Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel tlett (3) xhur ta' din is-sena kemm saru sejħiet interni għal xi promozzjonijiet?
Għal liema karigi?
Kemm kien hemm applikanti f'kull każ?
Liema kariga intliet?
Min ġie appuntat f'kull każ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li matul l-ewwel tlitt xhur ta' din is-sena ma saret ebda sejħa interna għal xi promozzjoni fid-dipartimenti li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jara li jiġi rranġat id-dawl li hemm fuq Polverista Gate Bormla, peress li hu antik ħafna u l-brackets qed jinqalgħu mill-ħajt l-wires huma mikxufin?
Jistax jara ukoll li jinbidlu l-bozoz?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jara li tinbidel il-bożża li hemm quddiem 27, Blokk 2 fuq San Pawl, Bormla
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jirrispondi PQ 32492 u cioe, jista' jgħid għaliex l-applikazzjoni għall-early retirement scheme tal-persuna li hi d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separament ) ġiet rifjutata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li kuntrarjament għal dak li qed jingħad fil-mistoqsija, l-applikazzjoni tal-persuna in kwistjoni fil-fatt ġiet milqugħa. Madankollu, bi qbil mal-Management, din il-persuna tkun tista' tirtira wara li tkun tat hand over xieraq.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-ħmistax il-firemen li fil-preżent qegħdin mal-MIA fil-heliport ta' Għawdex?
Dawna il-ħmistax il-persuna sejjrin jibgħu mal-MIA jew mal-protezzjoni ċivili?
Il-kondizzjonijiet bix-xogħol tagħhom sejjrin jibqgħu l-istess, jew le?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-kwistjoni tas-sittax-il firemen, u mhux ħmistax kif intqal fil-mistoqsija, li hemm fil-heliport ta' Għawdex qed tiġi diskussa ma' l-entitajiet konċernati. Huwa ttamata li fil-futur qarib dawn id-diskussjonijiet jwasslu għal riżultati konkreti.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 32079 fejn intqal li skond ir-records ta' l-Enemalta, ma tirriżulta ebda relazzjoni ma' l-ammont imsemmi, jista' l-Ministru ġentilment jinvestiga dan il-każ mill-ġdid, b'riferenza għall-ittra lill-familja indikata under separate cover mibgħuta mill-Enemalta datata 13.02.02 Ref: 480/91472 fejn jingħad li hemm ammont dovut ta' Lm145.92 fuq il-fond ukoll indikat under separate cover kif ukoll fejn qed jiġu mhedda b'sospensjoni tas-servizz?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn investigazzjonijiet li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma jidher li l-konsumatur imsemmi sikwit ikollu kontijiet b'lura.
L-ammont ta' Lm145.92 dovut, huwa fil-fatt kirjiet u konsum sal-qari finali ta' l-arloġġ tad-dawl u ta' l-ilma li sar fil-25 ta' Settembru 1995, id-data li fiha tneħħew il-meters tal-post li l-konsumatur kien jokkupa qabel fil-Qasam tad-Djar tal-Gvern f'Tigne'.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li diversi residenti fil-Baħrija bħal dawk ta' Triq il-Marga u ta' Triq Tumas Xerri qed ikollhom vultaġġ baxx f'xi ħinijiet tal-jum tanti illi lanqas jinxtel tubu tad-dawl u TV? Jista' jara li jitranġa dan l-inkonvenjent? Jista' jikkunsidra li matul din is-sena tissaħaħ aktar is-substation tad-dawl tal-Baħrija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li x-xogħol meħtieġ biex tissaħħaħ il-provvista ta' l-elettriku fl-inħawi msemmija għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet simili oħra.
Peress li l-ex-ħaddiema tal-(ATCC) Air Traffic Control Corps saru parti mill-MIA, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn (f'ħafna każi wara għexierien ta' snin servizz) humiex intitolati għal-titjib li kien hemm fil-pagi wara r-re-organizzazjoni li saret ftit ilu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-ex-ħaddiema ta' l-Air Traffic Control Corps mhux talli kienu ntitolati iżda fil-fatt ħadu t-titjib li kien dovut lilhom skond ir-riorganizazzjoni fis-Servizz Pubbliku li saret b'effett mill-1 ta' Jannar 2001.
