Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Attard - ħsarat strutturali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-Awtorita' tad-Djar tivverifika l-kawża tal-ħsara strutturali li hemm fi flat . 8, Blok 7D, Wesgħat il-Plajja, Attard peress li dan id-difett li hu ta' ċerta gravita', deher wara li l-inkwilini xtraw il-post mingħand il-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Djar — akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jippresta l-attenzjoni sħiħa tiegħu għall-każ numru HO 8799, każ pjetuż għall-aħħar, ta' omm u bintha, sabiex dan il-każ jiġi riżolt mill-aktar fis? Fl-istess waqt, l-interpellant jiddikjara li jaf b'liema żelu u paċenzja qed jittrattaw dan il-każ l-istaff tal-Ministeru għall-Politika Soċjali u jixtieq allura li l-Ministru jixpruna aktar l-isforzi li qed isiru sabiex tinstab akkomodazzjoni soċjali alternattiva lil din il-familja fil-bżonn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien informat illi l-każ qed ikun ikkunsidrat.

Arretrati — Ħlas ta' arretrati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw b'mod separat, ser tieħu l-arretrati li kienu dovuti lir-raġel tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li d-Dipartiment qiegħed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant. Aktar il-quddiem id-Dipartiment ser jinforma bl-eżitu tal-każ direttament lill-persuna konċernata.

Dipartimenti tal-gvern — Persuni b'diżabilita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm dipartimenti tal-gvern u aġenziji fi ħdanu li qed jimpjegaw persuni b'diżabilita' anqas milli tipprovdi l-liġi? Meta se tiġi rimedjata s-sitwazzjoni, każ b'każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Akkomodazzjoni Soċjali — Diaprtiment tad-djar

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li applikant għall-Akkomodazzjoni Soċjali għand id-Dipartiment tad-Djar bin-numru tal-file H0 3690 inqata'? Jista' jgħid meta dan inqata' u r-raġunijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nformat illi l-applikazzjoni msemmija ġiet ikkanċellata f'Novembru 1991 wara li l-applikant naqas milli jirrispondi kwestjonarju li ntbagħtlu.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-posizzjoni attwali dwar maintenance ta' lifts fil-housing estates tal-Gvern meta jkun hemm nuqqas ta' qbil bejn l-inkwilini dwar maintenance costs? Ma jistgħux isiru t-tiswijiet meħtieġa mill-housing authority u jiġu miżjuda mal-kera ta' l-inkwilini ikkonċernati peress li jista' jkollok sitwazzjoni bħal ma hemm f'entratura A, Binja Indipendenza, Triq il-Qalbiena, taż-Żwejt, fejn hemm lift li ilu wieqaf ftit anqas minn tliet snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fejn ikun hemm diżgwid bejn l-inkwilini dwar il-ħlas indikat mill-Onor. Interpellant il-kwistjoni tista' tiġi regolata skond il-liġi dwar il-Kondominju. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kirjiet ta' l-appartamenti tal-Gvern jitħallsu lid-Dipartiment ta' l-Artijiet u mhux lill-Awtorita' tad-Djar.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tiġi riveduta l-kera ta' l-inkwilin li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu under separate cover minħabba li din għolietlu f'din l-aħħar sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien informat illi s-sussidju fuq il-kera tal-post indikat inħadem sewwa skond il-kuntratt iffirmat mill-inkwilin meta ngħata l-post.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex ikun hemm bozza li tarmi aktar dawl qrib Entratura F, Binja 21.9.64 taż-Żwejt minħabba li l-inħawi għadhom mudlama.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għad-dawl tat-triq nitolbu jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Tariffi Amministrattivi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm żdiedu tariffi u fees amministrattivi f'dipartimenti/awtoritajiet/organizazzjonijiet/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fis-sena 2002? Kien hemm xi għoli fil-prezzijiet ta' xi servizzi li jagħtu dawn id-dipartimenti, awtoritajiet jew organizazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena ma kien hemm ebda żidiet fit-tariffi amministrattivi fid-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.

Neurofibromatosis

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema benefiċċji finanzjarji jew mod ieħor hu intitolat l-individwu u/jew il-familja tiegħu li jbati bil-marda tan-neurofibromatosis

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-marda ndikata mill-Onor. Interpellant mhix waħda minn dawk elenkati fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali u għalhekk persuna li ssofri minn din il-marda mhix intitolata għall-benefiċċji soċjali taħt l-imsemmi Att speċifikament għax issofri minn din il-marda.

Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jindaga l-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u jara hux il-każ li tinħariġilha pensjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab informat li mir-records tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, jiriżulta li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant mietet fis-16 ta' Awwissu 2002 u għalhekk m'hemm ebda pensjoni x'tinħarġilha.

Persuni b'Diżabilita`

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fejn jinsabu l-postijiet li kkwota fil-budget speech 2003 pg 35 taħt il-titlu 'Persuni b'Diżabilita`'

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proġetti kkwotati fid-diskors tal-Budget għas-sena 2003 li għamlet referenza għalihom l-Onor. Interpellanti qiegħdin fil-kumpless Vajrita f'Wied il-Għajn., il Housing Estate ta' Tewma, Ħal-Kirkop u l-Housing Estate tad-Dejma fil-Fgura. Irrid inżid li minbarra dawn it-tlett proġetti hemm proġett ieħor biex jipprovdi servizz residenzjali fil-komunita' għall-persuni b'diżabilita'. Dan il-proġett hu fl-Imtarfa u xogħol fuq dan il-proġett jinsab fi stadju avanzat ħafna.

