Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qrati Barranin — Ambaxxata Maltija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bejn 1-1 ta' Jannar 1999 u l-31 ta' Diċembru 2001 kienx hemm xi proċeduri fil-qrati barranin kontra xi ambaxxata Maltija, mibdijin minn ex-impjegati lokali li kienu tkeċċew? Jekk iva, liema kienu l-ambaxxati u kemm-il każ hemm b'kollox? Jekk f'dawn il-każi l-ambaxxata Maltija jew il-Gvern Malti ġew ikkundannati iħallsu xi somom ta' flus lill-ex impjegati, u jekk iva x'kienet f'kull każ din is-somma? Fil-każ jista' jgħid jekk il-Gvern Malti ħallasx din is-somma jew jekk hux qiegħed jikkontesa jew jappella minn dawn id-deċiżjoni jew deċiżjonijiet? Jekk għadu ma ħallasx, saru xi rappreżentazzjonijiet mill-Gvern barrani biex il-Gvern malti jħallas?

Response (BORG, JOE)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #30906 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Sussidji fuq l-Biedja

Question

B'referenza għall-diskors tal-Ministru tal-Biedja Spanjol Miguel Arias Canese, ċioe li l-membri l-ġodda ta' l-UE ma għandhomx ikollhom aċċess immedjat għas-sussidji tal-Biedja wara li jsiru membri, jista' l-Ministru jinfurmani x'inhija l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar din il-fehma tal-Gvern Spanjol li għandu l-presidenza ta' l-UE fil-mument?

Response (BORG, JOE)

Id-diskors tal-Ministru tal-Biedja Spanjol Miguel Arias Canese għandu jittieħed fil-kuntest sew tal-proposti reċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-iffinanzjar tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, u wkoll fl-isfond tar-riformi fil-politika agrikola komuni tal-Unjoni Ewropea li għad iridu jseħħu. Għalhekk, għadu prematur li wieħed jesprimi ruħu dwar il-fehma tal-Gvern Spanjol jew ta' kwalunkwe Gvern ieħor fuq din il-materja. Fir-rigward tal-agrikoltura l-Gvern Malti qiegħed jiffinaliżża l-pożizzjoni tiegħu għan-negozjati mal-Unjoni Ewropea dwar l-agrikoltura bil-għan li jinnegozja l-aħjar pakkett possibbli sabiex bi sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, l-agrikoltura Maltija mhux biss tiġi salvagwardjata iżda jiġu mħarsa wkoll l-interessi tal-bdiewa u r-raħħala Maltin.
Leg 9 PQ #32016 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ambaxxati

Question

Filwaqt li matul il-waqfa tiegħu f'Ċipru, l-Prim Ministru Spanjol Aznar ħabbar il-ftuħ ta' Ambaxxata f'Ċipru, jista' jgħid jekk waqt iz-zjara tal-Prim Ministru Spanjol f'Malta kienx hemm impenn min-naħa spanjola biex tinfetaħ l-ambaxxata tagħhom mill-ġdid f'pajjiżna anke u b'reċiproċita għall-ambaxxata li aħna ftaħna f'Madrid xi żmien ilu? Jista' jgħid jekk il-Gvern Malti huwiex jipprova jirrikorri għar-reċiprocita dwar ftuħ t'ambaxxati f'Malta minn dawk il-Gvernijiet li aħna ftaħna ambaxxati fil-bliet kapitali tagħhom?

Response (BORG, JOE)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ambaxxata Spanjola f'Malta kienet ingħalqet matul l-Amministrazzjoni Laburista preċedenti wara li l-Gvern Malti dak iż-żmien, iffriża l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea. Meta Malta, minnufih wara l-Elezzjoni ta' 1998, irrijattivat din l-applikazzjoni, il-Gvern Spanjol daħħal mill-ġdid lil pajjiżna fost il-pajjiżi meqjusa bħala prijoritarji għall-ftuħ ta' Ambaxxata Spanjola fihom. Il-Gvern Spanjol, għalhekk, bi ħsiebu jiftaħ Ambaxxata f'Malta malli jkun jista'. F'rigward tat-tieni parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern Malti jiftaħ ambaxxati f'pajjiżi oħra skond il-ħtiġijiet u l-interessi ta' pajjiżna.
Leg 9 PQ #31976 Sitting 710 2002-03-06 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Submarine Nukleari f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-futur qarib se jidħol submarine nukleari Amerikan f'pajjiżna u jekk hux veru li se jsorġi ġo f'San Pawl il-Baħar?