B'referenza għal Triq il-Gistakor Ħal Għaxaq, jista' l-Ministru jara li tintlaqa' l-applikazzjoni tar-residenti, li ilha pendenti ma' l-Enemalta għal aktar minn sentejn sabiex isiru bozoz fit-triq tagħhom li għadha bla wiċċ, mhix imniffda, u mudlama?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba biex ikun hemm dawl adekwat fit-triq imsemmi qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili.
B'referenza għall-ħażna massiċċa ta' enerġija f'Birżebuġia bħalma huma gas, petrol, diesel u pitrolju, fost oħrajn, jista l-Ministru:
a) jikkonferma illi din il-ħażna hija tant kbira li f'każ ta' emerġenza din tista' tkun potenti biżżejjed biex teqred B'Buġia?
b) jgħid x'miżuri qegħdin jittieħdu sabiex tali eventwalita tiġi evitata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li t-Taqsima tal-Petroleum tal-Korporazzjoni Enemalta qed tkompli tagħti l-attenzjoni kollha fuq il-manutenzjoni tat-tankijiet u kull apparat li għandha. It-taqsima tal-Gass qed tagħmel dak kollu possibbli fejn tidħol sigurta' ta' dan l-impjant. Madanakollu, peress li l-abitant resaq viċin wisq ta' l-impjant, dan, fi żmien qasir, ser jiġi trasferit għal post aktar adattat.
Jista' l-Ministru jirrispondi PQ 32403 u cioe, jista' jgħid kif il-kumpanija Kalaxlokk għażlet lill-periti imsemmija?
X'inhi r-rata ta' ħlas ta' dawn il-periti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-periti ġew magħżula direttament mill-Management tal-Kumpanija.
Il-Periti Miċallef Grimaud u Zammit jitħallsu bir-rata ta' tnejn fil-mija tal-proġett li jkunu qed jieħdu ħsieb u l-Periti Mifsud u Greċh jitħallsu bir-rata fissa ta' Lm4.60 fis-siegħa, inkluża l-V.A.T.
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija nru. 32402, jista' l-Ministru jgħid liema distretti ġew rilokati f'liema postijiet mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li d-Distrett numru 1 li kien allokat il-Bombi (Floriana) ġie rilokat f'San Ġwann fil-bini li jinsab fih id-Distrett numru 3. Il-maħżen ta' Distrett numru 4 ġie rilokat fil-bini li jinsab fih id-Distrett numru 2 fl-Imrieħel.
Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 32178 u coie, peress li l-ex-ħaddiema tal-ATCC ġarrew magħhom il-kundizzjonijiet kollha meta saru parti mill-MIA, jista' jispjega għaliex uħud minnhom tilfu d-dritt li jieħdu ż-żidiet marbuta mar-re-organizzajoni tal-pagi taċ-ċivil?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li kuntrarjament għal dak li qed jingħad fil-mistoqsija, ħadd mill-ex ħaddiema ta' l-A.T.C.C. ma tilef id-dritt li jieħu ż-żidied marbuta mar-riorganizzazzjoni tal-pagi tas-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex għadha ma ġietx regolarizzata l-pozizzjoni ta' dawk il-ħaddiema ta ex-Posta Limited li għażlu li jirritornaw lura biex jibqgħu jaħdmu fis-settur pubbliku flok mal-kumpanija Posta Ltd? Jaf li minkejja li ħafna minn dawn il-ħaddiema rritornaw lura fis-servizz pubbliku fl-1995 għadhom ikkunsidrati bħala postal grades?
