Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-lista ta' l-esperti tal-Qorti, il-kwalifiki tagħhom relatati mas-settur li huma esperti fih u r-rati tal-ħlas tagħhom fis-siegħa, kull espert separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-Qrati Ċivili jiġu ppublikati regolarment tlett listi ta' esperti - Inġiniera, Arkitetti u Inġiniera Ċivili u Accountants. L-aħħar listi li ġew ippublikati kienu fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern ta' l-20 ta' Diċembru 2005 fejn fihom dawn l-esperti ġew innominati għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2006.
Fit-tlett każijiet, ir-rata tal-ħlas hija regolata a bażi ta' Tariffa G, 'Komputisti u periti oħra' u Tariffa K, 'Drittijiet li jitħallsu tal-periti', li qegħdin f'Kapitolu 12 tal-Kodiċi ta' l-Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.
Għal dak li jirrigwardja l-Qrati ta' Ġurisdizzjoni Kriminali ninsab infurmat illi ma hemmx lista kumpilata ta' 'esperti tal-Qorti'. Il-Qrati llum huma liberi li jappuntaw persuna biex iservi ta' 'espert tal-Qorti', skond id-diskrezzjoni tal-ġudikant.
Dawn l-esperti jitħallsu 'arbitro boni viri' u jiġu ntaxxati mir-Reġistratur dwar id-dritt u spejjeż dovuti lilhom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm qegħdin isiru patrols u kull meta fiz-zona ta' Santa Margerita u dan biex jitrażżan l-istorbju u kontroll ta' żgħażagħ, speċjalment fl-inħawi ta' Triq id-Dura, fil-Mosta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija tad-Distrett, kif ukoll dawk tal-Mobile Squad, jagħmlu ronda regolarment kemm fil-lokalita' msemmija mill-Onorevoli Interpellant kif ukoll fit-toroq l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallas il-Gvern għal proprjeta' esproprijata kull sena mill-2000 'l hawn u kemm hu kalkulat li għad irid iħallas?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23195.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-book value tal-proprjeta' li għad trid titħallas jammonta għal Lm23,399,371.179. Dan l-ammont mhux l-ammont reali li għad irid jitħallas billi dan l-ammont irid jiżdied bl-imgħax dovut lis-sidien li jiddependi fuq il-valur tal-proprjeta', kif ukoll b'żieda li jista' jkun hemm fil-valur tal-proprjeta' f'każi fejn ikun hemm il-ħtieġa ta' valutazzjoni ġdida. Barra minn dan, jista' jkun hemm żieda fl-ammont li jkun irid jitħallas b'riżultat ta' Deċiżjoni tal-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar l-Artijiet kemm il-darba, l-ammont offert jiġi kkontestat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru matul is-sena li għaddiet testijiet tan-nifs fuq sewwieqa mill-pulizija u kemm-il persuna ttellgħet il-Qorti akkużata li kellha xorb aktar mil-limitu? Kemm min dawk ittestjati sarilhom it-test wara li kienu nvoluti f'xi inċident? X'inhi eżattament l-proċedura li l-pulizija ssegwi meta twaqqaf sewwieq u teħodlu t-test tan-nifs?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, kien hemm 133 sewwieq/a, 127 minnhom involuti f'inċidenti tat-traffiku, li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv. Minn dawn kollha, 88 kellhom riżultat pożittiv, filwaqt li 39 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. F'kull każ qed jittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti skond il-liġi. Il-proċedura segwita mill-membri tal-Korp tal-Pulizija fit-tehid ta' kampjun tan-nifs hija dik stabbilita fl-artikoli 15A sa 15F tar-Regolamenti tat-Traffiku (Kap. 65).
Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Membru li ċ-ċifri fuq indikati huma ta' testijiet li kienu posittivi. Fil-fatt kien hemm ħafna testijiet oħra li rriżultaw negattivi, u m'humiex inklużi fl-istatistika.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li xi rappreżentanti tal-kunsilli lokali żaru ċ-Ċina f'Settembru, 2006? Jista' jgħid liema kienu l-kunsilli lokali? Jista' jgħid x'kien l-iskop taż-żjara? Kemm kienet in-nefqa totali għal din iż-żjara?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-informazzjoni li għandi, il-Kunsilli Lokali li marru fuq żjara fiċ-Ċina f'Settembru 2006, kienu dawn:
Il-Kunsilli Lokali ta' Sta Lucia, Paola u Tarxien żaru ċ-Ċina fuq stedina li saritilhom biex jattendu għall-laqgħa tas-Sindki li kellha ssir f'Suzhou. Waqt li kienu hemm, ir-rappreżentanti ta' dawn il-Kunsilli żaru diversi day centres. Dan bi ħsieb li fil-proġett li l-Kunsill Lokali Santa Luċija għandu għal bini ta' Ċentru Ċiviku jinkludi Day Centre li jkun miftuħ għall-anzjani ta' dawn il-lokalitajiet.
