Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm mobile phones fid-dekasteru u dipartimenti oħra li jaqgħu taħtu? Kemm minn dawn intilfu jew nsterqu f'dawn l-aħħar 5 snin u minn liema dipartiment jew ente?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għall-mistoqsija qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista bl-ismijiet tal-persuni jew ditti li ġew magħżula mill-kunsill Malti għax-xjenza u t-teknoloġija, kemm se jingħataw fondi għar-riċerka għal kull applikazzjoni li ntagħżlet u x'kien is-suġġett tar-riċerka?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet għal fondi taħt il-programm tar-Riċerka u Innovazzjoni huwa proċess ta’ żewġ stadji (two stage evaluation process). L-ewwel stadju ta’ shortlisting ġie konkluż u r-riżultat ġie ppubblikat fuq il-website tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija f’Ottubru tas-sena 2006.
Ir-rapport tat-tieni stadju ta’ evalwazzjoni huwa lest u issa ġie sottomess lill-Bord tal-MCST għall-approvazzjoni tiegħu. Il-lista finali tiġi ppubblikata wara li tingħata din l-approvazzjoni mill-Bord. Huwa previst li l-MCST tippubblika r-riżultati f’Marzu ta’ din is-sena.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-proċedura ta' dawk il-membri fl-Armata li għalqu l-55 sena li jibqgħu sa wara dan il-perjodu għall-estenzjoni ta' sena u dan peress li hemm membri fl-Armata inkluż staff sergeant, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għadu sal-lum ma nformah ħadd uffiċjalment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-proċedura fl-Armata rigward dawk li jkunu ser jilħqu l-eta ta’ 55 sena u fuqhom hija li jekk membru ta’ l-Armata jkun jixtieq ikompli fis-servizz wara l-55 sena, ikun irid japplika sa minn tlett xhur qabel ma jkun ser jagħlaq sninu u jitlob li s-servizz tiegħu jiġi estiż għal sena oħra. Ir-regola hija li t-talba ta’ l-individwu tiġi kkunsidrata u jekk din tiġi approvata, l-individwu jkun jista’ jkompli fis-servizz għal sena oħra.
Din il-proċedura ser tibqa’ applikabbli sa din is-sena biss, għaliex, skond policy li ser tidħol fis-seħħ mit-8 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla, is-servizz ta’ dawk kollha li ser ikunu 55 sena u fuqhom wara t-8 ta’ Jannar 2008, ser jiġi tterminat.
Ninforma wkoll l-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni ta’ l-individwu msemmi għadha qed tiġi pproċessata.
Jista' l-Prim Ministru jara li l-flus tal-VAT li anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament , ħallset biex għamlet lift minħabba diżabilita', jingħatawlha lura peress li għad m'għandha l-ebda risposta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-VAT ma jidhirx li rċieva talba mingħand il-persuna indikata, għal ħlas lura ta’ VAT fuq spiża ta’ lift minħabba diżabilità. F’każ ta’ talba għal rifużjoni ta’ VAT fuq lifts, id-Dipartiment tal-VAT ma jkunx jista’ jilqagħha.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24000 u cioe' rigward Dar Malta fi Brussels, tista' tikkonferma li l-ispiża fil-manutenzjoni u xogħlijiet oħra f'Dar Malta ma qabżitx l-ispiża stmata ta' Lm2.5 miljun? Tkun lest toħroġ lista ta' kif inqasmu dawn l-ispejjeż? Xi żviluppi kien hemm fid-diffikultajiet ta' tassazzjoni li sab il-gvern Malti meta ġie biex jikri partijiet minn Dar Malta lil terzi għal skopijiet kummerċjali? Kien hemm soluzzjoni għal din il-problema? Instabu kumpanniji lesti li jikru partijiet minn Dar Malta? Kien hemm xi ftehim ma xi kumpanniji f'dan ir-rigward? Meta huwa mistenni li l-Gvern Malti jibda jdaħħal il-flus minn dawn il-kirjiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23797, jista' l-Prim Ministru jgħid kif intgħażlu d-ditti li ġew avviċinati tal-manifattura ta' l-apparat tad-dual pricing li huwa ppjanat li jingħata lil dawk in-negozjati li daħħlu s-sistema FAIR marbuta mad-dħul tal-euro f'pajjiżna? Minn fost kemm ditti oħra ntgħażlu? Min kien responsabbli għal dan ix-short listing? Dawn id-ditti għandhom rappreżentanti f'pajjiżna? Jekk iva, min huma? Huwa minnu li l-kuntatt magħhom sar b'mod dirett minn uffiċjal għoli tan-National Euro Changeover Committee li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Għaliex meta l-gvern ilu li kellu dawn l-iskadenzi quddiemu ma ħariġx sejħa għat-tenders? Meta mistenni jiġu konklużi n-negozjati? Kemm mistenni jiġi jiswa bejn wieħed u ieħor dan id-deal li qed jinnegozja l-gvern Malti?
