Legislature:
Category:
Reset
Active:

Smart City – Triq Ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslet il-proposta li jkun hemm triq ġdida li twassal għal Smart City? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk sarux xi esproprjazzjonijiet minħabba din it-triq? Meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda tħares lejn diversi alternattivi li hemm għall-aċċess lejn Smart City. Nikkonferma li kienu saru diversi esproprjazzjonijiet taħt l-amministrazzjoni precedenti.

Baħar iċ-Ċagħaq – Xatt il-Palm – xogħol ta’ tindif u tisbiħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta’ tindif u tisbiħ fuq iż-żona ta’ Xatt il-Palm f’Baħar iċ-Ċagħaq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għad trid tiffinalizza pjanijiet li huma aċċettabbli għall-Awtorita’ tal-Ippjanar għal din iż-żona.

Mosta – kantuniera bejn Triq il-Mitħna u Triq l-Indipendenza – traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru lights neċessarji ħalli jkun hemm traffic management aħjar fil-kantuniera bejn Triq il-Mitħna u Triq l-Indipendenza fil-Mosta?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li dan l-inkroċju bejn Triq l-Indipendenza u Triq il-Mitħna kien qed jieħu volum akbar ta’ traffiku minħabba li kien hemm Triq Pantar magħluqa. Issa, ix-xogħlijiet fi Triq Pantar tlestew u din it-triq reġgħet nfetħet għat-traffku. Għaldaqstant, it-traffiku fl-inkroċju ta’ Triq l-Indipendenza u Triq il-Mitħna għandu jerġa’ jiġi lura għan-normal kif kien oriġinarjament.

Il-Mosta – Triq il-Waqqafa – wiċċ ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huwa responsabbli biex Triq il-Waqqafa ġewwa l-Mosta tingħata wiċċ ġdid?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-obbligu tal-Gvern Ċentrali permezz ta’ Transport Malta hu li jasfalta għall-ewwel darba toroq residenzjali ladarba jkunu ffurmati mill-iżviluppaturi jew residenti, skont l-obbligi tagħhom u skont il-prioritajiet nazzjonali, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akkwist.

Buġibba – Direzzjoni lejn San Pawl il-Baħar – traffic lights

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25628, billi qed jingħad li fl-inħawi msemmija 'm’għandu l-ebda parti minnu kkontrollat bis-sinjaletika elettronika', billi din is-sinjaletika nqalgħet waqt ix-xogħol li kien qed isir fil-Coast Road, jista’ jiġi assigurat li l-istess sinjaletika fil-fatt terġa' titwaħħal, għaliex il-perikli li nħolqu bit-tneħħija tas-sinjaletika msemmija huma kbar ħafna?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-parti tal-inkroċju, li għalih qed qed jirreferi l-Onor. Interpellant huwa bejn Triq il-Korp tal-Pijunieri k/m Triq il-Wileġ. Dan l-inkroċju m’għandu l-ebda parti minnu ikkonrollata bis-senjaletika elettronika tat-traffiku u għalhekk ma jagħmilx parti minn l-ebda sistema elettronika. Il-movimenti tat-traffiku f’dan l-inkroċju huma kkontrollati bis-senjaletika ta’ STOP li għandhom jiġu osservati. Il-parti fejn hemm senjaletika elettronika tat-traffiku tinsab f’inkroċju ieħor li jinsab fi triq oħra, jiġifieri fi Vjal Kennedy k/m Triq Korp tal-Pijunieri.

San Pawl il-Baħar – mollijiet

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex partijiet mill-mollijiet li jinsabu fi stat ħażin, kemm fin-naħa ta' Kennedy Grove/Qawra, kif ukoll fin-naħa tas-Salina, limiti ta' San Pawl il-Baħar u n-Naxxar rispettivament jiġu rranġati, u dan qabel ma l-mollijiet ikomplu jitkissru u joħolqu iktar perikli għal dawk li jiffrekwentawhom, jew jużaw dawn l-istess mollijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema mollijiet qed jirreferi.

Qawra u San Pawl il-Baħar – bins max-xtut

Question

Billi jidher li f'numru ta' nħawi kemm fil-Qawra kif ukoll f'San Pawl il-Baħar, fejn hemm il-postijiet ta' bins max-xtut, u fejn kienu jitqiegħdu fis-snin imgħoddija, din is-sena għadhom ma tqiegħdux posthom, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fil-fatt jitqiegħdu? Jista' jieħu wkoll il-passi biex sellum li kien jitqiegħed fuq il-blat, viċin tal-Buġibba Boċċi Club, din is-sena jerġa' jitwaħħal ukoll?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-kontenituri kollha tal-iskart jinsabu mqassma fuq il-bajjiet. Is-sellum imsemmi, twaħħal il-ġimgħa l-oħra.

Reserved parking – persuni li jiġu notifikati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jiġu nnotifikati dawk il-persuni li jagħmlu talba biex ikollhom reserved parking, u t-talba tagħhom tiġi approvata? Min jieħu l-passi biex tali reserved parking tiġi mpinġija fuq il-post? Meta jkun hemm deċiżjoni li reserved parking partikulari, tkun ser titneħħa, wara l-mewt ta' min ikun talabha, jista' jagħti tagħrif dwar min jintalab li jneħħi tali reserved parking, u kif jiġi nnotifikat? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kampjun (sample) ta' dawn l-ittri li bihom issir in-notifika, fiż-żewġ każi rispettivi?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmt li dawk il-persuni, li t-talba tagħhom għal parkeġġ riservat tiġi approvata, jiġu nfurmati b’dan permezz ta’ ittra maħruġa minn Transport Malta. Il-parkeġġi riservati għal persuni b’diżabbilta’ li jiġu approvati jiġu mplimentati mill-Awtorita’. Meta tkun ser titneħħa kaxxa riservata għal persuni b’diżabbilta’, il-familja tal-persuna tiġi notifikata permezz ta’ ittra. Tali kaxxa titneħħa mill-kunsill lokali rispettiv. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopji tal-ittri mitluba.

