Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – ħaddiema li rtiraw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irtiraw nies minn kull dipartiment u entità li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u t-30 ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid kemm ġew impjegati nies ma’ kull entità u dipartiment li jifformaw parti mill-Ministeru fl-istess perjodu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li wara li ġiet ivverifikata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-informazzjoni miġbura, li hija b’żieda mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12701, ninsab infurmat li mit-2 ta’ Ottubru 2014 sat-30 ta’ Settembru 2015, kien hemm 73 impjegati li spiċċaw l-impieġ, 34 li kienu direttament taħt ir-responsabbiltà tiegħi u 39 li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tas-Segretarju Parlamentari. In-numru ta’ okkażżjonijiet fejn ġew impjegati ħaddiema direttament taħti fl-istess perjodu li spiċċaw dawn l-impjegati jammonta għal 28 li fosthom hemm numru b'kuntratt definit u mhux b’impieg permanenti. Filwaqt li n-numri korrispondenti fejn ħaddiema ġodda li jaqgħu direttament taħt ir-responsabbiltà tas-Segretarjat Parlamentari hu ta’ 74, li fosthom hemm numru b'kuntratt definit u mhux impieg permanenti.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima – impjegati mill-1998 sa 2013

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bejn Settembru 1998 u Marzu 2013 kemm kien hemm persuni li f’xi żmien qabel ma ġew ingaġġati fis-Segretarjat Privat tal-Ministru ta’ dak iż-żmien, fl-uffiċini tas-Segretarji Parlamentari li kienu jaqgħu taħt l-istess Ministeru jew f’kull dipartiment, entità, fondazzjoni, awtorità, korporazzjoni, aġenzija, kummissjoni, kumpanija, istitut li jaqa’ taħt il-Ministeru, kienu jaħdmu ma’ xi waħda mill-entitajiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament? Jista’ jagħti lista ta’ min kienu dawn il-persuni kif ukoll il-pakkett finanzjarju sħiħ ta’ kull wieħed u waħda minnhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Nagħmel riferenza għall-prassi li kienet użata f’leġiżlaturi preċedenti u ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ta’ natura personali kif mitluba minnu, tingħata biss bil-kunsens tal-individwi kkonċernati.

Dipartiment tal-Agrikoltura u Sajd — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tqabbdu konsulenti mad-Dipartiment tal-Agrikoltura u Sajd? Min huma? F’liema oqsma u x’inhu l-ħlas annwali mogħti lilhom inkluż perkaċċi u allowances oħra?

Response (BRINCAT, LEO)

Nittama li l-Onor. Interpellant huwa konxju li d-Dipartiment tal-Agrikoltura u Sajd illum il-ġurnata ilu għal xi żmien jopera bħala żewġ Dipartimenti partikolari, wieħed għall-Agrikoltura u l-ieħor għas-Sajd. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal-liema perjodu jixtieq it-tweġiba u jekk hux minn xi dipartiment minn dawn it-tnejn partikolari.

Għajnuna fuq ħsarat tal-uċuh tar-raba’ minħabba maltemp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li terġa’ tibda’ tingħata għajnuna fuq ħsarat minħabba maltemp fuq uċuh tar-raba’, mogħdijiet tal-bdiewa u tiswija fuq ħitan tas-sejjieħ?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 12276.

Proġett tal-Infrastruttura għall-ilma tat-tisfija tad-drenaġġ — ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-infrastruttura għall-ilma tat-tisfija tad-drenaġġ? Il-bdiewa se jindew jintalbu ħlas għal użu ta’ dan l-ilma?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Programm Leader Plus – komunitajiet tal-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-komunitajiet tal-bdiewa li bbenefikaw mill-programm Leader Plus?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-iskop tal-Programm Leader Plus huwa li jkompli l-iżvilupp f’Żoni Rurali billi jgħin lill-għaqdiet mhux governattivi, Kunsilli Lokali u anke bdiewa sabiex itejbu u jkattru l-iżvilupp fiż-żona tagħhom permezz ta’ diversi attivitajiet. Sabiex imexxu dan il-Programm ġew magħżula tlett Gruppi Azzjoni Lokali – Majjistral, Xlokk u Għawdex – li jkopru iż-żoni Rurali kollha ta’ Malta, dan wara sejħa pubblika li kienet ħarġet fl-20 ta’ Frar sad-9 ta’ Mejju 2009. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna ġew mingħand dawn it-tliet gruppi.

Farmers’ markets

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm infetħu Farmers’ Market minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fejn?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari minn Marzu 2013 sal-lum infetaħ ‘Farmers Market’ wieħed, li huwa dak tal-Birgu. Dan infetaħ f’Awissu 2013.

