-park ta’ Kennedy Grove?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti x-xogħlijiet tal-proġett tal-estenzjoni ġewwa Kennedy Grove huma għaddejjin b’ritmu ħafif biex ifittex jitgawda mill-bosta ċittadini li jfittxuh f’dan iż-żmien tas-sena. Barra xogħol ta’ concrete li tlesta dawn il-ġranet, inbeda x-xogħol tad-dwal li huwa stmat jitlesta lejn l-aħħar t’Ottubru, flimkien ma’ Gazebo tal-injam li qegħda tiġi immanifatturata min-nies tal-PARK stess. Intant, sabiex aktar jagħti lok ta’ divertiment għat-tfal, fil-Park saret stallazzjoni ta’ tagħmir ta’ logħob addattat li jkompli jagħmel il-post aktar imfittex.

Tħawwil tas-siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn din is-sena kemm kien hemm kumpaniji privati li ngħaqdu mal-Gvern flimkien mal-NGOs għat-tħawwil tas-siġar? Kien hemm sponsors li nkisbu mill-Ministeru stess?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti matul din is-sena kien hemm sitt kumpaniji privati li sponsorjaw siġar taħt l-iskema Tree for You. Dawn kienu kollha sponsors li avviċinaw direttament lid-Dipartiment tal-PARKS fi ħdan il-Ministeru.

Tisbiħ fil-qasam tal-Parks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu maħsub għat-tisbiħ fil-qasam tal-parks? Qed isir manteniment regolari fl-attrezzaturi? Hemm maħsub tħawwil ta’ aktar siġar speċjalment fl-estensjoni ppjanata ta’ Kennedy Grove?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-manutenzjoni, kemm fuq l-apparat tal-logħob kif ukoll fuq funtani u attrezzaturi oħra tal-ilma issir regolarment kemm minn ħaddiema tal-PARK stess kif ukoll minn kuntratturi privati. Huwa ppjanat li din is-sena jiġu mħawwla madwar 150 siġra indiġena u arbuxxelli oħra ġewwa l-park ta’ Kennedy Grove, flimkien ma’ xogħol ieħor ta’ tisbiħ f’dan il-lok kif spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18770. Hemm ukoll pjan biex jiġi stabbilit Park ieħor ġewwa l-foss ta’ Ħaż-Żabbar, fejn hemm il-ħsieb li jitħawwlu aktar siġar indiġeni u jitwaħħal ukoll apparat tal-logħob tat-tfal.

Buġibba — Water Park

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tlestiex ix-xogħol maħsub fil-Water Park ta’ Buġibba sabiex il-bankijiet ikunu mgħottija b’aktar tined għall-ilqugħ mill-elementi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, matul das-sajf 2015 numru ta’ umbrelel ġew installati ġewwa l-Water Park ta’ Bugibba kif ukoll twaħħlet bi prova tinda fuq bank lejn l-aħħar t’Awwissu, fejn ninsab infurmat li ntlaqgħet tajjeb mill-pubbliku. Għaldaqstant huwa ppjanat li għas-sena d-dieħla jitwaħħlu aktar bħal din it-tinda għal kumdità akbar tal-pubbliku.

Ta’ Qali – Ċentru San Franġisk – pariri

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt jew kuntratti mogħtija lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ rapporti, rakkomandazzjonijiet u pariri maħruġa bħala parti mis-servizz li ngħataw s’issa lill-kumpanija dwar il-proposti għaċ-Ċentru San Frangisk f’Ta’ Qali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, peress li l-operatur taċ-Ċentru San Franġisk infurmana li kien ser jieqaf f’qasir żmien, kien hemm urġenza sabiex ikun imfassal qafas ta’ kuntratt ġdid. Kuntratt li jkun jirrifletti aħjar x’rid il-Gvern sabiex joffri iżjed aċċessibiltà għall-NGO’s u jkun hemm iżjed garanziji favur il-Gvern milli kien hemm kif kien il-kuntratt li kien sar taħt l-amministrazzjoni l-oħra. Il-kumpanija in kwistjoni kellha l-ħiliet u r-rekwiżiti neċessarji biex tgħin lis-Segretarjat Parlamentari fiż-żmien qasir rikjest u l-ħatra tagħha kienet taqa’ wkoll fil-parametri tar-regoli. Saru diversi laqgħat ta’ diskussjoni u ngħataw pariri sabiex sussegwentement setgħet tinħareġ is-sejħa għall-offerti mid-Dipartiment tal-Artijiet. Id-dokument relatat huwa pubbliku u qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kelb f’qagħda kritika fuq il-katamaran