Dwar it-trattattivi li qed jagħmel il-gvern ma' bank kummerċjali li huwa nteressat li jipprovdi dawn il-converters b'xejn, x'ifisser dan fil-prattika - li l-converters se jinxtraw direttament mill-bank konċernat jew il-gvern se jitħallas mill-bank tax-xirja li se jagħmel il-gvern mingħand suppliers li jagħżel hu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li d-ditti ġew magħżula wara riċerka li saret mill-Kumitat Nazzjonali għall-bidla għall-ewro (NECC), liema riċerka kienet tinvolvi l-identifikazzjoni ta’ manifatturi ta’ apparat simili. L-Ambaxxata Ċiniża f’Malta ġiet ukoll mitluba tidentifika suppliers fiċ-Ċina li setgħu jimmanifatturaw dan l-apparat. Kif diġà għidt, ma jeżisti l-ebda manifattur lokali ta’ apparat simili.
Wara li ntbagħtu numru ta’ ‘requests for proposals’, l-NECC talab lill-Ministeru tal-Finanzi l-permess li jinnegozja, skond il-parametri tar-regolamenti finanzjarji, mal-manifattur li ppreżenta l-irħas prezz peress li nħass li seta jinkiseb prezz aħjar. L-uffiċjal imsemmi mill-Onorevoli Interpellant ġie inkarigat sabiex imexxi n-negozjati mal-preferred supplier u għaldaqstant beda jinnegozja għan-nom tal-Gvern.
L-Onorevoli Interpellant jaf sew li tender ta’ dan it-tip jeħtieġ perjodi li jvarjaw minn tlieta sa sitt xhur sabiex jgħaddi mill-proċessi kollha, liema perjodi mhumiex addattati għall-iskadenzi li l-Gvern stabbilixxa wara d-diskussjonijiet mal-partijiet soċjali li ġew finalizzati f’Novembru li għadda.
Kif diġà spjegajt, il-Gvern qed jinnegozja direttament ma’ manifatturi barranin. Ħadd minn dawn m’għandu rappreżentanti Maltin. Peress li l-kuntratt finali għadu ma sarx u n-negozjati għadhom m’humiex konklużi, mhux etikament korrett li niżvela d-dettalji kummerċjali f’dan l-istadju. In-negozjati huma mistennija li jiġu konklużi fil-ġranet li ġejjin.