Operaturi li jagħsru ż-żejt taż-żebbuġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu stmat li hawn operaturi fil-Gżejjer Maltin li jagħsru ż-żejt taż-żebbuġa, u kemm minn dawn huma f'pussess ta' producers licence sad-data li fiha qed issir din id-domanda? Jista’ jpoġġi lista ta' operaturi liċenzjati fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, hemm erba' għassara taż-żejt taż-żebbuġa li huma reġistrati u liċenzjati mad-Dipartiment tal-Agrikoltura. Il-lokalitajiet ta’ dawn huma: ir-Rabat (Malta), l-Imdina, ix-Xewkija (Għawdex) u Marsaskala.

Liġi dwar it-tibdil fil-klima

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-implimentazzjoni ta’ dak kollu propost fil-liġi dwar it-tibdil fil-klima li l-Parlament approva unanimament? Xi strutturi għandu l-Ministeru tiegħu biex jindirizza l-iżvilupp sostenibbli?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li wara l-pubblikazzjoni tal-Att fuq Azzjoni Dwar Il-Klima (Kapitolu 543), biex jistabbilixxi qafas għal azzjoni dwar tibdil fil-klima li ġie ppublikat fis-7 ta’ Lulju 2015, fil-Ministeru tiegħi qed iseħħu taħdidiet interni li waslu fi stadju avvanzat sabiex jiġu stabbiliti mekkaniżmi dwar il-funzjonijiet tal-Bord tal-Azzjoni dwar il-Klima. Meta l-bord jiġi mwaqqaf għandu jigi mfassal pjan għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Att kif ukoll il-Fond tal-Azzjoni dwar il Klima li għandu jiġi stabbilit skond l-Att. Fl-istess waqt beda xogħol tekniku biex jibdew l-istudji li ser iwasslu għall-ewwel Low Carbon Development Strategy f’Malta.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – strutturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi strutturi għandu l-Ministeru tiegħu biex jindirizza l-iżvilupp sostenibbli?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed titħejja struttura sabiex nassiguraw li l-Gvern Malti jkompli jsaħħaħ u jferrex l-prinċipji tal-Iżvillupp Sostenibbli fis-setturi kollha. Għaldaqstant għall-ewwel darba fi ħdan il-Ministeru responsabbli mill-ambjent, bħalissa għaddej proċess sabiex ikunu ngaġġati Direttur Ġenerali għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti kif ukoll Direttur għall-Iżvilupp Sostenibbli. Dan ser ikun responsabbli milli jassigura li l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli jkunu implimentati effettivament, partikolarment l-‘mainstreaming’ tal-prinċipji fil-politika tal-Ministeri kollha. Il-proċess ta’ strutturar jitkompla hekk kif ikunu appuntati dawn iż-żewġ pożizzjonijiet sabiex jinħatru pożizzjonijiet oħra fi proċess li huma stess ikunu responsabbli li jmexxu.

Wirja fotografika ambjentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hux il-ħsieb tal-Gvern li jerġa’ jorganizza wirja fotografika ambjentali kif sar din is-sena?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li wara s-suċċess li kellha din il-wirja, anki fejn għandu x’jaqsam it-trawwim kulturali lejn l-arti tal-fotografija, nikkonferma li huwa l-ħsieb li s-sena d-dieħla ser terġa’ tiġi organizzata wirja fotografika ambjentali oħra fejn ser inwessgħu l-parteċipazzjoni biex tinkludi ukoll sottomissjonijiet artistiċi inklużi l-pittura u l-iskultura.

Biċċerija – klassifikazzjoni tal-kwalità tal-laħam taċ-ċanga u tal-majjal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-biċċerija ssirx klassifikazzjoni tal-kwalità tal-laħam taċ-ċanga u tal-majjal?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-laħam kollu taċ-ċanga u tal-majjal li joħroġ mill-Biċċerija Pubblika huwa kklassifikat skond il-kwalità tiegħu.

Biċċerija – ġbir ta’ ilma tax-xita mis-soqfa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jsir biex l-ilma tax-xita mis-soqfa estensivi tal-biċċerija ma jiġix mormi iżda jintuża biex jitnaqqas ftit mill-konsum estensiv ta’ ilma fl-istess impjant?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari fil-Biċċerija għaddej proċess biex ikun jista’ jinġabar l-ilma kollu tax-xita li jinżel fuq il-bjut estensivi ta’ dan l-impjant. Bil-għan li tkun żgurata l-kwalità tal-ilma, tnieda proċess biex jinbidlu s-soqfa qodma tal-asbestos li jgħattu xi bini fil-Biċċerija. Barra minn hekk, fix-xhur li għaddew, tqiegħdet sistema ta’ pajpijiet biex l-ilma mid-diversi bjut tal-Biċċerija jkun jista’ jinġabar u jittieħed f’ġibjun antik li jinsab taħt partijiet minn din il-faċilità u li ilu snin twal ma jintuża. Tnieda wkoll il-proċess biex dan il-ġibjun imdaqqas jiġi rrestawrat bil-għan li jkun jista’ jilqa’ dan l-ilma.

