Jista' il-Ministru jgħid f'liema jum is-sinjuri Winston Zahra, George Micallef, Sam Mifsud u Chris Grech ġew informati li ntemmitilhom il-ħatra biex jimplimentaw tibdil fl-awtorita' Maltija tat-turiżmu? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra tat-tmiem tal-ħatra tagħhom? Jista' ipoġġi fuq il-mejda wkoll kopja bit-tibdiliet li laħqu għamlu u lista tat-tibdil li kien għad fadlilhom jagħmlu? X'kienu r-raġunijiet għat-tmiem tal-ħatra tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi lill-Onor interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12585.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12507 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid għaliex żewġ ħaddiema li kienu jaħdmu mal-Medserv f'Manoel Island u li kienu mislufa mal-pollution unit - id-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament - ilhom bla xogħol għal dawn l-aħħar sentejn?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li meta f'Jannar 2005 l-Oil Pollution Unit waqa' taħt ir-responsabilta' tal-Ministeru tat-Turiżmu u Kultura dawn iż-żewġ persuni ma kienux jiffurmaw parti min din il-unit. Minn informazzjoni li għandi jidher li dawn iż-żewġ persuni kienu mpjegati mal-Medserv u tilfu l-impjieg tagħhom meta l-Oil Pollution Unit waqfet tuttilizza is-servizzi tagħhom f'data qabel Jannar ta' din is-sena.
Il-Medserv hija kumpannija privata u l-Gvern m'għandux kontroll fuqha.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12498 u jgħid kemm hemm bookings bħalissa ta' turisti għas-sajf 2005 u kemm kien hemm bookings fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 għall-istess perijodu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Indikazzjonijiet juru li s-seat capacities għas-sajf 2005 li jinkludi l-perjodu minn April s'Ottubru żdiedu b'19.3% meta mqabbla ma' dawk tas-sajf 2004.
Ninsab infurmat li t-target għas-sena 2005 huwa li nilħqu ċ-ċifra ta' 50,000 turist aktar mis-sena 2004, jiġifieri t-target għas-sena 2005 hu li nattiraw 1.2 miljun turist. Minn dawn 460,000 mistennija li jiġu bejn Lulju u Settembru. Dan in-numru jirrapreżenta żieda ta' 4.5% fuq is-sajf 2004.
L-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu ma żżomx informazzjoni fuq bookings.
B'riferenza għall-mistosija parlamentari 12090 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed jingħataw permessi għall-amplified music wara l-11.00 p.m.? Kemm ingħataw matul l-ewwel tliet xhur tas-sena u fejn?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu ma ħarġet l-ebda permess għad-daqq ta' amplified music fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena. Madankollu, inħarġu żewġ permessi ta' one offs, li tindaqq mużika f'ġurnata u okkażjoni partikolari. Wieħed kien lil bar/restaurant Savini, il-Qawra u l-ieħor kien lil Palazzo Parisio, in-Naxxar.
Jista' il-Mnistru jgħid mill-1 ta' Jannar 2004 sal-lum kemm infetħu u kemm għalqu ristoranti f'pajjiżna? Liema kienu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bejn Jannar 2004 sa llum l-Awtorita' għat-Turiżmu ħarġet 17 il-liċenzja ġdida ta' ristorant, filwaqt li fl-istess perijodu 21 ristorant twaqfitilhom il-liċenzja.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawn ir-ristoranti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm bookings bħalissa ta' turisti għas-sajf 2005 u kemm kien hemm bookings fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 għall-istess perijodu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jara li jżid ir-riżorsi umani fis-superintendence for cultural heritage minħabba li għandhom backlog kbir f'każi li jikkonċernaw permessi tal-MEPA u moniteraġġ tax-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-prezent is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għandha ‘staff complement’ ta’ hdax-il persuna.
Dawn ir-riżorsi huma ftit wisq sabiex is-Sovrintendenza taqdi id-dmirijiet kollha fis-settur tal-Wirt Kulturali, hekk kif huma definiti fil-Ligi għall-Wirt Kulturali tal-2002. Il-Ministeru tal-Turismu u l-Kultura ikkummissjona studju sabiex jistabilixxi il-bzonnijiet tas-Sovrintendenza f’dak li għandhu x’jaqsam mar-risorsi umani.
