B'riferenza għall-perjodu 10 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Ottubru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li, fid-dekasteru tiegħi u fil-perjodu msemmi mill-Onor. Membru, l-kuntratturi li tqabbdu b'mod dirett sabiex iġorru xi għamara ta' uffiċini huma dawk li jidhru hawn taħt:
(i) F. Borg & Sons li tqabbdu mill-Awtorita' tad-Djar f'okkażjoni waħda. L-ispiża kienet waħda minima (Lm60) u għalhekk ma kienx il-każ li joħroġ 'tender' jew jintalbu 'quotations';
(ii) Schembri Brothers (Żambaret) li tqabbdu mid-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali sabiex iġorru l-għamara għall-uffiċji ġodda tad-Dipartiment fil-Furjana. Dan ix-xogħol ingħata taħt kuntratt eżistenti li kien ġie ffirmat mall-Ministeru tal-Ħarsien Soċjali fit-22 t'Ottubru, 1996. F'dan il-każ, l-ispiża laħqet is-somma ta' Lm504.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, se tiġi allokata fond alternattiv peress li din il-persuna tgħix f'kantina b'ħafna umdita' u m'għandha faċilitajiet sanitarji ta' xejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se titwettaq il-proposta li kienet saret oriġinarjament fi żmien il-Gvern Nazzjonalista ta' qabel u li Gvern Laburista kien wiegħed li jwettaq iżda li wara ma wettaqx li jinfetah job centre biex iservi għal parti t'isfel ta' Malta, preferibbilment ġewwa l-Kottonera fejn hemm numru sewwa ta' nies ifittxu x-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Instab post fiċ-ċentru ta' Bormla fejn fi żmien qasir ser jinfetaħ 'Job Centre' biex jaqdi l-bżonnijiet tan-naħa ta' isfl ta' Malta w aktar speċifikament dawk tal-Kottonera.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' nies li fl-aħħar ta' Ottubru kienu qed jirreġistraw fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet parti tar-reġistru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-aħħar ta' Settembru 1998, in-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel, fit-tieni u tielet parti tar-reġistru kien ta' 7,184; 464 u 440 rispettivament.
L-aħħar ċifri ppublikati huma ta' Awissu 1998. Iċ-ċifri għal Ottubru għad iridu jinġabru.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-istaff complement tal-Ministeru tiegħu? Kemm ġew impjegati nies minn barra? Kemm ġew sekondati minn kumpanniji parastatali u liema kumpanniji huma? Kemm kienu trasferiti minn ħdan dipartimenti oħra tal-gvern? Kemm ingħataw transfers lill-individwi li kienu jaħdmu fid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu llum jaħdmu ġo dipartimenti oħra jew sempliċement ġew trasferiti minn sezzjoni għall-oħra fl-istess dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija li għandha x'taqsam mal-impjegati fis-Segretarjat tal-Ministeru tiegħi, nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li ta l-Prim Ministru għall-Mistoqsija Nru. 81 kif ukoll għat-Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Nru. 291.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija dwar trasferimenti ta' mpjegati fid-Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi, nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 281.
10.11.98
Jista' l-Ministru jelenka għax-xahar ta' Ottubru: (1) in-numru ta' impressed drivers; (2) in-numru ta' karozzi tal-kiri; (3) Min qiegħed juża dawn il-karozzi mikrija u x'inhu l-grad tagħhom; u (4) Mingħand liema kumpannija jew individwu huma mikrija l-karozzi?
Tista' l-informazzjoni tiġi maqsuma dipartiment b'dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Ministru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
11.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx impjegati Casual Social Assistants ġodda mill-5 ta' Settembru u jekk ma ġewx impjegati CSAs ġodda, meta beħsiebu l-Ministru joħroġ call for application?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn ġew impjegati 3 C.S.A.s ġodda.
