Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħalib Skimmed

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 24625 li oriġinarjament kienet saret lil Ministeru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe jista' jgħid jekk is-sussidju fuq ħalib skimmed għal dawk li jinħtieġuh minħabba xi dieta partikulari hux se jispiċċa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Dan it-tip ta' ħalib, jinstab għall-bejgħ f'ħafna ħwienet u għalhekk, billi l-iskop li tipprovdi dan il-ħalib spiċċa, ma għadx hemm il-ħtieġa li jipprovdih il-Gvern. Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant illi dan it-trab tal-ħalib ma kienx issusidjat kif diġa spjegajt fi stqarrija għall-istampa numru 427.
Leg 9 PQ #24845 Sitting 532 2001-04-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

BSE

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-testijiet tal-BSE humiex se jsiru fuq il-karkassi kollha taċ-ċanga?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-testijiet tal-BSE isiru fuq il-karkassi kollha ta' eta 'l fuq minn 24 xahar.
Leg 9 PQ #24864 Sitting 532 2001-04-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Għammieri — Farm Esperimentali

Question

Jista' l-Ministru jinformana xi provi ġodda saru fuq xtieli, pjanti u siġar fil-farm esperimentali ta' Malta, l-Għammieri, bil-għan li tiżdied id-diversifikazzjoni tal-prodotti lokali, matul l-1999 u s-sena 2000? X'riżultat u progress inkiseb u kemm kienu l-bdiewa nvoluti f'dan il-proċess u min kienu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Fis-sezzjoni ta' l-Ortikoltura, fil-farm esperimentali fl-Għammieri, kull sena jsiru provi fuq xtieli u pjanti bil-għan li jiġu ppruvati varjetajiet ġodda ta' żerriegħa u jiġi stabbilt liema varjetajiet jagħtu l-aħjar riżultati taħt il-kundizzjonijiet lokali. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-snin 1999 u 2000 saru provi fuq diversi prodotti, kemm tas-serrer kif ukoll ta' barra, fosthom tadam, ħjar, qara'bagħli, bżar, basal, brunġiel, patata u fjuri. Ir-riżultati miksuba min dawn il-provi jiġu kkomunikati lill-bdiewa nterresati mill-uffiċjali tas-sezzjoni kif ukoll mill-uffiċjali tal-Extension Service tad-Dipartiment.
Leg 9 PQ #24865 Sitting 532 2001-04-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biedja — Produzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana bil-pjan tal-gvern għal qasam tal-biedja fil-gżira ta' Għawdex għal din is-sena u s-sena d-dieħla? Kemm huma l-flus ivvotati għal dan il-pjan? Kemm hija mistennija li tgħola l-produzzjoni u liema produzzjoni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #25041 Sitting 532 2001-04-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Animali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati animali mill-Ingilterra is-sena l-oħra u x'tip ta' animali kienu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi mill-Gran Brittanja ġew impurtati għasafar, ħamiem, żwiemel, ponijiet u fniek.
Leg 9 PQ #25046 Sitting 532 2001-04-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ċanga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqattet ċanga ta' Malta kull sena f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-qatla taċ-ċanga f'dawn l-aħħar 5 snin kienet skond it-tabella hawn taħt: 1996 5,971 ras 1997 5,937 ras 1998 5,623 ras 1999 5,710 ras 2000 5,655 ras Għall-ewwel tlett xhur tas-sena 2001, il-qatla kienet ta' 906 ras.
Leg 9 PQ #25047 Sitting 532 2001-04-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ilsien u Dwiefer

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux veru li studenti mill-iskola ta' l-agrikoltura se jmorru iżuru xi postijiet ġo Franza konnessi ma' l-agrikoltura? Minħabba il-marda tal-ilsien u dwiefer, x'passi se jieħu d-dipartiment biex dawn l-istudenti ma jġibux l-virus lura magħhom?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-kap tal-Iskola ġie mwissi biex l-istudenti ma jżurux postijiet fejn hemm bhejjem u sabiex iż-żraben li jilbsu meta jżuru xi farms li mhux tal-bhejjem ma jinġibux lura Malta. Qabel jiġu Malta l-istudenti ser iqattgħu xi jiem f'Pariġi u mhux se jżuru postijiet agrikoli.
Leg 9 PQ #24735 Sitting 531 2001-04-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agricultural Foremen

Question

Jista' l-Ministru jinformana fiex wasal il-proċess ta' l-applikazzjoni għall-agricultural foremen li ħareġ mid-dipartiment ta' l-agrikoltura f'Novembru ta' l-1999?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-Bord ta’ l-Għażla bagħat il-konklużjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, u dawn qegħdin jiġu diskussi.
Leg 9 PQ #24736 Sitting 531 2001-04-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Produzzjoni tal-Basal