A bażi ta’ dan ir-rapport se jittieħdu miżuri sabiex is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali tingħatalha ir-risorsi umani necessari sabiex tkun tista’ topera hekk kif definit fil-Ligi Għall-Wirt Kulturali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-ministeru tat-turiżmu mill-1 ta' Jannar sat-tieni ġimgħa ta' Mejju? Fiex intnefqu dawn il-flus? Jista' jagħti breakdown ta' dan l-infiq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jagħti breakdown ta' l-arrivals per destination mill-1 ta' Jannar sa l-aħħar ta' April u jagħti l-average duration ta' kull arrival?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħdu l-awtoritajiet turistiċi u l-ministeru biex xogħol ta' kostruzzjoni ma jħarbatx il-lukandi f'Buġibba li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li qed ikollhom ilmenti qawwija minn turisti u aġenti dwar inkonvenjenzi, ħsejjes u storbju?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ stqarrija għall-istampa li ser toħroġ dwar is-suġġett tal-Mistoqsija.
Jista' il-Ministru jgħidilna jekk itteħdux passi mill-awtoritajiet sabiex jivverifikaw informazzjoni pubblikata fil-"Malta Today" dwar dak li qed jissejjaħ traffikar ta' oġġetti ta' wirt storiku nazzjonali u internazzjonali minn Malta? Jista' jgħidilna jekk l-awtoritajiet ikkonfermawx l-awtentiċita' ta' l-oġġetti riklamati kif ukoll il-provenjenza tagħhom? Ġew informati organizzazzjonijiet, bħal International council of museums, li qed jikkordinaw sforzi internazzjonali sabiex jerġgħu jinstabu t-teżori arkeoloġiċi misruqa mill-Iraq fil-gwerra ta' l-2003?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ġabret l-informazzjoni meħtieġa dwar dan il-każ u għaddietha f’idejn il-pulizija biex tittieħed kull azzjoni meħtiega. Is-Sovrintendenza tikkollabora bis-sħiħ mal-pulizija f’każijiet ta’ din ix-xorta meta tintalab tistabilixxi l-awtentiċita u l-provenjenza ta’ oġġetti bħal dawn.
Is-Sovrintendenza tinsab infurmata li dan il-każ kien diġa taħt investigazzjoni qabel ma ħareg fil-media wara notifika mill Interpol. Il-Pulizija għandha wkoll f’idejha aktar minn każ wieħed ta’ din ix-xorta taħt investigazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-bord tat-tmexxija ta' Dar il-Mediterran ċaħħad lill-organizzaturi li riedu jtellgħu attivita' li riedu jieħdu sehem fiha trasvestiti? Jista' jagħti r-raġunijiet tal-bord?
B'referena għall-proġett imniedi mill-Malta Tourism Authority flimkien mal-MHRA imsejjaħ HOTSME u li permezz tiegħu se jingħataw fondi mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Leonardo da Vinci Programme, jista' il-Ministru jispjega jekk hux kuntent bis-servizzi taż-żewġ persuni (ismijiet mogħtija separatament) magħrufa sew fil-qasam tat-turiżmu biex imexxu dan il-proġett? Iħossux sodisfatt li m'hemm l-ebda konflitt ta' interess minn dawn il-persuni fit-tħaddim ta' dan il-proġett hekk importanti għall-industrija tat-turiżmu? Jaħseb il-Ministru li kif stqarr hu stess f'konferenza stampa li dan l-aħħar li t-taħriġ għandu jsir prinċipalment mill-MCAST, l-Universita' u l-ITS fejn jista' ikun żgurat livell ta' kompetenza fit-tagħlim?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-programm HOTSME li għalih l-Unjoni Ewropea se toħroġ € 439,090 għandu l-għan li jipprovdi tagħlim professjonali kontinwu lill-ħaddiema u management ta’ lukandi żgħar. Dan il-programm se jiżviluppa l-għodda neċessarji sabiex dan it-taħriġ ikun possibbli. Għandi l-pjaċir ngħid li Malta, permezz ta’ l-M.H.R.A. u l-M.T.A., hija l-lead partner f’dan il-proġett li qed jipparteċipaw fih istituzzjonijiet oħra Ewropej.