Il-Kunsill Lokali Marsaskala żar iċ-Ċina bl-iskop li jitlob fondi biex fil-pjazzetta ta' Triq is-Sibbien, Marsaskala jinbena Ġnien Ċiniż, kif ukoll biex jinxtraw fanali dekorattivi għax-xatt ta' Triq is-Salini.
L-ammonti li kull Kunsill nefaq kienu hekk:
Marsaskala: Lm853.00
Paola: Lm608.19
Tarxien: Lm618.01
Sta Lucia: Lm1,433.41
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' karozzi u vetturi fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni taħt house arrest illum u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 48 persuna taħt "house arrest" fuq ordni tal-Qorti bħala kundizzjoni ta' liberta' proviżorja, fuq akkużi li jinkludu omiċidju, reati relatati ma' droga, serq, stupru, korruzzjoni ta' minorenni, frodi, u attentat ta' omiċidju.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati persuni nieqsa s-sena l-oħra? X'eta' kellhom? X'sess kienu u ta' liema nazzjonalita' kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, kien hemm 319 persuna li kienu ġew irrapurtati lill-Pulizija bħala nieqsa. L-eta' tagħhom kienet tvarja bejn is-sentejn u l-ħamsa u tmenin sena. Minn dawn 157 kienu tas-sess maskil u 162 kienu tas-sess femminil, filwaqt li 81 kienu barranin.
99% fil-mija ta' dawn irritornaw lura jew instabu mill-Pulizija; ħafna minnhom ikunu telqu mid-dar minħabba inkwiet fil-familja.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw probations mill-Qrati s-sena l-oħra u x'kienu r-reati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istatistika hawn taħt imniżżla tinkludi kemm persuni ingħataw Ordni ta’ Probation fis-sena 2006 u x’kienu r-reati.
Ordnijiet ta’ Probation ingħataw 135
L-Ordnijiet ta’ Probation ingħataw dwar dawn ir-reati segwenti:
1 ksur ta’ Ordni ta’ Probation
1 pussess ta’ droga u serq
1 pussess ta’ droga b’intenzjoni ta’ traffikar
1 korruzzjoni ta’ minuri
1 pedophilia
1 ikkaġuna feriti ta’ natura ħafifa
1 serq u reċidiv
2 serq u offiża tat-traffiku
2 heddu lil mara u t-tfal
2 tlajjar bl-intenzjoni ta’ prostituzzjoni
2 żammew persuna kontra l-volonta tagħha
2 ikkaġunaw feriti ta’ natura gravi
2 ħebbew għal persuna
3 serq u ħsara volontarja
3 serq, irċevew oġġetti misruqa u ħsara volontarja
3 frodi u serq
3 ksur ta’ l-ordni pubblika
3 ħruq ta’ propjeta
3 għamlu rapport falz lill-pulizija
4 ħsara volontarja
4 serq u rċevew oġġetti misruqa
5 offiża tat-traffiku
5 ħebbew għal uffiċjal pubbliku
9 frodi
20 pussess ta’ droga
51 serq
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni barranin jgħixu legalment Malta u ta liema nazzjonalita' huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 19,723 persuna ta' nazzjonalita' barranija li għandhom karta ta' l-identita' bħala residenti f'Malta, skond l-Att dwar il-Karta ta' l-Identita' (Kap 258). Minn dawn, 10,940 huma minn pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropeja. Mhux kull min għandu karta' ta' identita', neċessarjament qed igħix f'Malta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' pedofelija s-sena li għaddiet u x'weħlu f'kull każ? X'kien ir-reat?
Response (BORG, TONIO)
Il-pedofelija hu reat li jiġri minħabba kondizzjoni ta' attrazzjoni sesswali għal tfal. Matul is-sena 2006, kien hemm 39 persuna li tressqu l-Qorti mill-Pulizija fuq akkużi ta' abbuż sesswali fuq minorenni li jinkludi kemm tfal kif ukoll żgħażagħ taħt 18-il sena. Minn dawn, s'issa, ħdax kellhom il-każ tagħhom deċiż, li minnhom tlieta ġew mogħtija sentenza ta' priġunerija, seba' ġew mogħtija sentenza sospiża, u wieħed kellu l-każ dikjarat proċediment eżawrit. Il-proċeduri kriminali fil-konfront tal-kumplament għadhom pendenti quddiem il-Qorti.