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana x'ġara mill-pjani ta' l-esportazzjoni tal-basal għal din is-sena? Kemm ġie esportat basal fil-fatt u kemm kienet il-produzzjoni f'Għawdex u f'Malta separatament għal din il-produzzjoni? Kemm kien in-numru ta' bdiewa li kabbru dan il-basal għall-esportazzjoni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Kif kien tħabbar xi xhur ilu, din is-sena qegħdin isiru provi fuq varjetajiet ġodda tal-basal bl-iskop li fil-futur tkun tista terġa tibda l-esportazzjoni ta' dan il-prodott minn Malta. Naturalment, parti minn dan il-programm jinkludi wkoll is-safar tal-prodott miksub minn dawn il-provi, liema provi qed isiru mill-privat. Madankollu, kif suppost jaf l-Onor. Interpellant, għadu ma wasalx żmien il-basal niexef. Infatti il-basal niexef issibu għall-ħabta tal-bidu ta' Ġunju.
Leg 9 PQ #24737 Sitting 531 2001-04-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata taż-Żriegħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti lid-dipartiment ta' l-agrikoltura dwar in-nuqqas tal-kwalita' tal-patata taż-żriegħ? X'miżuri ħa d-dipartiment u x'inhija s-sitwazzjoni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat mill-uffiċjal inkarigat illi d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura eżamina l-ilmenti kollha li kien irċieva mingħand il-bdiewa dwar il-patata taż-żriegħ. Ninforma l-Onor. Interpellant li fit-tlett każi li kien hemm, ir-risultati xjentifiċi li saru kkonfermaw li l-ħsara rrappurtata ma kienitx kawża taż-żerriegħa. Naturalment, f'kull każ il-bidwi kkonċernat kien infurmat bir-riżultat u ngħata pariri addattati biex jevita aktar ħsarat.
Leg 9 PQ #25122 Sitting 531 2001-04-24 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Kwarantina

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn jinżammu kwarantina ż-żwiemel li jinġiebu minn barra? Kemm jinżammu f'numru ta' ġranet fil-kwarantina? Jista' jgħid jekk fil-każ ta' żwiemel jeżistiex paddock għalihom?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ż-żwiemel li jiġu minn barra dejjem jiġu spezzjonati u identifikati fil-Kwarantina ta' Zammit Dock. In-numru ta' ġranet li jinżammu ż-żwiemel jiddependi mill-pajjiż minn fejn ikunu ġew. Waqt li ż-żwiemel jinżammu fil-kwarantina, ma jkunux jistgħu jintelqu ġo paddock.
Leg 9 PQ #25131 Sitting 531 2001-04-24 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Kontenituri għad-Disinfettant

Question

Jista' l-Ministru jgħid (a) fuq l-ordni ta' min saru il-kontenituri għad-disinfettant ħdejn ir-rampi tal-vapur fl-Imġarr, Għawdex? (b) Taħt is-supervizjoni ta' min sar l-imsemmi xogħol? (c) Liema dipartiment/ korporazzjoni ser iħallsu għal imsemmi xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma l-Onor. Interpellant illi l-kontenaturi jew disinfection pits għall-karozzi saru fuq talba tas-Servizzi Veterinarju. Dawn saru taħt is-superviżjoni tal-Maritime Authority u l-Gozo Channel. Il-Maritime Authority ser tħallas għal dan ix-xogħol.
Leg 9 PQ #24685 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-valur fi flus tax-xogħlijiet/proġetti li qed isiru fil-mument mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħu fuq talba tal-kunsilli lokali f'Malta u f'Għawdex?

Response (ZAMMIT, NINU)

Matul din is-sena, id-Dipartiment tal-Agrikoltura wettaq xogħol ta' manutenzjoni u ta' ġardinaġġ b'kuntratt ma' diversi kunsilli lokali f'Malta. Dan għal valur ta' madwar Lm29,000. Rigward xogħlijiet/proġetti f'Għawdex li jirrigwardjaw l-Agrikoltura, nissuġġerixi l-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #24732 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ħut Mejjet