Ir-rwol ta’ l-M.H.R.A. u l-M.T.A. f’dan il-proġett huwa komplimentari. L-M.T.A. se tieħu ħsieb l-aspett tekniku filwaqt li l-M.H.R.A. hija responsabbli mit-tmexxija u l-amministrazzjoni. Iż-żewġ persuni indikati li ġew imqabbda mill-M.H.R.A. huma nies kompetenti u ma jirriżultax li hemm konflitt ta’ interess fix-xogħol li se jwettqu.
Fir-rigward ta’ l-aħħar parti tal-mistoqsija, dan il-Gvern bir-raġun huwa kburi bl-Università, l-M.C.A.S.T. u l-I.T.S.. Dawn l-istituzzjonijiet għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp ta’ l-aqwa riżors li għandna fil-qasam turistiku jiġifieri in-nies li jaħdmu fis-settur. Fil-każ tal-proġett HOTSME, peress li dan huwa programm ta’ riċerka u ma fihx element ta’ taħriġ, mhuwiex il-każ li dawn l-istituzzjonijiet setgħu joffru t-taħriġ huma.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11309 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u jara għaliex fil-biċċa art li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, kellha terġa' titpoġġa l-ħamrija u s'issa għadu ma sar xejn? Jista' jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-art in kwestjoni hija privata u qiegħda fil-proċess li tiġi espropjata mid-Dipartiment ta' l-Artijiet. Jidher li sar xi xogħol mill-individwu privat fejn ittieħdet enforcement action mid-Dipartiment ta' l-Artijiet u anke ġie mġiegħel jerġa jqiegħed l-ħamrija li tneħħiet f'postha.
Għal iktar informazzjoni nitlob lill-Onor interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'wassal għall-għeluq ta' l-uffiċini ta' l-MTA fi New York? Ma setgħux instabu premises b'kirja irħas ħalli jibqa' ikun hemm point of contact mat-tour operators Amerikani?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-għeluq ta' l-uffiċini ta' l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu fi New York ma kienx motivat biss mill-ispiża tal-kera tal-premises iżda mill-ispiża totali tal-preżenza fl-Istati Uniti meta mqabbla ma' l-ammont ta' turisti attirati minn dan is-suq. Minkejja li l-uffiċju ngħalaq, l-Awtorita' xorta waħda għandha marketing plan għas-suq Amerikan illi jippermetti assistenza lit-tour operators Amerikani li joperaw lejn Malta.
Fl-isfond ta' l-istatistika li toħroġ ta' kull xahar fuq it-turisti li jitilqu minn Malta, jista' il-Ministru jinsisti għaliex hemm numru daqshekk kbir, u dejjem jikber ta' "others"? Hemm raġuni għal dan? Jista' jgħid jekk dawn in-nies joqogħdux Malta għal iżjed minn ġurnata jew humiex in transit? L-MTA x'tagħmel għal marketing ta' dawn l-"others"?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li f'2003, l-NSO bidlet il-mod ta' kif tiġbor l-istatistika tat-Turiżmu. Qabel Marzu 2003, l-istatistika kienet ibbażata fuq kemm jiġu turisti Malta (arrivals). Din kienet tinġabar mid-disembarcation cards u kienet tinkludi l-għadd ta' kull turist li jiġi Malta.
Fl-2003, l-istatistika bdiet tinġabar permezz ta' survey (Tourstat) u ibbażata fuq it-turisti li jitilqu minn Malta (departures). Statistika ta l-NSO qed tiġi ppublikata għal dawn il-pajjiżi: Awstrija, Belġju, Danimarka, Franza, Ġermanja, Italja, Olanda, Svezja, Ingilterra, Norveġja, Svizzera, Russja, Libja u l-Amerika filwaqt li l-pajjiżi l-oħra huma inklużi taħt others. (Irreferi għat-tabella mqiegħda fur il Mejda tal-Kamra)
Il-pajjiżi l-oħra (others) jinkludu dawk il-pajjiżi kollha li mhumiex imsemmija fil-lista provduta mill-NSO li tinkludi pajjiżi bħal Spanja, Portugal, Ġappun, Ċina, Greċja, Finlandja, Kroazja u pajjiżi oħra.