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19569 fejn kelb miet fuq il-katamaran fi traġit bejn Malta u Sqallija minħabba heat stroke, jista' l-Ministru jgħid jekk: (a) il- policy issa inbidlitx fuq il-katamaran tal-Virtu Ferries u l-klieb issa jistgħu jitilgħu fuq biex ma jibqgħux fis-sħana tal-garaxx; u (b) qabel dan l-inċident fatali kienx jaf id-Dipartiment tal-Animal Welfare li l-klieb qed jitħallew fil-garaxx u jekk kien jaf ħax passi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, sal-lum l-entità in kwistjoni ma tat l-ebda konferma li bidlet il-policy tagħha sabiex waqt it-traġitt l-annimali jitellgħu fuq u ma jibqgħux fil-garaxx. Ta’ min ifakkar illi skond ispezzjoni li saret mid-Dipartiment għar-Regolazzjoni Veterinarja u Saħħa tal-Pjanti fl-aħħar ta’ Awwissu instab li l-annimali m’ghandhomx jinżammu fil-garaxx tal-katamaran bejn il-15 ta’ Ġunju u l-15 ta’ Settembru. Għalhekk id-Direttorat qiegħed jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li sas-Sajf li ġej l-entità in kwistjoni ikollha policies fis-seħħ. Sadanittant infurmat ukoll li għalkemm qabel dan l-inċident kien magħruf li l-klieb kienu jinżammu fil-garaxx waqt it-traġitt bejn Malta u Sqallija qatt ma kien hemm xi indikazzjoni li dan seta’ kien ta’ periklu u l-anqas qatt ma kien irrapurtat xi każ ta’ sofferenza u għalhekk ma kienx hemm għalfejn tittieħed xi forma ta’ azzjoni.

Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali – pariri lill-Ministru

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19574, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-pariri li ngħataw mill-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m’għandi xejn iżjed xi nżid mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19574.

Animal Welfate — spezzjonijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19572, jista’ l-Ministru jgħid jekk wara dawn it-twissijiet verbali, l-Animal Welfare reġgħetx għamlet spezzjonijiet għall-għarrieda? Jekk iva, meta u fejn?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-uffiċjali tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jwettqu spezzjonijiet għall-għarrieda fi żmien wara li tkun ingħatat twissija verbali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-data u l-post fejn twettqu tali spezzjonijiet.

Animal Welfare – impjegati li telqu

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19570, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-13-il ħaddiema li telqu minn dan id-direttorat ħadu promozzjoni? X’promozzjoni ħadu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti mit-13 -il ħaddiem imsemmija, 5 telqu mid-Direttorat imsemmi għaliex ħadu ħatra ġdida fl-istess Ministeru jew f’Ministeri oħrajn. Id-dettalji huma kif ġej: (a) 1 inħatar Executive Officer fil-Ministeru għas-Saħħa; (b) 1 nħatret Accounting Support Officer fid-Direttorat għas-Servizzi Korporattivi f’dan l-istess Ministeru; (ċ) 1 ingħata l-ħatra ta’ Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali kif jipprovdi Kap. 439 tal-Liġijiet ta’ Malta; (d) 1 nħatret Manager Accounting and Finance fil-Ministeru għall-Finanzi; (e) 1 ingħata l-ħatra ta’ Reġistratur għall- Veterinary Surgeons Council kif jipprovdi Kap. 437 tal-Liġijiet ta’ Malta; Kien hemm ukoll żewġ uffiċjali oħra li ddeċiedew li jtemmu l-kuntratt definit li kellhom mad-Direttorat; wieħed minn dawn ġie rilaxxat ma’ għaqda volontajra skond kif jipprovdi l- Public Service Management Code (PSMC) , filwaqt li l-ieħor irritorna fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili minn fejn kien telaq biex jingħaqad mad-Direttorat tal- Animal Welfare .

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – membri parlamentari tal-Oppożizzjoni ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni preżenti jew passati li kienu jew għadhom jaħdmu jew jokkupaw xi kariga f’xi entità li taqa’ taħt ir-responsabilità tiegħu sa mill-2008 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x’kariga jokkupa/tokkupa u x’pakkett finanzjarju u perkaċċi oħra hemm marbuta mal-kariga?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ir-records juru li kien hemm żewġ Membri Parlamentari li kienu jew għadhom jaħdmu fl-entità li taqa’ taħt ir-responsabbilità ta’ dan il-Ministeru. Il-kelliema preżenti tal-oppożizzjoni għall-Ambjent, Enerġija u Trasport kienet tifforma parti mill-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija WasteServ. Hija kellha onorarja ta’ €3,494.04 fis-sena u “Gozo expense allowance” ta’ €582.36 fis-sena. Apparti minn hekk kienet titħallas ukoll €35 għal kull extra session illi kienet tattendi. Ex-membru tal-Parlament fl-amministrazzjoni preċedenti, illum jokkupa l-kariga ta’ Project Management Adviser fuq bażi part-time, u jitħallas €16.29 fis-siegħa. Huwa ntitolat ukoll għal €815 mobile allowance, performance bonus u car allowance ta’ €4,659. Il-car allowance tiġi mħallsa pro rata skond l-ammont ta’ siegħat li jinħadmu.

Mixtla tal-Gvern ta’ San Vinċenz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tnisslu siġar fil-mixtla tal-Gvern ta’ San Vinċenz fl-2013, 2014 u 2015? Kemm ġew impurtati xtieli fl-istess perjodu? Kemm kien il-bejgħ mill-istess mixtla fl-istess perjodu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Għammieri — Ċentru esperimentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ esperimenti saru jew qegħdin isiru fiċ-Ċentru Esperimentali tal-Għammieri minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.