Jista' il-Ministru jgħid x'sar minn package 2 tat-tender Integrated solid waste management project?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Package 2A ta' l-offerta Integrated Solid Waste Management Project ġie maqsum fi tnejn biex issir distinzjoni bejn dawk il-proġetti li ser jiġu finanzjati mill-Unjoni Ewropea u l-oħrajn li ser isiru minn fondi pubbliċi.
Il-proġetti li mhux ser jiġu finanzjati mill-Unjoni Ewropea jinkludu l-operat ta' l-Engineered Landfills u t-Transfer Station, kif ukoll il-ħażna u l-immaniġġjar ta' l-iskart perikoluż. Offerti mill-konsorzju li ġew short-listed għal dawn il-proġetti qegħdin jiġu evalwati.
Sadanittant, inbena l-proċess biex jiġu preparati d-dokumenti meħtieġa għall-iżvilupp tal-proġetti li huma eliġibli għall-fondi mill-Unjoni Ewropea.
Jista' il-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' l-impjegat - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - biex jiġi trasferit u mibdul ma' impjegat ieħor - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu wkoll separatament - tad-dipartiment tal-public works?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 2296 tat-22/10/903 li t-tweġiba rreferiet il-mistoqsija lill-ministru konċernat u li tgħid:
"Jista' il-Ministru jgħid għaliex Wied is-Sewda f'Ħal Qormi ilu s-snin ma jitnaddaf?"
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li nterventi ta' tindif tal-widien jeħtieġ li jsiru b'mod ippjanat għaliex daqs kemm jista' jir ġid tista' wkoll issir ħsara, inkluż ħsara ambjentali.
Kif diġa' ħabbart, il-Marine Section fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet qed tiġi riorganiżżata biex tassumi wkoll ir-responsabbilta' ta' l-immaniġġjar ta' l-ilma tax-xita, inkluż l-ilma tax-xita li jgħaddi mil-widien. Wied is-Sewda f'Ħal Qormi huwa wieħed minnhom. Ix-xogħol huwa mistenni li jsir fil-futur immedjat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2297 tat-22/10/03 li t-tweġiba rriferiet il-mistoqsija lill-ministru konċernat u li tgħid:
"Jista' il-Minsitru jgħid meta se jitnaddaf il-Wied il-Kbir f'Ħal qormi mill-ġebel u t-terrapien li waqa' fih fil-maltemp tal-15/09/03? Jista' il-Ministru jinnota li f'partijiet sostanzjali minnu huwa mimli b'mod li jasal sal-livell tat-triq u li dan huwa ta' riskju kbir f'każ ta' maltemp li jista' jikkawża għargħar akbar minn dak li diġa' intlaqtu bih in-nies li joqogħdu f'areas ta' Wied iċ-Ċawsli, De La Cruz Avenue u l-madwar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għalkemm xi postijiet f'Wied il-Kbir imtlew bil-materjal, it-taħmil jista' joħloq problemi ta' għargħar aktar l-isfel fil-wied. Għalhekk l-intervent li huwa meħtieġ li jsir f'dan il-Wied, ma jistax jitqies bħala tindif ordinarju. Fil-fatt, ix-xogħol fuq dan il-wied ser isir ful-futur qarib skond pjan li qed jitħejja u li mistenni jkun finaliżżat fi żmien qasir.
Sadanittant qiegħed isir tindif ordinarju b'mod speċjali f'tarf il-widien sabiex l-ilma tax-xita jkun jista' jibqa sejjer ġol-baħar.
Jaf il-Ministru li l-pumping station ta' l-ilma f'Wied is-Sewda qed terġa' twaddab ilma barra fil-wied bil-konsegwenza li fi Triq il-Wied u fi Triq il-Blata Ħal Qormi l-ilma jibqa' għaddej għal ġranet sħaħ? Għaliex? X'qed jagħmel jew x'se jagħmel il-gvern biex dan l-inkonvenjent jieqaf?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura — Ħaddiema bil-kuntratt
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġiferi fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li fid-Dipartimenti u Entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru tar-Riżorsi u l-Infrastruttura hemm 7 ħaddiema bil-kuntratt, li huma:-
1. Information Management Officer, responsabbli għat-twettiq u l-ippjanar tal-programmi ta' l-Informatika.
Dan qiegħed fuq kuntratt ta' tlett snin u ġie magħżul wara sejħa pubblika;
2. Konsulent tal-Ministeru mal-Oil Pollution Response Module li jwettaq ħidma kontra t-tniġġiż miż-żejt.
Dan qiegħed fuq kuntratt ta' tlett snin u ġie ngaġġat bl-approvazzjoni ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru;
3. Koordinatur fuq il-Proġetti ta' Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta, l-Imdina u l-Kottonera. Dan qiegħed fuq
kuntratt ta' sena u ġie ngaġġat bl-approvazzjoni ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru;
4. Manager fil-qasam ta' l-Immaniġġjar ta' l-Iskart. Dan qiegħed fuq kuntratt ta' sena u ġie
ngaġġat bl-approvazzjoni ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru;
5. Chairman mal-Building Industry Consultative Council. Dan qiegħed fuq kuntratt ta' tlett snin u
ġie ngaġġat bl-approvazzjoni ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru;
6. Communications Executive mal-WasteServ Malta Ltd. fuq xogħol ta' pubbliċita' u relazzjonijiet pubbliċi.
Din qiegħda fuq kuntratt ta' sena u ġiet magħżula wara sejħa pubblika;
7. EU Funds Manager biex jimmaniġġja l-flus li ġejjin minn l-Unjoni Ewropea. Dan qiegħed fuq kuntratt ta'
tlett snin u ġie magħżul wara sejħa pubblika.
L-ebda wieħed minn dawn il-ħaddiema ma qabeż l-eta' ta' l-irtirar.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kumitat għar-riabilitazzjoni tal-Kottonera? Jista' jgħid jekk għandhomx xi remunerazzjoni jew benefiċċji oħra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera huma dawn:-
Perit Chris Spiteri Chairman
Mr Joseph Scerri Membru
Mr John Boxall Membru
Mr Joseph Casha Membru
Mrs Charmain Gerada Membru
Mr Lorenzo Zahra Membru
Mr Michael Zarb Membru
Mr Maurice V. Debono Membru
Mr Mark Lombardo Membru
Mr Joe Carbonaro Membru
Mr Lawrence Farrugia Membru
Mr James Cauchi Membru
Mr Mario Farrugia Membru
Mr Charles Bonello Membru
Dr Ray Bondin Segretarju
Iċ-Chairman ta' dan il-Kumitat biss jieħu remunerazzjoni ta' Lm1000 fis-sena.
Jista' il-Ministru jara li jsir upgrading tal-mini ta' Għajn Dwieli, id-daħla ewlenija għall-Kottonera? Ma jidhirlux il-Ministru li dawn il-mini jinsabu fi stat miskin u allura ma jagħtux impressjoni tajba għal min ikun dieħel fil-Kottonera għall-ewwel darba?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ser ngħaddi s-suġġeriment tiegħu lill-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera għall-konsiderazzjoni tagħhom skond il-prijoritajiet li għandhom għal dawk l-inħawi.
Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura — Konsulenti/kumpanniji ta' konsulenza
Question
Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel jew jagħmel użu minnhom mit-13 ta' April, 2003 sal-lum? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
San Ġiljan — St. George's Park - aċċess għar-residenti
Question
Peress li fil-ġurnali ġie rrapportat li meta dan l-aħħar il-Ministru mar jara x-xogħol li qed isir Paceville, huwa qal li din l-area se ssir pedestrian zone u li minn Triq Dragonara se jitħallew jgħaddu biss dawk il-coaches li jwasslu t-turisti għall-hotels f'din l-area; u peress li ma ssemma xejn dwar ir-residenti ta' St. George's Park u kif dawn ikunu jistgħu jidħlu u joħorġu minn darhom meta l-uniku dħul u ħruġ li dawn għandhom huwa minn Triq Dragonara, jista' il-Ministru jgħid kif se jiġi żgurat li r-residenti se jkunu jistgħu joħorġu u jidħlu minn dawn l-inħawi bil-karozzi tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjazza ta' Paceville u partijiet minn Triq San Ġorġ, parti minn Triq Wilġa, parti minn Triq Dragonara u parti minn Triq Ball ser isiru semi-pedestrianised areas. Dan ifisser li dawn it-toroq fi ġranet u ħinijiet partikulari ser jingħalqu għat-traffiku bl-eċċezzjoni ta' coaches li jwasslu t-turisti fil-kumpless ta' St George's Park u lukandi fl-inħawi. Din l-eċċezzjoni qiegħda ssir għaliex dawn il-coaches m'għandhom l-ebda aċċess ieħor biex jaslu quddiem l-imsemmija kumplessi turistiċi.