Iċ-ċifra ta' others dejjem qed tikber għax l-ammont ta' turisti li jitilqu minn Malta għal dawn il-pajjiżi l-oħra qiegħed jikber.
Id-definizzjoni ta' turist tinkludi dawk in-nies li joqogħdu Malta mill-inqas lejl wieħed.
L-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu tagħmel marketing u promotion f'diversi pajjiżi li jinkludu:
l-Ingilterra u l-Irlanda
il-Ġermanja
l-Ewropa tal-Lvant
l-Awstrija
lis-Svizzera
l-Olanda
il-Belġju u l-Lussemburgu
l-Italja
Spanja
il-Portugal
Franza
ir-Russja, l-Ukranja u l-Istati Baltiċi
l-Iskandinavja
u l-Ġappun.
L-marketing tal-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu jinkludi diversi attivitajiet fosthom:
fieri u eżibizzjonijiet
l-użu ta' l-internet u l-website
press campaigns
roadshows
kampanji ta' reklamar
brochures
hosting ta' ġurnalisti
u oħrajn.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-bord ta' Dar il-Mediterran għall-konferenzi ċaħħad l-użu tal-faċilitajiet biex tittella' wirja/attivita' ta' trasvestiti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Bħala regola, hija l-proċedura tal-Ministeru li ma jindaħalx f’deċiżjoni ta’ natura ordinarja fi ħdan l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu. Ninsab infurmat li din id-deċiżjoni kienet waħda li ħa l-Bord responsabbli mit-tmexxija ta' Dar il-Mediterran skond id-deskrezzjoni tiegħu.
Wara l-inċidenti ta' Portes des Bombes, ma jaħsibx il-Ministru li jkun aħjar li jkun hemm cctv cameras f'postijiet ta' wirt nazzjonali minflok li nduru għal kontravvenzjonijiet tal-parking, ġaladarba l-ħarsien ta' dan il-wirt jiswa iktar flus mill-ftit mijiet li jinġabru mill-multi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li diġa jeżistu diversi tipi ta' sistemi ta' sigurta' f'diversi siti u mużewijiet li għalihom huwa responsabbli l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura. Siti oħrajn huma mgħassa b'riżorsi umani. Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qed jinvesti f'aktar sistemi avvanzati skond il-prijoritajiet u riżorsi li għandu ghad-diżpożizzjoni tiegħu.
Infakkar ukoll lill-Onor interpellant li s-CCTV Cameras mgħammra għal-kontravenzjonijiet tat-traffiku mhumiex la installati u lanqas operati mill-Gvern Ċentrali iżda mill-Kumitati Konġunti li jirapreżentaw il-Kunsilli Lokali.
Nirriferi lill-Ministru għall-comparative return of expenditure report għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar u t-28 ta' Frar 2005 kif ġie ppubblikat fuq il-Gazzetta tal-Gvern. Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni kif fl-2004 l-ispiża tal-ministeru tiegħu għall-istess perjodu kienet Lm460,721 u din is-sena hija Lm1,269,712 għall-istess żmien?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra analiżi komparattiva tal-perijodu msemmi fil-mistoqsija.
Ninforma lill-Onor Interpellant li matul is-sena 2004 il-fondi taħt Contributions to Government Entities kienu amministrati mill-Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura. Dawn il-fondi ġew trasferiti lill-Ministeru tiegħi minn din is-sena.
B'referenza għal m istoqsija parlamentari 10573, jista' il-Ministru jinformani bin-numru ta' karozzi ġodda li nxtraw matul l-2004 u kemm kienet in-nefqa għalihom?
Jista' jagħti wkoll in-numru ta' vetturi li fil-preżent huma proprjeta' tal-ministeru u/jew l-entitajiet konċernati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2004 ma nxtrat l-ebda karozza mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jew mill-entitajiet li jaqgħu taħtu.
Fil-preżent hemm 13-il karozza li huma propjeta' tal-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu.