Legislature:
Category:
Reset
Active:

MEPA — Satelite Dish

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil-Kamra x'miżuri ttieħdu riċentement mill-MEPA għar-rigward l-istallazzjoni ta' satelite dish? Jikkunsidra l-Ministru li jibgħat ċirkolari lin-nies tat-tlett ibliet kif ukoll Valletta u Floriana sabiex ikunu magħrfa b'dan?

Response (BORG, TONIO)

L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u sussegenentement il-Gvern, approvaw regolamenti ġodda li jissimplifikaw il-proċeduri dwar l-istallazjoni ta' antenni għas-satellita f'żoni ta' konservazzjoni urbana (U.C.A.'s). Dawn ir-regolamenti daħlu fis-seħħ fil-31 ta' Mejju, 2002. Qabel wieħed kellu japplika b'applikazzjoni sħiħa ta' żvilupp. Bir-regolamenti l-ġodda issa irid jagħmel biss notifika lill-MEPA. Applikazzjoni sħiħa ta' żvilupp trid tibqa` issir biss fejn il-bini huwa skedat u xi każijiet minuri oħra. L-Awtorita’ sejra tagħmel avviżi fil-gazetti dwar dan. Sadanittant ser nieħu s-suġġeriment tal-Onor. Membru sabiex ir-residenti jkunu nfurmati direttatment.

MEPA — Ħwienet - Siġġijiet Barra

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'miżuri ttieħdu riċentement mill-MEPA għar-rigward tal-ħwienet li japplikaw għal siġġijiet barra? Jikkunsidra l-Ministru li jibgħat ċirkolari lin-nies fin-negozju li huma affettwati minn dan, b'riferenza għat-tliett ibliet, Valletta u Floriana, sabiex ikunu magħrfa b'dan?

Response (BORG, TONIO)

Il-MEPA aġġornat il-politika tagħha dwar l-użu ta' spazji pubbliċi fi tlett ibliet, Valletta u Floriana, kif ukoll f'areas urbani oħra biex tippromwovi l-attivita' kummerċjali f'dawn l-inħawi billi ma tesiġix li jitħallsu xi spejjeż għall-iskema ta' Commuted Parking. Din il-politika riveduta issa sejra tinħareġ għall-konsultazzjoni pubblika qabel ma' tiġi addottata formalment. Hu propost ukoll li f'każi fejn saru ħlasijiet f'dan ir-rigward, dawn jitħallsu lura sakemm dawn jikkonformaw ma l-iprovvedimenti li jikkontrollaw tali żvilupp skond il-kundizzjonijiet elenkati fl-Ordni ta' l-2001 dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp (Avviż Legali 126 ta' l-2001) klassi 19 'Tqegħid ta' mwejjed u siġġijiet'. Ta' min jinnota li żvilupp bħal dan ma jeħtieġx applikazzjoni formali iżda jista' jsir wara li tingħata notifika lill-Awtorita'.
Leg 9 PQ #33782 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PA — Boathouses

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 33653, jista' l-Ministru jgħid minn min saru d-diversi options għall-iżvilupp u tmexxija tal-boathouses?

Response (BORG, TONIO)

Il-MIMCOL stess qed toħloq diversi options u tevalwahom.
Leg 9 PQ #33788 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PA — Proġett tal-Kottonera

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħol tal-kostruzzjoni ta' l-appartamenti li jiffurmaw parti mill-proġett tal-Kottonera hux isir skond il-pjanti u l-kundizzjonijiet tal-permessi ta' l-awtorita` ta' l-ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi x-xogħol li qed isir fuq il-kostruzzjoni ta` l-appartamenti imsemmija qiegħed isir skond il-pjanti approvati ħlief għal xi alterazzjonijiet fit-tronob li ma jirrikjedux permess għat-tibdil, u tibdil fil-faċċata. Sar ukoll tibdil fl-istruttura interna u ġiet sottomessa Minor Amendment Application li ġiet approvata. Dwar il-faċċati, ix-xogħol fuq l-istruttura bħalissa wieqaf sakemm tiġi determinata l-applikazzjoni għat-tibdil fil-pjanti approvati.
Leg 9 PQ #33790 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Imqabba — Kuntrattur

