Legislature:
Category:
Reset
Active:

Investiment, Industrija u Teknoloġija għall-Informazzjoni — Karozzi Mikrijin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm karozzi mikrija fid-dekasteru tiegħu, fejn qegħdin, kemm swew is-sena l-oħra u kemm kien il-fuel bill tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Fid-Dekasteru tiegħi, għandi żewġ karozzi mikrija. Dawn qegħdin fil-Ministeru tiegħi. Matul is-sena l-oħra, il-kera tagħhom kienet tammonta għall-Lm3310 waqt li l-ispiża tal-fuel laħqet is-somma ta' Lm1099.

Malta Enterprise

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-kumpannija li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ingħatawx l-art li kienet tokkupa l-RDC fil-Marsa mill-Malta Enterprise? Fuq din l-art se tinbena fabbrika? Jekk fl-affermattiv, dan ix-xogħol se jsir mill-Malta Enterprise u l-kumpannija mbagħad tingħata l-kirja tal-fabbrika?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li saret talba mill-kumpanija indikata, biex tingħata art industrijali biex tintuża għall reallokazzjoni u t-tkabbir ta’ l-operat tagħha, il-Bord tad-Diretturi tal-Malta Development Corporation fi Frar 2003 approvaw li tingħata art li tinsab fil-Marsa. Fis-16 ta’ Novembru 2004, il-Malta Industrial Parks Ltd., infurmat lill-kumpanija, li nstabet biċċa art il-Marsa ta’ 33,393 metru kwadru, għall-użu mill-kumpanija biex jiġu prodotti u bbottiljati xorb (beverages) u ilma minerali. Għalhekk, fid-19 t’Awwissu 2005, sar att notarili, li bih il-kumpanija ingħatat biċċa art fil-Marsa ta’ 33,393 metru kwadru taħt titlu ta’ “temporary emphyteusis” għall-perjodu ta 65 sena. Il-kera annwali għal din l-art kellha tkun ta’ Lm33,393. Il-kumpanija kienet obbligata li tagħmel xogħol fuq din l-art għall-valur minimu ta’ Lm1,800,000 fi żmien 18-il xahar mill-approvazzjoni tal-permessi rikwesti skond il-Liġi.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kumpanniji ta' reklamar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'kumpanniji ta' reklamar mill-ministeru u dipartimenti tiegħu matul is-sena 2006? Jista' jgħid liema kienu l-aġenziji ta' reklamar li ġew użati u l-ispiża nvoluta f'kull każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-informazzjoni mitluba.

Enemalta — Arloġġi tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi jsir meta persuna tkun suspettata li kellha l-aroġġ tad-dawl difettuż jew aħjar imbagħbas u wara li jsiru t-testijiet u l-verifiki meħtieġa jirriżulta li l-arloġġ ma kienx imbagħbas mill-konsumatur? Kemm idumu ma jieħdu l-flus lura dawk il-persuni li jkunu ħallsu xi multa minħabba suspett ta' irregolarita' fl-arloġġ ta' l-elettriku?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li meta jinstab meter difettuz jew imbagħabas, il-konsumatur jintalab iħallas depożitu ta' Lm250 għal single phase jew Lm1,000 ghal 3 phase 60amps jew Lm2500 l-fuq minn 3 phase 60 amps. Dan id-depozitu effettivament jigi mnaqqas mill-istima finali skond il-kaz. Id-depositu ma jingħatax lura qabel ma jkun aċċertat li l-konsum tħallas kollu. Il-kazijiet magħluqa sa l-aħħar ta’ Settembru 2006 damu medja ta’ 57 gurnata mill-bidu sal-aħħar.

Impjanti għat-trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-bini ta' l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ fil-Mellieħa u f'Għawdex? Permezz ta' liema fondi qegħdin jiġu finanzjati dawn l-impjanti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-każ ta l-Impjant f'Għawdex, il-kuntrattur qieghed jaħdem fuq madwar ħamsin (50) fil-mija ta l-istrutturi previsti fl-impjant u ix-xogħol mistenni jitlesta għal nofs is-sena 2007. Fil kaz ta' l-impjant tal-Mellieħa s'issa saru xogħolijiet ta' skavar li waslu biex jintemmu. L-impjant mistenni jibda jopera għal nofs is-sena 2007 . Barra minn hekk tlestew madwar tletin (30) fil-mija minn sensiela ta'mejnijiet li jiffurmaw parti integrali mill-istess progett u li ser iwasslu id-drenagg lejn dan l-istess impjant. 51 fil-mija ta l-impjant t'Għawdex qed jiġi ffinanzjat minn fondi Pre-Accession ta' l-Unjoni Ewropeja. Il-proġett tal-Mellieħa qed jiġi ffinanzjat fit-totalita tiegħu mill-Ħames Protokol Taljan.

Delimara — Power station

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-power station ta' Delimara hijiex konformi mar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-emmissjonijiet ta' trab u NO? X'inhi l-pożizzjoni tal-power station tal-Marsa f'dan ir-rigward?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Malta Enterprise — Department Estate Management

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux il-każ, ossia l-ħsieb tal-Malta Enterprise li terġa' tgħaddi lura art fil-kontrada tal-Karwija, l/o Safi lid-department estate management, liema art kienet ġiet mgħoddija lilha fl-1996 għal skop ta' proġett konness ma' l-avjazzjoni stante li dan il-proġett jidher li qatt ma immaterjalizza?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ż-żona msemmija fil-mistoqsija għadha xorta waħda intenzjonata għal żvilupp industrijal konness ma’ l-avjazzjoni. Wiehed ma’ jistax jneħħi l-opportunita` għal dan it-tip ta’ żvilupp li jista’ jsir biss fil-viċinanzi ta’ l-ajruport.

Surcharge fuq id-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21113 u 21242 u jaqsam id-dħul ta' surcharge fuq konsum ta' dawl u ilma minn: 1) lukandi; 2) fabbriki/manifattura u mill-kumplament tal-konsumaturi?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Interpellanza Nru. 21240.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Hospitality

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus bħala hospitality mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006 maqsuma skond dipartimenti jew enti?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni miġbura mill-entitajiet konċernati skond kif mitluba.

Xgħajra — Impjant għat-trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif se jiġi ffinanzjat l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ fix-Xgħajra li hu stmat li se jqum 63 miljun Euro?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għamlet talba lill-Gvern biex jinġieb finanzjament għal 73% tal-proġett minn fondi ta' l-EU.

PBS

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21041 u 21249 u jgħid kemm qed toħroġ flus fi produzzjonijiet farmed out il-kumpannija PBS? X'persentaġġ huma dawn il-flus tan-nefqa tal-PBS fuq produzzjoni tal-programmi tagħha għall-iskeda kurrenti tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.