Ħaż-Żabbar — Triq il-Kunsill ta' l-Ewropa - masġar
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-masġar li jinsab fi Triq il-Kunsill ta' l-Ewropa jappartjenix lill-Lands Dept. u jekk ma saritx xi talba għal xi devoluzzjoni lill-Kunsill ta' Ħaż-Żabbar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-masġar li jinsab fi Triq il-Kunsill ta' l-Ewropa, Żabbar huwa amministrat mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, wara li d-diversi kirjiet li kien hemm f'dan is-sit ġew terminati żmien ilu peress li kien hemm il-ħsieb li jsir żvilupp ta' Park Reġjonali f'dawk l-inħawi. Il-Kunsill Lokali Żabbar kien wera interess f'dan il-proġett fejn fil-fatt kien kiseb ukoll permess mill-MEPA fl-1998. Madanakollu, t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern m'għandha l-ebda talba uffiċjali skond kif titlob il-policy dwar Devoluzzjoni Lokali, biex dan il-masġar jiġi devolut lill-Kunsill Lokali Żabbar.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu pulizija fuq ix-xogħol is-sena l-oħra u kif?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, kien hemm 122 membri tal-Korp tal-Pulizija li weġgħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom. Minn dawn 31 kien waqt li ġew aggrediti, filwaqt li l-oħrajn weġgħu aċċidentalment.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni tressqu l-qorti kull sena bejn l-2000 u din is-sena akkużati bi traffikar ta' droga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-snin 2000 u 2006, il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 757 persuna fuq akkużi relatati ma' traffikar ta' droga, kif jidher hawn taħt:
2000127
2001110
2002107
200361
2004143
200593
2006116
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'ammont ħallas il-gvern għal esproprjazzjoni ta' art kull sena mill-2000 'l hawn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont li ħallas il-Gvern għal esproprijazzjoni ta' art għas-sena 2006 kien ta' Lm2,746,773.00.
Dwar il-ħlas għas-snin mill-2000 sa l-2005, nirreferi l-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19205.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm, matul din is-sena, persuni nqabdu jsuqu vettura mingħajr polza ta' assigurazzjoni? Kemm persuni tressqu l-Qorti akkużati b'sewqan mingħajr polza ta' assigurazzjoni? Kemm persuni nstabu ħatja ta' sewqan mingħajr polza ta' assigurazzjoni? X'pieni weħlu, anke b'mod globali f'multi, u/jew ħabs, dawk misjuba ħatja ta' sewqan bla polza ta' assigurazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istatistika disponibbli s'issa, hija dik għas-sena l-oħra, fejn kien hemm 167 persuna li tressqu l-Qorti mill-Pulizija talli nqabdu jsuqu vettura mingħajr ma kienu koperti b'polza ta' assigurazzjoni. Infurmat ukoll illi matul is-sena l-oħra, kien hemm ukoll 143 persuna li kellhom il-każ tagħhom deċiż quddiem il-Qorti u nstabu ħatja li ma kienux koperti b'polza ta' assigurazzjoni waqt li kienu qed jagħmlu użu minn xi vettura. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, jien infurmat li ma tinżammx statistika bil-mod kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, pero' l-pieni mogħtija kienu jinkludu, multa, sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan u sentenza ta' ħabs sospiża.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi matul l-2005 u l-2006? Min huma l-persuni li huma ntitolati għal ħlas tat-telephone privat fir-residenza tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ma narax li hija prudenza li nsemmi l-ismijiet fil-Parlament.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi lmenti lill-pulizija dwar dawk li attendew parties ta' lejliet l-Ewwel tas-Sena minħabba l-kaos u konfużjoni speċjalment dwar sigurta' eċċ.? Jekk iva, x'kienu l-ilmenti u għal liema avveniment kienu qed jirriferu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, sa fejn huwa magħruf, l-uniku lment kien minn nies li attendew l-attivita' li saret ġewwa l-Birgu, fis-sens illi damu ħafna barra fil-kju u li damu ħafna biex daħlu ġewwa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il visa nħarġet mindu daħlet il-visa miftuħa għal dawk li jkunu qed jistudjaw f'pajjiżna? Jista' jelenka n-numru ta' studenti minn kull pajjiż li ngħataw visa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istatistika mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.