10.11.98
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' l-istaff li kien hemm qabel l-elezzjoni kif ukoll li hemm issa jaħdmu fid-Day Care Centre ta' l-anzjani f'Ħal Qormi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M'hijiex etika li tingħata lista ta' ismijiet f'risposta parlamentari pero' nista' ngħid li għad hemm total ta' sebgha Assistenti Soċjali Każwali li erbgħa minnhom ġew trasferita ma' erbgħa oħra li kienu jaħdmu fid-'Day Centre' ta' Ħal Qormi mal-ftuħ tieghu jiġifieri mis-17 ta' Ottubru, 1996.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni jirreġistraw għall-impieg ma' l-ETC skond l-aħħar informazzjoni li għandu? Kemm minnhom kienu taħt it-30 sena? Kemm minnhom għandhom iżjed minn 40 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-aħħar ta' Awissu 1998, in-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol kien ta' 7,111. Minn dawn hemm 2,812 il-persuna li kienu taħt it-30 sena u 2,709 persuni li għandhom iżjed minn 40 sena.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid huwiex permess li ħaddiema C.S.A. taħdem fl-istess dar ta' l-anzjani fejn jaħdem żewġha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-regola hi li kemm jista' jkun persuni li jiġu minn xulxin mill-viċin, ma jaħdmux fl-istess sezzjoni tad-Dipartiment pero' jista' jkun hemm xi eċċezzjoni f'każ li jkun ta' esiġenza għas-servizz.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, rigward il-post rekwiżizzjonat tiegħu li mhux qed ikun abitat mill-persuna rikonoxxuta mid-D.A.S., liema talba jaf biha d-direttur tad-D.A.S.?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-allegazzjonijiet ta' sid il-post dwar l-inkwilin, għadhom qed jiġu nvestigati
10.11.98
Jista' l-Ministru jagħti l-figuri tal-persuni jirreġistraw għax-xogħol fix-xahar ta' Settembru 1998 bejn l-eta' ta' 16-il sena u 20 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni bejn l-eta' ta' 16-il sena u 19-il sena li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol f'Awissu 1998 kien ta' 1,056.
L-aħħar figuri ppublikati huma ta' Awissu 1998.
10.11.98
Ċimiterju ta' l-Addolorata — Taraġ għall-persuni b'diżabilita'
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk taraġ u rampa li kienu jeżistu għall-persuni b'diżabilita' fid-daħla mat-triq taċ-Ċimiterju ta' Santa Marija Addolorata f'Raħal Ġdid u nqalgħu mal-proġett li sar humiex se jerġgħu jsiru peress li qiegħed ikun ta' inkonvenjent kbir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
10.11.98
Wara l-inċident ikrah li kellu d-dar meta ħaraq lilu nnifsu l-anzjan, li ismu qiegħed jintbagħat separatament, jista' jiġi aċċettat fir-Residenza San Vinċenz de Paule? Meta hemm ċans li jiddaħħal hemm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Każ ta' din il-persuna biex jiġi aċċettat ġewwa ir-Residenza San Vinċenż de Paule, qed jiġi kkunsidrat.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid liema bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilitajiet tiegħu ġew rikostitwiti jew imġedda mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn? In kwantu għal dawk rikostitwiti, jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni u għal kull persuna jgħid x'inhuma l-karigi tagħhom li kellhom fuq dawn il-bordijiet, minn meta ilhom maħtura fuq dawn il-bordijiet u x'inhuma r-raġunijiet għat-tneħħija tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-każ tal-Ministeru għall-Politika Soċjali, l-uniku Bord li ġie rikostitwit kien il-Bord ta' l-Awtorita' tad-Djar, u dan wara li l-Bord preċedenti kien skadielu t-terminu tiegħu. Il-Bord il-ġdid hu magħmul minn:
Ms Marisa Micallef Leyson - Chairperson
Dr Joseph Azzopardi LL.D. - Member
Mr Carmel Esposito - '
Mr Tonio Fenech - '
Dr George Grech MRCS (Eng.),
LRCP (Lond) - '
Mr Anton Valentino BA (Arch.)
B.Arch.(Hons).A&CE - '
Ms Sue Vella M.SC., BA (Hons)
Psych.Dip.App.Soc.Stud. - '
Kif wieħed jista' jara, tlieta mis-seba' membri tal-Bord preċedenti ġew ikkonfermati fil-ħatra tagħhom.
Irrid ngħid ukoll li, fil-każ tal-Bord tal-Ko-operattivi, nħatar 'Chairman' ġdid wara li ċ-'Chairman' tal-Bord preċedenti rriżenja b'mod definittiv.
10.11.98