Jaf li dawn il-ħaddiema huma stajnati fil-grad tagħhom u ma jistgħux jieħdu promozzjonijiet? Jaf li ċerti ħaddiema minn dawk li għażlu li jmorru lura fis-servizz pubbliku spiċċaw minn mal-Gvern b'pensjoni daqs ta' sħabhom li spiċċaw bl-istess grad minn mal-Posta Ltd? Meta ser jiġu finalizzati t-taħdidiet li qed isiru bejn l-Unions u l-Gvern? Jista' jgħid kif dawn il-ħaddiema ser jiġu integrati fis-Servizz Pubbliku f'liema skala ta' salarju, grad u meta ser isir dan?
Jista' jgħid jekk il-ħaddiema li diġa spiċċaw bil-pensjoni humiex se jiġu inkorporati f'dan il-ftehim biex bżhekk tiġi korretta d-diskriminazzjoni li teżisti bejn ħaddiema li ritiraw minn ma' l-ex-Posta Ltd u dawk li ritiraw mis-settur pubbliku?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li dawk il-ħaddiema li għażlu li jmorru lura mal-Gvern ma baqgħux taħt ir-responsabbilta' tal-Maltapost, il-kumpanija mhix involuta f'taħdidiet biex tiġi regolarizzata il-pożizzjoni ta' dawn il-ħaddiema.
Jista' l-Ministru jgħid il-kumpanija Airmalta kemm u lil min tat sponsorships minn Jannar 2002 sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minħabba ċirkustanzi li nqalgħu wara l-11 ta' Settembru li għadda, l-Air Malta ma tat l-ebda sponsorship fi flus matul il-perjodu bejn Jannar u Marzu ta' din is-sena.
Madanakollu, il-linja nazzjonali ta' l-ajru għamlet arranġamenti ma' xi għaqdiet filantropiċi, sportivi, kulturali u oħrajn għal prezzijiet speċjali meta dawn l-attivitajiet kienu jinvolvu parteċipazzjoni barranija.
Ma nħossx li jkun prudenti li nagħti aktar dettalji.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja ta' l-aħħar pjanta li turi l-iżvilupp tal-Crafts Village f'Ta' Qali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li għadhom kif intemmu d-diskussjonijiet ma' l-inkwilini ta' Ta' Qali fejn kienu identifikati s-siti ġodda li dawn l-inkwilini ser ikollhom il-binja tagħhom.
F'dan l-istadju ser jibda x-xogħol li jwassal biex issir il-pjanta tal-villaġġ. Hekk kif ix-xogħol jitlesta, il-pjanta tintbagħat lill-inkwilini u lil dawk interessati.
Ta' min jgħid li fil-proċess ta' konsultazzjoni, kull inkwilin ingħata l-opportunita' li jesprimi fehemtu dwar l-iżvilupp ta' dan il-proġett.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji ħalli problema ta' nuqqas ta' dawl fi Triq il-Qalb Imqaddsa kantuniera ma' Triq is-Santwarju ġewwa Ħaż-Żabbar, tiġi salvata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-talba biex jiżdied id-dawl fit-triq imsemmija qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili.
Peress li skond tweġiba parlamentari li ingħatat lili sabiex jitwassal is-servizz tad-dawl (sal-lum temporanju) fi Plot 1 Triq Nejder Kirkop, dan is-servizz kellu jingħata l-attenzjoni, jistax il-ministru jara li r-residenti ta' din l-area jitwaslilhom is-servizz ta' l-elettriku normali sabiex ma jibqgħux ibatu konsegwenzi li ċerti appliances ma jaħdmux?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ix-xogħol meħtieġ biex jitjieb il-livell ta' servizz għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-uffiċjal mediku li qed jaħdem fit-Tarzna ta'
Bormla se jingħata somma flus bħala parti mill-istrutturar, biex imbagħad 'il quddiem
ikollu wkoll il-possibilta' li jerġa' japplika?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li sal-21 ta' Marzu li għadda l-uffiċjal mediku li jaħdem fit-Tarzna ma applika għall-ebda skema ta' irtirar kmieni mix-xogħol.
Tajjeb jingħad li kull min japplika taħt kwalunkwe skema u jingħata somma ta' flus bħala parti mir-ristrutturar ma jkollu l-ebda dritt jew possibilta' li jerġa' japplika biex jidħol lura fit-Tarzna.