Il-parti ta' Triq Dragonara, mill-kantuniera tal-Bamboo Bar sad-dħul ta' St George's Park, ser issir two way b'mod li l-aċċess tal-vetturi għal dawk kollha li għandhom bżonn aċċess għal St George's Park ikollhom id-dħul u l-ħruġ tagħhom garantit erbgħa u għoxrin siegħa kulljum. Fil-ġranet u ħinijiet meta l-pjazza tkun miftuħa, dawn ir-residenti ser ikollhom ukoll l-aċċess bil-vetturi kif inhu bħalissa minn naħa tal-pjazza.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-pjan tal-gvern ta' aktar minn tmien snin, rigward il-proġett ta' Pjazza Sta. Margerita f'Bormla? X'qed iżomm lill-gvern li dan il-proġett jinbeda?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta' din in-natura jiġu nklużi fi programm ta' riabilitazzjoni skond il-prijoritajiet.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnu l-proġett li suppost sar fi pjazza P. Vassallo, f'Bormla? Jekk il-kumitat għar-riabilitazzjoni tal-Kottonera għad għandu l-ħsieb li jsir, jista' jgħid meta se jinbeda dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta' din in-natura jiġu nklużi fi programm ta' riabilitazzjoni skond il-prijoritajiet
Wara li ġie rrapportat li se jsir studju dwar l-ilma tax-xita u li dan l-aħħar ikkawża għargħar kbar f'Ħal Qormi, jista' l-Ministru jgħid jekk l-istudju li kien intqal li sar mill-Ministru Censu Galea fil-leġislatura l-oħra hux se jingħata konsiderazzjoni? Jista' l-Ministru jqiegħed dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra (mhux pjanta biss, iżda l-istudju kollu)? Kemm huwa ppjanat li se jdum l-istudju li ssemma dan l-aħħar biex isir? X'passi se jiehu l-Gvern fl-immedjat biex il-widien f'Ħal Qormi jkunu jistgħu jilqgħu l-ilmijiet tax-xita mingħajr problemi li jikkawżaw ħsarat kbar u riskji enormi għal ħajjet in-nies?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għal dawk li huma passi mmedjati, diversi Dipartimenti fi ħdan il-Ministeru diġa' għamlu ħafna xogħol u għadhom għaddejjin b'diversi xogħlijiet biex jissewwew il-ħsarat li ġew ikkaġunati mill-għargħar tal-15 ta' Settembru li għadda. Reġgħu nbnew diversi ħitan li waqgħu u sar ħafna xogħol ta' tindif kemm ta' widien, inkluż dak ta' Ħal Qormi li tnaddaf mill-ingombru u materjal ieħor li nġabar fih, kif ukoll f'diversi nħawi ta' Malta.
Biex jiġi evitat kemm jista' jkun li jkollna ħsarat kif rajna dan l-aħħar, kull darba li jkollna għargħar bħal dawk ta' Settembru li għadda, hemm bżonn li wieħed jara x' inhuma x-xogħlijiet infrastrutturali li jeħtieġ li jsiru fuq perjodu ta' tul kif ukoll il-ħidma li trid issir matul is-sena kollha fuq bażi regolari, f'dawk l-inħawi li jgħaddi ħafna ilma minnhom, l-aktar il-widien. Għal dan il-għan, il-Marine Section fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet qed tiġi riorganiżżata biex tassumi wkoll ir-responsabbilta' tal-immaniġġar ta' l-ilma tax-xita. L-ewwel inkarigu huwa li jsir programm ta' xogħlijiet li jridu jitwettqu fit-tlett xhur li ġejjien. Fl-istess ħin, din it-Taqsima qed tħejji rapport dwar dawk it-xogħlijiet li jridu jsiru fil-futur. Diġa' sar eżerċizzju li fih ġew identifikati dawk l-inħawi li ġarrbu ħsarat f'Settembru li għadda. Issa jrid jiġi ppjanat x'inhuma x-xogħlijiet meħtieġa biex ċerti problemi li ġew identifikati u li jeħtieġu xogħlijiet fit-tul, jiġu ndirizzati.