Response (BORG, JOE)

Il-Ministeru ma rċieva ebda talba biex submarine nukleari Amerikan iżur Malta.
Leg 9 PQ #31979 Sitting 710 2002-03-06 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Vapuri tal-Gwerra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu vapuri tal-gwerra is-sena l-oħra u ta' liema pajjiż kienu? X' tip kienu?

Response (BORG, JOE)

Matul is-sena 2001 daħlu 51 vapur militari li ġew mill-Belġju, Franza, Ġermanja, Greċja, Ingilterra, Italja, Kanada, Marokk, Olanda, Polonja, Stati Uniti u t-Turkija. It-tip ta' dawn il-vapuri kienu: Amphibious Assault Ships, Fleet Ocean Tugs, Frigates, Guided Missile Destroyer, Coastal Minehunter, Minehunters, Supply Ships, Coastal Defence Ship, Guided Missile Frigate, Dock Landing Ship, Command Ship, Submarines, Patrol Craft, Combat Store Ship, Ocean Surveillance Ship, Corvette, Training Ship, Aircraft Carrier, Surveying Ship, Helicopter Carrier, Attack Submarine.
Leg 9 PQ #30843 Sitting 706 2002-03-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Pubblikazzjonijiet — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-posta, stationeries, reklamar, pubblikazzjonijiet għas-sena 2001 tal-Ministeru u Dipartimenti, Dekasteri, Korporazzjonijiet, eċċ li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin? Kemm tħallsu minn dawn l-ispejjes u kemm għadhom pendenti?

Response (BORG, JOE)

Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba. Informazzjoni ddettaljata fuq infiq attwali tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Teżor jippubblika aktar tard fis-sena.
Leg 9 PQ #31592 Sitting 705 2002-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ħames Protokoll

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu n-negozjati bejn Malta u l-Italja dwar il-ħames protokoll bejn ż-żewġ pajjiżi? Jirriżulta li l-Italja trid li dan ikun jorbot sas-sena 2004 biss?

Response (BORG, JOE)

In-negozjati bejn Malta u l-Italja dwar il-Ħames Protokoll Finanzjarju li kienu bdew taħt l-amministrazzjoni Taljana preċedenti qed jitkomplew ma' l-amministrazzjoni preżenti. L-oqsma li ser jiġu nklużi taħt dan il-Protokoll, kif ukoll l-ammont u t-tul tiegħu għadhom qed jiġu diskussi.
Leg 9 PQ #31574 Sitting 702 2002-02-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

UE — Net Funding

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern stabbilixiex x'ser ikun in-net funding mill-UE bħala persentaġġ tal-GDP ta' pajjiżna li kieku Malta kellha tissieħeb fl-UE?

Response (BORG, JOE)

Ta' min wieħed jinnota li bi tħejjija għan-negozjati ma' kull pajjiż kandidat dwar il-Politika Reġjonali, il-provvedimenti dwar ir-Riżorsi Finanzjarji u dawk tal-Budget u l-Agrikoltura, l-Kummissjoni Ewropea għadha kemm ħabbret il-proposti globali tagħha dwar il-finanzjament tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea. Il-Gvern Malti qiegħed jistudja dawn il-proposti bit-tħejjija għan-negozjati li għad iridu jseħħu dwar dawn l-oqsma. Huwa għalhekk prematur li wieħed jipprova jgħid minn issa x'ser ikun in-net funding mill-Unjoni Ewropea wara li Malta tissieħeb fl-istess Unjoni.
Leg 9 PQ #31781 Sitting 702 2002-02-25 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Londra — Malpro

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-soċjetajiet Malpro I u Malpro II (f'liema soċjetajiet il-gvern malti għandu interess sostenzjali) ghandhomx proprjeta f'Londra li preżentement ser tinkera?

Response (BORG, JOE)

Il-kumpaniji ndikati mill-Onorevoli Interpellant ma jaqgħux taħt id-dekasteru tiegħi. Għaldaqstant, nissuġġerixxi illi jressaq il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #30772 Sitting 700 2002-02-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ambaxxati Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet globalment lil poplu Malti u Għawdxi l-Ambaxxata Maltija fl-Londra matul is-sena li għaddiet? Jista' jagħti l-istess informazzjoni fir-rigward ta' l-ambaxxata ta' Franza, l-Italja, l-Germanja, l-Belgium, r-Russja, l-Libja separatament?

Response (BORG, JOE)

L-ispiża globali ta' l-ambaxxati msemmija matul l-2001 kienet kif ser jingħad: Berlin - LM 208,518 Brussell - LM 526,090 Londra - LM 494,293 Moska - LM 98,726 Pariġi - LM 242,486 Ruma - LM 300,931 Tripli - LM 140,465 Nixtieq inżid ngħid li dawn l-ammonti huma proviżorji għax il-kontijiet għas-sena 2001 għad iridu finaliżżati.