Question

Jista' l-Ministru jivverifika jekk il-kuntrattur li għandu impjant fit-triq ta' l-Imqabba u li ismu qed jintbagħat separatament hux jokkupa b'mod irregolari proprjeta` pubblika?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-art imsemmija fil-mistoqsija kienet art tal-Knisja li għaddiet għand il-Gvern. Minn investigazzjoni li għamel id-Dipartiment ta` l-Artijiet irriżulta li l-kuntrattur li qed jirreferi għalih fil-mistoqsija m`għandu l-ebda titlu fuq din l-art. Id-Dipartiment ser jieħu azzjoni rigward dan.
Leg 9 PQ #33792 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PA — Kuntrattu - Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-impjant li għandu kuntrattur mat-triq ta' l-Imqabba - ismu qed jintbagħat separatament - hux kollu kopert bil-permess ta' l-Awtorita` ta' l-ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kuntrattur imsemmi għandu tlett postijiet (siti) ma` ġenb xulxin li fuqhom hemm makkinarju. Fuq sit minnhom għandu impjant tal-konkos bil-permess PA 1036/91. Fuq sit ieħor hemm magna li tipproduċi l-bricks li hija mingħajr permess u li fuqha nħareġ Avviż tat-Twettieq ECF 449/01, filwaqt li fuq is-sit l-ieħor hemm magna tat-tkissir tal-ġebel (crusher) li hija ukoll mingħajr permess u inħareġ ukoll Avviż tat-Twettieq ECF 660/01. Fuq dawn iż-żewġ siti hemm applikazzjoni PA 5616/01 li għadha pendenti.
Leg 9 PQ #33795 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PA — Għarghur - Permessi

Question

Jista' l-Ministru jara u jgħid x'inhu jżomm milli joħroġ il-permess fuq l-art indikata bl-aħdar fuq il-pjanta li qed tintbagħat separatament meta f'din l-art u viċin tagħha diġa` inbnew postijiet, bħalma hemm indikat fl-ittra li wkoll qed tintbagħat separatament mibgħuta mill-perit fis-26 ta' Ottubru 2001, minħabba li dan huwa każ ta' inġustizzja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-raġunijiet għar-rifjut ta` l-applikazzjoni PA 6455/00 diġa` kienu elenkati u ikkomunikati lill-perit u l-applikant. Rigward it-talba sabiex din l-art tiġi ikkunsidrata biex tiġi inkluża fl-iskema tal-bini permezz ta` l-ittra datata 26 ta` Ottubru 2001, ninsab infurmat illi din l-ittra qed tiġi indirizzata ma` talbiet oħra simili bħala parti mill-proċess tal-pjan lokali. L-eżitu ta` dawn it-talbiet jagħmel parti mill-pjan lokali illi għad irid jiġi approvat mill-MEPA qabel joħroġ għal konsultazzjoni pubblika.
Leg 9 PQ #33802 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jordna biex titneħħa karozza mitluqa li tinsab fuq bankina fi Triq l-Imdina Ħaż-Zebbug viċin sqaq Wied is-Sewda? U dik li hemm fi Triq Dun Miju Zarb Ħaz-Zebbug?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vetturi msemmija mill-Onorevoli Interpellant, tneħħew.
Leg 9 PQ #33806 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Cash for Cancer Foundation

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq il-gvern biex xtara l-bini li kien intenzjonat għal-Maria Bugeja cash for cancer foundation? Jista' jgħid kemm kien hemm dejn fuq dan il-bini? Jista' jispjega għal xiex ser jiġi wżat dan il-bini?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru għal Politika Soċjali.
Leg 9 PQ #33809 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex permess li residenti f'M. Pulis Street, Gzira iwaħħlu bollards quddiem id-dar tagħhom kif fil-fatt qed isir?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjonijiet li għamlet il-Pulizija fit-triq imsemmija ma jirriżultax li hemm xi bollards imwaħħla f'din it-triq. Pero' il-Pulizija innutat illi quddiem garage kien hemm żewġ bramel mimlija bis-cement b'pajp ġo fihom, bl-iskop li ma jsirx parking quddiem dan il-garage. Is-sid ġie mwissi mill-pulizija sabiex ma jibqax juża din il-prattika.

Lands Department

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemm żviluppi dwar il-fond f'St. Publius Street Floriana li l-għaqda tal-festa San Publju talbet sabiex tuża bħala maħżen?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern għandha diversi talbiet għal fond Nru. 45, Triq San Publiju, Floriana. Il-proprjeta` ser tinħareġ għall-kiri fil-futur qarib.