Rigward ir-rapport imsemmi mill-Onor. Membru nitlobha tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jinfurmani kemm se jiġi jiswa b'kollox, il-proġett ta' Paceville, u meta se jkun komplut? Jista' jinfurmani jekk ir-residenti humiex infurmati b'dan?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta' tisbiħ f'Paceville huwa stmat li ser jiswa madwar Miljun Liri Maltin. Il-proġett hu mqassam fi tlett fażijiet u mistenni li jitlesta' sa l-aħħar ta' Ġunju 2004.
F'Marzu li għadda kienet saret laqgħa ta' konsultazzjoni pubblika dwar dan il-proġett u għaliha kienu mistiedna li jattendu r-resitdenti ta' Paceville.
Fil-jiem li ġejjien ser issir laqgħa oħra biex jiġi spjegat il-progress tax-xogħlijiet.
Possibbli jittieħdu passi biex titnaddaf u tigi żbarazzata trejqa li hemm ħdejn l-impjant tar-riċiklagg f'Wied il-Għajn (eżattament ħdejn il-bypass) għaliex din it-trejqa hemm karrijiet ta' dgħajjes mingħajr roti kif ukoll żjut u ħmieg ieħor?
Billi l-imbarazz f'dan il-post qed jiżdied tant li ftit żmien ilu xi ħadd ta' n-nar lil dan l-imbarazz u minħabba l-fatt li qed issir ħsara f'għelieqi tan-nies possibbli jittieħdu passi biex dan il-post ma jibqax jintuża bħala dumping site?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbilta' li jsir it-tindif u l-ġbir ta' l-iskart fiż-żona msemmija hija tal-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn.
F'każ illi l-gvern jiddeċiedi li jwettaq il-pjan tiegħu li joħloq żewġ engineered landfills fis-siti identifikati qrib it-tempji ta' l-Imnajdra, jista' il-Ministru jgħid min huma l-proprjetarji ossia l-persuni, ditti jew kumpanniji li jmexxu l-barrieri u li magħhom il-gvern ikun qiegħed jinnegozja?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jinformani jekk hux qed isir użu mir-reservoirs ta' l-ilma bħal dawk li hemm madwar l-airport jew li hemm bejn il-Gudja u Santa Luċija (fit-Triq tal-Barrani)?
Jista' jgħid kif l-ilma jinġabar ġo dawn ir-reservoirs ladarba m'hemmx kanali biżżejjed li jwasslu l-ilma għalihom u l-ftit kanali li hemm huma misdudin? Dawn ir-reservoirs qed iservu biex l-ilma jmur ġol-water table?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid fejn qed jintrema l-iskart domestiku u industrijali bħalissa? X'passi qed jittieħdu biex ma jieħux in-nar meta jintefa' l-Magħtab?
Response (ZAMMIT, NINU)
Bħalissa f'Malta hawn żewġ siti fejn jista` jintrema skart domestiku. Dawn huma l-miżbla tal-Magħtab u l-impjant ta' Sant Antnin. F'Għawdex l-iskart domestiku jintrema fis-sit tal-Qortin. Skart mill-industrija li ma jiġix klassifikat bħala perikoluż jista` jintrema l-Magħtab u l-Qortin. Qed isiru arranġamenti speċjali sabiex skart perikoluż mill-industrija ma jintremiex f'dawn is-siti.
Biex l-iskart kemm domestiku kif ukoll industrijali ma jieħux in-nar meta jintrema il-Magħtab u l-Qortin, dan jiġi mirdum minnufih b'materjal inert li hemm maħżun fuq dawn is-siti.