Propjeta f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid biex koppja mill-United Kingdom tixtri propjeta u tibqa' toqgħod fiha hawm Malta? X'inhuma r-restrizzjonijiet i) bħalissa 2) wara sħubija fl-EU

Response (BORG, JOE)

Biex koppja mir-Renju Unit tixtri l-ewwel propjeta f'Malta llum m'hemmx restrizzjonijiet, ħlief li trid tapplika, u li l-valur tal-propjeta jaqbeż valur minimu stabbilit mil-liġi. Wara l-isħubija fl-Unjoni Ewropea, ma jkunx hemm restrizzjonijiet għal koppja mir-Renju Unit sabiex din tkun tista tixtri l-ewwel propjeta f'Malta, sakemm ma tkunx għamlet ħames snin hawn Malta ma tkunx tista tixtri iżjed propjeta.
Leg 9 PQ #30769 Sitting 699 2002-02-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Żjarat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' żjarat li saru mill-Gvern Malti fil-pajjiżi Għarab, Afrikani u Asjatiċi matul is-sena li għaddiet? Liema kienu l-pajjiżi u xi żviluppi ġew milħuqa?

Response (BORG, JOE)

Għandi nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi sew għal żjarat Ministerjali u wkoll għal żjarat minn uffiċċjali pubbliċi li jirrapreżentaw il-Gvern. F'dan ir-rigward iż-żjarat li saru minni u minn uffiċċjali li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi fis-sena 2001 huwa kif ġej: 15 - 16 ta' Jannar Tunis, Tunesija Laqgħa Preparatorja għall-Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Grupp 5 + 5 (Western Mediterranean Forum) 22 - 23 ta' Jannar Rabat, Marokk Laqgħa tal-Uffiċċjali Anzjani tal-Forum Mediterranju 2 - 8 ta' Marzu Cape Town, l-Afrika t'Isfel Laqgħa tal-Commonwealth IT Group biex jipprepara rapport dwar "Bridging of the digital Divide within the Commonwealth" 8 - 9 ta' Marzu Rabat, Marokk Laqgħa tal-Uffiċċjali Anzjani tal-Forum Mediterranju 9 - 12 ta' Mejju Tangier, Marokk Laqgħa tal-Uffiċċjali Anzjani tal-Forum Mediterranju Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Forum Mediterranju 6 - 12 ta' Lulju Singapore Laqgħa Konklussiva tal-High Level Review Group tal-Commonwealth fejn fiha ġie ffinaliżżat ir-rapport tal-High Level Review Group dwar "The Commonwealth in the 21st Century" Lulju Ċina Jien akkumpanjajt l-E.T. Prof. Guido de Marco, President tar-Repubblika, fiż-żjara statali tiegħu fiċ-Ċina. F'din l-okkażjoni ġew iffirmati dawn il-ftehim: - Ftehim ta' koperazzjoni bejn l-Akkademja Mediterranja għal Studji Diplomatiċi ta' Malta u l-Kulleġġ ta' L-Affarijiet Barranin taċ-Ċina; - Memorandum of Understanding dwar konsultazzjoni bejn il-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' Malta u ċ-Ċina; - Ftehim dwar għotja ta' RMB 3 miljuni lill-Gvern Malti F'din l-okkażjoni wkoll infetħet uffiċċjalment l-Ambaxxata l-ġdida ta' Malta li ġiet traslokata f'Beijing Lulju Tuneż, Tuneżija Taħdidiet dwar il-Ftehim fuq it-Twaqqif ta' Żona Kummerċjali Ħielsa bejn Malta u t-Tuneżija 9 - 13 ta' Settembru Ouagadougou, Burkina Faso Inter Parliamentary Union (IPU) / CSCM Meeting Uffiċċjali mill-Ministeru teigħi akkumpanjaw iż-żewġ Membri Parlamentari li ħadu sehem f'din il-laqgħa 25 - 26 ta' Ottubru Agadir, Marokk Laqgħa Straordinarja tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Forum Mediterranju dwar it-Terroriżmu 9 - 13 ta' Novembru Doha, Qatar Uffiċċjal mill-Missjoni Permanenti ta' Malta f'Ġinevra, fforma parti mid-Delegazzjoni Maltija, mmexxija mill-Onorevoli Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi, li ħadet sehem fir-raba Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali ta' l-Organiżżazzjoni Dinjija tal-Kummerċ 27 ta' Diċembru Kajr, l-Eġittu Laqgħa fuq livell tekniku mas-Segratarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, Amr Moussa Fir-rigward ta' Ministeri oħra nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel l-istess domandi lill-Ministri l-oħra
Leg 9 PQ #30759 Sitting 698 2002-02-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Phones — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministru u Dipartimenti eċċ, li jaqgħu taħtu fuq telephones u mobile phones matul is-sena 2001? Kemm kienet in-nefqa globali għas-safar, fuel u l-hospitality matul l-istess perjodu?