Zebra Crossings – sewwieqa mmultati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul l-2015, kemm-il sewwieq ġie mmultat talli baqa’ jsuq meta persuna tkun qed taqsam fuq zebra crossing?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – Port tal-Mġarr – irmiġġi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-irmiġġi l-ġodda li ngħataw mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm ingħataw irmiġġi lil dgħajjes MFA, MFB u MFC fil-port tal-Imġarr f' Għawdex? Xi proċedura ntużat biex ingħataw dawn l-irmiġġi l-ġodda fil-port tal-Imġarr f’Għawdex? Min hu l-persuna responsabbli illi ħareġ dawn l-irmiġġi l-ġodda u min iddeċieda lil min jingħataw dawn l-irmiġġi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ngħataw 6 irmiġġi ġodda lil dgħajjes MFA, MFB, MFC, MFD wara li saret organizazzjoni ta’ rmiġġi. Dawn l-irmiġġi ngħataw lil dgħajjes li kienu fuq il-waiting list tal-Awtorita’ mill-uffiċju tal-Imġarr Għawdex, u skont id-daqs tad-dgħajsa u l-ispazju applikabbli li ġie kkreat.

Xlendi Għawdex — boatyard

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li qed jintramaw is-siġġijiet u l-imwejjed flimkien ma’ struttura fissa ġol-boatyard li hemm fix-Xlendi f'Għawdex u dawn qed jieħdu spazju li suppost jintuża mis-sajjieda tax-Xlendi? Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta ħarġitx xi permessi biex jintramaw siġġijiet u mwejjed ġo din il-boatyard tal-gvern? Jekk fl-affermattiv, min ħareġ dawn il-permessi?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Xlendi Għawdex — boatyard

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min jieħu preċedenza fil-boatyard li hemm ix-Xlendi f'Għawdex, jekk hux is-siġġijiet u l-imwejjed jew inkella l-opri tal-baħar tas-sajjieda?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Xlendi Għawdex — boatyard

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra illi l-boatyard li hemm ix-Xlendi f'Għawdex titnaddaf u konsegwentament issir żebgħa mal-art f’forma ta' kaxxi fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jpoġġu d-dgħajjes fihom b'mod organizzat? Ma jaħsibx il-Ministru illi tali azzjoni toħloq aktar spazju għad-dgħajjes tas-sajjieda?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Il-Mosta – tal-Blata l-Għolja – tabelli u linji sofor u bojod

Question

Jista’ l-Ministru jieħu ħsieb li jsiru t-tabelli u l-linji sofor u bojod fil-Housing Estate tal-Blata l-Għolja fil-Mosta u dan wara li l-Gvern Laburista għamel manutenzjoni u asfaltar fit-toroq kollha ta’ din il-Housing Estate wara snin sħaħ ta’ telqa u abbandun mill-gvernijiet preċedenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ix-xogħlijiet qegħdin jiġu ndirizzati.

Rapporti dwar il-mina bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni dwar meta hu mistenni li 'jkun il-ħin opportun', kif indikat f'risposti parlamentari preċedenti, għal dak li jirrigwarda l-pubblikazzjoni tar-rapporti dwar il-mina bejn Malta u Għawdex, u meta hu mistenni li l-istess rapporti jiġu ppubblikati? X'qed iżomm li dawn ir-rapporti fil-fatt jiġu ppubblikati, meta wieħed iqis li hawn diskussjoni pubblika dwarhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġibiet li ngħataw s’issa fuq dan is-suġġett.

San Pawl il-Baħar – xogħlijiet fit-toroq

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24759, billi fir-risposta jingħad li 'fil-laqgħa li għaliha qed jagħmel referenza, xogħlijiet infrastrutturali fuq toroq ma kenux inklużi fl-aġenda', jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta ġew diskussi dawn it-tip ta' xogħlijiet li jikkonċernaw l-infrastruttura? Meta hu mistenni li jerġgħu jiġu diskussi l-istess suġġetti, u meta hu mistenni li fil-fatt jinbeda x-xogħol fuq dawn ix-xogħlijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mar-risposti diġa mogħtija.

Kunsilli lokali — xogħlijiet

Question

B'referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 25505, 25506 u 25507, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mix-xogħlijiet indikati li saru fil-lokalitajiet indikati huma xogħlijiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tal-Kunsilli Lokali?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skema PPP – xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25556, dwar il-Public-Private Partnerships (PPP) għal dak li jikkonċerna l-kostruzzjoni tat-toroq, billi l-Ministru għall-Finanzi talabni nindirizza d-domanda lill-Ministru kkonċernat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Public Private Partnerships m’humiex responsabbilta’ tal-Ministeru tiegħi jew ta’ Transport Malta.

Transport Malta – San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar – garaxxijiet ta’ kiri ta’ karozzi

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25497, jista' l-Ministru jagħti l-istess tagħrif mitlub, din id-darba għal dak li jikkonċerna l-lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tan-numru ta’ garaxxijiet li jagħtu servizz ta’ kiri ta’ karozzi ta’ kull tip, kif ukoll liċenzjati biex jikru l-karozzi, skont il-lokalita’qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għal dak li jirrigwarda n-numru ta’ vetturi liċenzjati għal kiri, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li ngħatat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 25497 kienet għal-lokalitajiet kollha.