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana x'investigazzjoni saret mid-dipartiment tas-sajd dwar ir-rapport li deher fil-ġurnal "l-orizzont" f'paġna 3, nhar il-Ġimgħa 23 ta' Marzu, dwar ħut mejjet taħt il-gaġġeġ tat-tonn, kif esebit b'filmati, mill-koperattiva nazzjonali tas-sajd?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-filmat li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, kien ta' ftit xhur ilu. F'Marzu 2001 sar studju u filmat ieħor fl-istess żona fejn il-qiegħ instab nadif u fejn l-impatt ta' l-attivita' tat-trobbija tat-tonn kien negliġibli (għajr għal xi żewġ biċċiet ħbula tan-nylon li waqgħu fil-qiegħ). Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ Rapport ta’ l-istudju imsemmi.
Leg 9 PQ #25130 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Kontenituri għad-Disinfettant

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-kontenituri għad-diżinfettant ħdejn ir-rampa tal-vapur fl-Imġarr, Għawdex reġgħu nqalgħu? (b) Kemm ġew jiswew dawn il-kontenituri ie (1) dawk li saru u reġgħu inqalgħu (2) dawk li reġgħu saru jumejn ilu? (c) Min ser iħallas għax-xogħol ħażin li sar?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi d-disinfection pits għall-karozzi ġew maqlugħa. Dan għaliex il-Gozo Channel kif ukoll il-pulizija sabu illi ma kienux prattikabbli. Dawn kollha ġew jiswew Lm1452 u l-ispejjeż ser tħallashom il-Maritime Authority.
Leg 9 PQ #24675 Sitting 529 2001-04-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Produzzjoni tal-Majjal

Question

Jista' l-Ministru jispjega l-fatt li filwaqt li l-produzzjoni tal-majjal għoliet matul l-1997 u l-1998 biex kienet tlaħħaq mad-domanda tas-suq lokali, matul is-sena 2000 bdiet nieża 'l isfel? Meta fil-fatt huwa pprogrammet li l-produzzjoni lokali tal-majjal terġa' tilħaq għad-domanda tas-suq lokali kif kienet din l-industrija sentejn ilu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lilll-Onor Interpellant li l-produzzjoni tal-majjal matul is-sena 2000 kienet iżjed minn dik tal-1999. Kienet fil-fatt tlaħħaq mal-kwota annwali ta' 121,680 ras. Ma naħsibx li għandi għaliex nfakkar li l-produzzjoni żejda tal-1997 kienet ikkaġunata mit-tentattiv ta' l-Interpellant biex jiġi esportati 10,000 majjal. It-tabella segwenti turi sena b'sena mill-1997-2000 kemm ġew "tattooed" majjali. Sena Rjus 1997 141,228 1998 131,065 1999 122,289 2000 126,265
Leg 9 PQ #24571 Sitting 528 2001-04-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

BSE

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt saru testijiet fuq il-laħam tal-baqar u l-għoġġiela f'Malta u Għawdex xahar b'xahar minn Jannar l'hawn dwar il-BSE? Kemm -il test sar fil-laboratorji lokali u kemm fil-laboratorji barranin u meta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajtu l-ġimgħa l-oħra għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24507.
Leg 9 PQ #24572 Sitting 528 2001-04-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

BSE

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma ttunellaġ tal-laħam taċ-ċanga lokali li mistennija jsiru testijiet fuqhom fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin? X'metodu se japplika l-Gvern sabiex il-konsumaturi jkunu assigurati li laħam taċ-ċanga lokali huwa ħieles mill-marda tal-BSE?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-testijiet sejrin isiru fuq mill-inqas 3000 ras (madwar 750 tunnellata laħam taċ-ċanga). L-Onor. Interpellant jaf li l-bovini Maltin ma jiġux mogħtija għalf bil-Meat and Bone Meal. Jaf ukoll, li għalkemm f'Malta qatt ma kien hawn każi tal-BSE, xorta waħda qegħdin jitneħħew l-SRM's min fuq il-linja biex żgur ma jkunx hemm xi kontaminazzjoni.
Leg 9 PQ #24573 Sitting 528 2001-04-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Produzzjoni tal-Majjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li minkejja li l-Ministru qal li l-produzzjoni lokali tal-majjal kellha tiġi għan-normal f'Marzu tas-sena l-oħra, s'issa għadna nirrikorru għall-importazzjoni tal-laħam tal-majjal minn barra minn Malta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill Onor Interpellant li minħabba r-raġunijiet tal-BSE, id-domanda żdiedet konsiderevolment u s-supply mhux bizzejjed biex taqdi d-domanda. Bħalma jaf kulħadd, id-domanda għal dan il-prodott żdiedet tant illi ma hawnx produzzjoni biżżejjed sabiex inlaħqu mad-domanda tas-suq. Suppost l-Onor. Interpellant jaf li dan il-każ ma jseħħx spiss, u jaf ukoll li f'ċirkustanzi normali, il-produzzjoni dejjem laħqet mad-domanda tas-suq.