Response (BORG, JOE)

Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba. Informazzjoni ddettaljata fuq infiq attwali tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Teżor jippubblika aktar tard fis-sena.
Leg 9 PQ #31312 Sitting 693 2002-02-06 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

EU — Finanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-Gvern Malti meta mistenni jagħti r-reazzjoni uffiċjali tiegħu għall-proposti finanzjarji tal-UE marbutin mat-tkabbir tal-istess unjoni?

Response (BORG, JOE)

Il-proposti finanzjarji ta` l-Unjoni Ewropea marbutin mat-tkabbir ta` l-istess Unjoni li għadhom kif tħabbru, huma proposti tal-Kummissjoni Ewropea lill-istati membri ta' l-Unjoni. Malta, flimkçn ma' l-istati membri u l-istati kandidati l-oħra, qçgħda tistudja l-kontenut ta' dawn il-proposti. Il-proposti għadhom f'fażi preliminarja, u huma bbażati fuq projezzjonijiet finanzjarji globali għall-istati kandidati kollha. Id-dettalji tal-pożizzjoni speċifika dwar Malta f'dan ir-rigward hija materja li ser tiġi ttrattata waqt in-negozjati għas-sħubija. F'dan l-istadju għadu għalhekk prematur li wçħed jikkummenta f'iżjed dettal.
Leg 9 PQ #30979 Sitting 683 2002-01-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Malta High Commission

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sentejn kemm ġew impjegati 1) part-time 2) full-time locally engaged staff mal-Malta High Commission f'Canberra fl-Awstralja? Kif qegħdin jiġu mħallsa. Il-female staff qed jiġu impjegati skond il-liġijiet industrijali fl-Awstralja? Kellhom bżonn security clearance?

Response (BORG, JOE)

F'dawn l-aħħar sentejn fil-Kummissjoni Għolja ta' Malta f'Canberra ġew impjegati erbgħa minn nies part-time li minnhom tlieta għadhom impjegati sal-lum u li għalihom diġa rreferejt fir-risposta li tajt għall-Mistoqsija Numru 30981. Ma dawn l-impjegati li għadni kemm semmejt, irrid inżid li f'Diċembru 2001 ġew ingaġġati tlieta minn nies oħra għal perjodu ta' ftit gimgħat sakemm jinħadmu l-ħlasijiet ta' l-arretrati tal-pensjonijiet lil madwar 2,800 pensjonant tad-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali. Minn dawn it-tlieta tnejn għadhom fl-impjieg. Dawn iż-żewġ impjegati tħallew barra bi żvista mir-risposta għall-Mistoqsija Numru 30981 fuq imsemmija. Ma kien hemm l-ebda mpjieg full-time ġdid f'dawn l-aħħar sentejn. L-impjegati part-time tħallsu b'rata fissa matul dawn l-aħħar sentejn li tvarja minn A$15 sa A$25 fis-siegħa skond in-natura ta' l-impjieg. Filwaqt li għar-rigward ta' l-impjegati full-time tnejn jitħallsu A$1088 kull ġimagħtejn, wieħed jitħallas A$1022 kull ġimgħatejn u mpjegata waħda titħallas A$914 kull ġimagħtejn. Il-female staff qed jiġu mpjegati skond il-liġijiet industrijali fl-Awstralja u ma kellhomx bżonn Security Clearance.
Leg 9 PQ #30960 Sitting 681 2002-01-22 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Kunsilli Lokali — Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-Kunsilli Lokali li ma aċċettawx materjal informattiv dwar l-Unjoni Ewropea li jitqassam mill-MIC?