Dwar in-negozjati ma’ bank kummerċjali, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin. Madankollu, ġaladarba d-diskussjonijiet ikunu finalizzati, il-Gvern ser ikun f’pożizzjoni li jħabbar id-dettalji ta’ dan l-arranġament fil-pubbliku.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm applikaw għall-aħħar sejħa ta' ingaġġ ta' suldati? Kemm għaddew mill-physical test? Kemm qagħdu għall-eżami bil-miktub? Kemm hemm ħsieb li jiġu ngaġġati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għall-mistoqsija qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inkrew vannijiet u trakkijiet bid-driver u mingħajr, mill-ministeru u enti oħra li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006 sal-lum, xahar b'xahar, u jgħid l-ispiża x'kienet f'kull każ u mingħand min saret il-kirja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għall-mistoqsija qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jaf l-Prim Ministru li l-file rigwardanti l-cabin cruiser li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma jistax jinstab għand il-kontrollur tad-dwana u dan ilu hekk mitluf għal żmien twil? Japprezza li dan kollu qed jikkrea danni u preġudizzju lill-azzjonisti tal-kumpanija proprjeta' tal-cabin cruiser in kwestjoni peress li jridu jitrasferixxu l-assi u d-dgħajsa u ma jistgħux jagħmlu dan minħabba xi intopp amministrattiv? Jista' jindaga u jagħti istruzzjonijiet sabiex it-transfer finalment ikun jista' iseħħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-file li jirrigwarda l-cabin cruiser anness mad-domanda parlamentari mhux mitluf iżda qiegħed id-Dwana.
Id-Dwana se taġixxi skond parir mogħti dan ix-xahar mill-Avukat Ġenerali.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23867, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet ta' kunfidenzjalita' ladarba dan it-tagħrif jingħata regolarment dwar Malta u ladarba dan it-tagħrif jingħata dwar reġjuni Ewropej? X'kunfidenzjalita' hi li tista' tinkiser?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi meta statistika miġbura mill-NSO tkun tikkonsisti minn tliet (3) elementi (f’dan il-każ rispondenti) jew inqas, l-informazzjoni tkun meqjusa kunfidenzjali. Dan għaliex ir-rispondent li jagħti dik l-informazzjoni jista’ jinduna x’qegħdin jagħtu r-rispondenti l-oħrajn.
Dwar li tagħrif bħal dan jingħata regolarment dwar Malta, ta’ min jinnota li meta dan it-tagħrif jiġi ppubblikat dejjem ikun dwar Malta u Għawdex flimkien. B’hekk ikun aċċertat li tkun qed titħares il-kunfidenzjalità kif deskritta hawn fuq.
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista ta' proġetti li ġew proposti għall-finanzjament permezz ta' fondi ta' l-Unjoni Ewropea (2007-2013) inkluż l-valur stmat ta' kull proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għall-mistoqsija qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22903 u jgħid kemm kien in-numru ta' oġġezzjonijiet, ilmenti u/jew protesti li rċeviet l-Armata mingħand is-suldati li nqabżu fil-promozzjonijiet li ngħataw riċentement?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22903.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk għaqdiet filantropiċi humiex suġġetti li jħallsu t-taxxa fuq l-income, l-15% fuq kontijiet bankarji u xi taxxi oħrajn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-għaqdiet filantropiċi ma jħallsux income tax jekk ikunu ġew eżentati taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-artikolu 12(1)(e) ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income. Din l-eżenzjoni tapplika wkoll għal interessi li jista’ jkollhom minn kontijiet bankarji.
Fil-każ ta’ għaqdiet li ma għandhomx din l-eżenzjoni, it-taxxa titħallas bir-rati stabbiliti għal persuna oħra sa massimu ta’ 30%, u jistgħu jħallsu bil-15% fuq kontijiet bankarji.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta reliġjużi mpjegati fis-Servizz Pubbliku jew f'korpi/enti oħra tal-Gvern? X'inhu x-xogħol li qed jagħmlu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra
Jista' l-Prim Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-ikliet/hospitality fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa globali fuq ikliet/hospitality fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li tinkludi Dipartimenti, Awtoritajiet u Enti li jaqgħu taħtu, kienet ta’ Lm71,174.
In-nefqa mill-Ministeru tal-Finanzi kienet tammonta għal Lm40,434.
Jista' l-Prim Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal xiri ta' stationery fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli A u B għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament, u li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23797 u jikkonferma jekk huwiex se jinħareġ tender pubbliku biex jiġi mixtri l-apparat tad-dual pricing li jidher li huwa ppjanat li jingħata lil dawk in-negozji li daħlu fis-sistema FAIR marbuta mad-dħul tal-euro f'pajjiżna? Dan japplika wkoll għal calculators li sejrin jingħataw lil households Maltin u Għawdxin f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 23797.