Senglea — Shelter tal-Gwerra

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba x-shelter tal-gwerra li hemm fil-ponta tal-belt Sengleana u dik ta' taħt il-mina ta' Sant'Anna humiex mogħtija b'kera u jekk iva, jista' l-kuntratt relattiv jiġi ppreżentat fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern m`għandha l-ebda shelter tal-gwerra taħt il-mina ta` Sant`Anna fl-Isla li huwa mikri. Minn naħa l-oħra it-Taqsima tikri lil terzi persuni żewġ postijiet fil-Ponta tal-Isla. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta` dawn il-kirjiet.
Leg 9 PQ #33880 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jara li van tal-ħut, li n-numru qed jintbagħat separatament li qiegħed ipparkjat ħażin u ilu ġo St. Helen Square c/w Sanctuary Street, għal ħafna ġimgħat, jitneħħa għaliex qiegħed jostakola it-triq?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment qed jiġi investigat.
Leg 9 PQ #33882 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir patrol bil-lejl mil-pulizija fit-Triq Sannat u l-inħawi ta' Ħal Tarxien minħabba s-serq li qiegħed iseħħ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kemm il-Pulizija tad-Distrett kif ukoll dawk tal-Mobile Squad, jagħmlu ronda kemm fl-akwati tat-triq imsemmija kif ukoll fit-toroq l-oħra.
Leg 9 PQ #33888 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jitħallsu għall-extra li għamlu xi pulizija li ħadmu mal-Malta Maritime Authority fix-xatt ta' Pinto matul is-sena 2001?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp ikunu jistgħu jitħallsu hekk kif il-Malta Maritime Authority tħallas il-kontijiet li hemm pendenti għal xogħol extra li nħadem mill-Pulizija.
Leg 9 PQ #33898 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Ħabs

Question

Jista' l-Ministru responsabbli mill-ħabs jgħarraf lil din il-Kamra kif avukati qed jingħataw aċċess lill-ħabsin mingħajr ma dawn ta' l-aħħar ikunu klijenti tagħhom? Hemmx xi ftehim f'dan is-sens mal-Kamra ta' l-avukati? Jekk fin-negattivi x'passi qed jittieħdu stante li dan l-aġir jammonta għall-ksur ta' kodiċi ta' l-etiku u regolamenti oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kull avukat li jmur il-ħabs biex ikellem priġunier dejjem ingħata aċċess li jikkuntattja lill-priġunier għaliex ikun talab l-istess priġunier li jkellem lill-avukat. Ta` min jgħid ukoll li skond ir-regolament 5 (3) tar-Regolamenti tal-1995 Dwar il-Ħabs, priġunieri mhux ikkundannati għandhom jingħataw faċilitajiet biex jikkuntattjaw konsulent legali ta` l-għażla tagħhom.
Leg 9 PQ #33900 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li mit-28 ta' Mejju 2002 il-pulizija tat-traffic kollha ma jistħgux jieħdu leave meta jkunu duty fil-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vacation leave jingħata fuq talba tal-membru tal-Korp u dan huwa suġġett għal esiġenzi tas-servizz. Għaldaqstant meta membru tal-Korp tal-Pulizija jiġi mħarrek biex jixhed il-Qorti, dan ma jingħatax vacation leave f`dik il-ġurnata u dan peress li xhieda quddiem il-Qorti hija mandatorja. B`hekk ukoll jiġi evitat abbuż minn ħlas ta` 'overtime'.
Leg 9 PQ #33901 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk l-esperti fil-laboratorju tal-pulizija li japplikaw u jintgħażlu bħala forensic divisional manager jew scientists jew technicians mal-MIMCOL iżommx il-grad u s-seniority li kellhom mal-korp tal-pulizija? Jista' jgħid jekk dan japplikax ukoll għal dawk li huma seconded mal-korp tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-MIMCOL.
Leg 9 PQ #32311 Sitting 747 2002-05-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Overdose

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li nstabu mejta kawża ta' overdose ta' eroina, eċċ f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar 5 snin sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-każi ta` mwiet minħabba overdose ta` droga investigati mill-Pulizija bejn l-1997 u l-2001 kienu kif ġej: 1997 1998 1999 2000 2001 Malta 5 5 4 5 8 Għawdex - 1 - - -
Leg 9 PQ #33650 Sitting 747 2002-05-29 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-parties fl-open air u fejn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi hemm applikazzjoni waħda pendenti għand il-Pulizija għal party f`Ħal Far.