Response (BORG, JOE)

Kunsilli Lokali li aċċettaw materjal informattiv mingħand iċ-Ċentru Informazzjoni Malta - Unjoni Ewropea: Attard, B'Kara, Balzan, Birgu, Floriana, Fontana, Għajnsielem, Għarb, Għargħur, Għasri, Gżira Ħamrun, Isla, Iklin, Kirkop, Luqa, Lija, Marsascala, Mdina, Mellieħa, Mġarr, Mosta, Mqabba, Msida, Mtarfa, Munxar, Nadur, Naxxar, Paola, Pembroke, Pieta, Qala, Rabat, Rabat (Għawdex), Safi, San Ġiljan, San Ġwann, San Lawrenz, San Pawl il-Baħar, Sannat, Santa Luċija, Santa Venera, Siġġiewi, Sliema, Swieqi, Valletta, Xagħra, Xewkija, Żabbar, Żebbuġ (Għawdex). Kunsilli Lokali li rrifjutaw materjal informattiv mingħand iċ-Ċentru Informazzjoni Malta-Unjoni Ewropea: Gudja* Ta' Xbiex* Bormla Żejtun Dingli *Għal perjodu ta' żmien dan il-Kunsill aċetta l-informazzjoni tal-MIC. Kunsilli li ma tawx risposta dwar il-materjal informattiv: Birżebbuga, Fgura, Għaxaq, Kalkara, Kerċem, Marsa, Marsaxlokk, Qormi, Qrendi, Tarxien, Xagħjra, Żebbuġ (Malta), Żurrieq.
Leg 9 PQ #30963 Sitting 681 2002-01-22 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Kunsilli Lokali — Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-Kunsilli Lokali li ma aċċettawx li jorganizzaw laqgħa ta' informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea flimkien mal- MIC?

Response (BORG, JOE)

Fid-29 ta' Awissu 2001 l-MIC bagħat ittra lill-Kunsilli Lokali kollha biex dawn jorganiżżaw flimkien ma' l-MIC laqgħa ta' informazzjoni għar-residenti tal-post. Il-Kunsilli li rrifjutaw huma dawn: Xgħajra Żabbar Santa Luċija Il-Kunsilli li għad ma wieġbux huma dawn: Balzan Kirkop Qrendi Bormla Lija Rabat Dingli Marsa San Ġiljan Fgura Marsascala San Pawl il-Baħar Għajnsielem Marsaxlokk Sannat Għargħur Mġarr Siġġiewi Għasri Mosta Ta' Xbiex Għaxaq Mtarfa Tarxien Gudja Nadur Valletta Gżira Paola Xewkija Ħamrun Pembroke Żebbuġ Isla Qala Żejtun Kalkara Qormi Żurrieq Saru jew ser isiru laqgħat ta' informazzjoni fil-Kunsilli Lokali l-oħra kollha.

CEDAW

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Konvenzjoni għall-Eliminazzjoni ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) li Malta kienet fl-1991?

Response (BORG, JOE)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Konvenzjoni għall-Eliminazzjoni ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), li Malta aċċediet għaliha f'Marzu tal-1991.
Leg 9 PQ #30926 Sitting 680 2002-01-21 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Konvenzjoni — Protokolli

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet il-firma ta' Malta għall-konvenzjoni tal-Bioetika tal-Kunsill tal-Ewropa? Kemm hu ħsiebu jiffirma protokolli minnha l-gvern?

Response (BORG, JOE)

Ninsab informat li qed jittieħdu l-proċeduri meħtieġa mill-Ministeru tas-Saħħa sabiex Malta tkun tista' tiffirma l-Konvenzjoni tal-Bioetika tal-Kunsill ta' l-Ewropa. Dwar il-Protokolli addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Bioetika, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Membru li dan il-Protokoll ma jistax jiġi ffirmat qabel ma tiġi ffirmata l-Konvenzjoni.

High Commission

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati jaħdmu fl-uffiċju tal-High Commission ta' Canberra (locally employed)? Kemm hemm full-timers u kemm hemm casuals? Jista' l-Ministru jgħid kull ħaddiem kemm jitħallas ta' xogħolu u b'liema sistema jitħallas? Jista' jgħid kemm minnhom jitħallsu bis-sistema cash in hand?

Response (BORG, JOE)

Fil-Kummisjoni Għolja ta' Malta ġewwa Canberra hemm jaħdmu sebgħa (7) locally employed, erbgħa (4) full timers u tlieta (3) casuals. Żewġ impjegati full time jitħallsu A$1,088 kull ġimgħatejn, wieħed jitħallas A$1.022 kull ġimgħatejn u impjegata waħda titħallas A$914 kull ġimgħatejn. Fil-każ ta' l-impjegati casual, waħda tithallas A$25 fis-siegħa fil-waqt li t-tnejn l-oħra jitħallsu A$20 fis-siegħa. Dawn l-impjegati kollha jitħallsu b'direct credit għajr tnejn li jitħallsu b'cheque. Ma jirriżultax li hemm xi mpjegat li qed jitħallas bis-sistema cash in hand.