Awtorita' tad-Djar — Konsulent

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37176 u r-risposta sussegwenti, jista' l-Ministru jgħid il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, ġiex terminat l-impjieg tagħha u jekk fuq il-post issejħet anke l-pulizija esekuttiva sabiex tiġi ordnata toħroġ 'il barra mill-Awtorita' tad-Djar (Bini) f'każ li toġġezzjona hekk kif tiġi mogħtija l-ittra ta' terminazzjoni ta' impjieg?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab informat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma ngħatat ebda terminazzjoni ta' mpjieg mill-Awtorita' tad-Djar u fil-fatt għadha taħdem fil-bini ta' l-Awtorita'.

Dipartiment tad-Djar — Impjegata

Question

B'referenza għal persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jgħid jekk: a) hijiex impjegata mad-dipartiment tad-djar, manutenzjoni u kostruzzjoni fuq bażi kuntrattwali; b) jekk fl-affermattiv, x'inhuma l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg tagħha; u c) ir-raġuni li għalih din ġiet impjegata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab informat li l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant la hi mpjegata mad-Dipartiment indikat u lanqas hi marbuta b'kuntratt iżda qed tipprovdi servizz klerikali temporanju li titħallas għalih skond is-siegħat li taħdem.

Housing Authority

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien l-akbar u l-anqas ammont ta' flus li ngħata lill-familji wara li bbenefikaw mill-iskema ta' l-Awtorita` tad-Djar sena b'sena mill-1999 sal-lum? X'kienet l-iskema li taħtha ngħata l-flus?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Bormla — Tibjid ta' Hubbard blocks

Question

Peress li bħal issa qed isir tibjid tal-blocks Hubbard Bormla, jista' il-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol jinkludix ukoll il-gallarijiet tal-ġebel? Jista' il-Ministru jivverifika jekk hux minnu li r-residenti qed jintalbu Lm10 sabiex tiġi imbajda kull gallerija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab informat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant jinkludi wkoll l-gallarijiet tal-ġebel. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar ma talab ebda ħlas għal dan ix-xogħol iżda ninsab informat li mpjegat tal-kuntrattur li kien qed jagħmel ix-xogħol talab xi flus mingħand l-inkwilini. Ninsab informat ukoll li l-kuntrattur keċċa lil dan l-impjegat meta sar jaf b'dak li ġara.

Anzjani — Qtugħ ta' ammont mill-pensjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li numru ta' anzjani qed jinqatgħalhom ammont mill-pensjoni u jgħidulhom li dan qed isir għax sar ħlas żejjed? Kemm hemm minn dawn l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas lura ta' Benefiċċju, Pensjoni, Allowance, jew Għajnuna indebitament imħallsin lill xi benefiċjarju, hu regolat bil-provvediment ta' l-Artikolu 102 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318). Hemm diversi ċirkostanzi li fihom jirriżulta li jkun sar ħlas żejjed. Hekk ngħidu aħna jista' jkun hemm żball fil-kalkolu minn naħa tad-dipartiment fir-rata tal-benefiċċju dovut skond il-liġi. Ħafna drabi jirriżulta li l-benefiċjarju ma jkunx irraporta xi tibdil fiċ-ċirkostanzi tiegħu dwar, ngħidu aħna, il-kompożizzjoni tal-familja jew xi dħul li ma kienx iddikjarat qabel. It-taqsima li konna waqqafna fid-dipartiment u li hi responsabbli minn investigazzjonijiet u frodi skopriet numru ta' każijiet li fihom id-dikjarazzjonijiet ta' l-assi kapitali, inkluż flus fil-banek, kienet skorretta. F'kull każ il-benefiċjarju jiġi nfurmat dwar iċ-ċirkostanzi ndividwali tiegħu u l-mod ta' kif ser issir ir-rifużjoni ta' l-ammont imħallas u li ma kienx dovut. Għaldaqstant, l-Onor. Interpellant jifhem li mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni kif mitluba minnu ġaladarba din tkun tirrikjedi riċerka fil-files individwali ta' kull benefiċjarju. Bħalissa r-riżorsi umani tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali huma impenjati kollha fil-preparazzjonijiet ta' l-implimentazzjoni, b'effett minn Jannar tas-sena d-dieħla, tal-miżuri ġodda u fejjieda mħabbra fl-aħħar diskors tal-budget.

Awtorita' tad-Djar

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-konvenju li sar fit-18 ta' Gunju 1990, referenza 262/89 bejn l-Awtorita’ tad-Djar u l-persuni li isimhom qiegħed jintbagħat separatament għadu sal-lum ma ġiex konkluż u pubblikat l-kuntratt skond il-liġi? Jista’ l-Minsitru jgħid jekk dan hux l-każ u kemm hemm konvenji oħra bħalu li għadhom ma ġewx konklużi.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab informat li l-art li fuqha hemm mibni l-plot għada ma ġietx trasferita lill-Awtorita' tad-Djar. L-Awtorita' tad-Djar għandha madwar 1408 plot assenjat lill-benefiċċjarji tagħha li għadhom ma ġewx trasferita lilha. Minħabba f'hekk il-kuntratt ta' enfitewsi ma jistax jiġi ffirmat. Ta' min jgħid li minn żmien għal żmien id-Dipartiment ta' l-Artijiet jgħaddi lill-Awtorita' tad-Djar titolu ta' diversi plots permezz ta' Avviż Legali u l-Kuntratti rispettivi jiġu ffinaliżżati.