Biċċerija – s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jsir fil-biċċerija biex tkun salvagwardjata s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fid-dawl tal-fatt li diversi strutturi f’dan l-impjant ġew installati bosta snin ilu u jinstabu fi stat ħażin ta’ konservazzjoni?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari bħalissa fil-Biċċerija għaddej xogħol biex strutturi li setgħu jirrappreżentaw riskju għall-ħaddiema jinbidlu. Fl-istess ħin, strutturi li bdew juru sinjali ta’ corrosion qed isirilhom xogħol estensiv ta’ tiswija u manutenzjoni bil-għan li jkun evitat li ssirilhom iktar ħsara u hekk tkun issalvagwardjata s-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati kollha. Fost l-oħrajn qed jinbidel l-armar li qed iwieżen l-istruttura kollha tas-swali tal-qatla billi dawn kienu bdew juru sinjali pre-okkupanti ta’ corrosion. Dawn qed jinbidlu b’armar tal-istainless steel biex waqt li jkun evitat kwalunkwe periklu, jitnaqqas sostanzjalment ir-riskju ta’ corrosion fil-futur. Barra minn hekk, struttura oħra tal-ħadid fil-biċċerija qed tingħata trattament b’żebgħa food grade biex waqt li tkun salvagwardjata l-integrità tagħha tkun żgurata ukoll l-iġene fuq l-impjant u l-kwalità tal-laħam li joħroġ mill-Biċċerija.

Petshops bla liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn petshops sal-lum f’Malta li qed joperaw bejn Marzu 2015 u Settembru 2015 fil-preżent irrispettivament ġewx liċenzjati jew le?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jżomm biss informazzjoni dwar dawk il-petshops li huma reġistrati miegħu skond l-Avviż Legali 244 tal-2013 li ġie fis-seħħ fit-2 ta’ April 2014. Fil-fatt minn Marzu 2015 sa Settembu 2015 id-Direttorat irċieva 16 –il applikazzjoni għal-liċenzja. Minn dawn l-applikazzjonijiet saru 4 spezzjoni, u minn dawn inħarġu 3 liċenzji. Hemm 1 minnhom li l-ispezzjoni saret u l-liċenzja ser tinħareġ f’dawn il-ġranet, u hemm 12 –il liċenzji li għadhom qed ikunu ipproċesati. Wieħed minn dawn il-petshops irtira l-applikazzjoni għax iddeċieda biex ma jkomplix ibiegħ annimali fl-istabbiliment tiegħu. Qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-kamra li turi l-lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet li għad trid tinħarġilhom il-liċenzja.

Petshops bla liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm petshops li qed joperaw bla liċenzja applikaw għal-liċenzja bejn Marzu 2015 u Settembru 2015? Kemm minnhom ġew spezzjonati u kemm inħarġu liċenzji?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19935.

Petshop bla liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk baqax applikazzjoni ta’ petshops li għadhom ma nħarġitilhomx liċenzja bejn Marzu 2015 u Settembru 2015? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet bid-data ta’ meta ġew sottomessi?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19935.

Direttorat tal-Agrikoltura — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-karigi u s-snajja nkluż in-numru, settur settur, li jeżistu bħalissa fid-Direttorat tal-Agrikoltura? Kemm minn dawn il-karigi għandhom edukazzjoni terzjarja?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, fid-Direttorat tal-Agrikoltura, hemm gradi li joħorġu mill-klassi tal-general service (8 uffiċjali), mill-klassi tal-ħaddiema industrijali u superviżuri (34 uffiċjal), mill-klassi tal-Agrikoltura (12 -il uffiċjal), mill-klassi Xjentifika (uffiċjal wieħed) u mill-klassi tal-gradi tekniċi (uffiċjal wieħed). Hemm ukoll 6 uffiċjali li huma ngaġġati f’pożizzjoni għall-perjodu ta’ żmien definit u 2 uffiċjali li jagħmlu xogħol ta’ messaġġiera. Fil-klassi tal-ħaddiema industrijali u superviżuri u fil-klassi teknika s-snajja tal-ħaddiema jinkludu l-bini tal-ħitan tas-sejjiegħ, il-biedja, il-ġardinaġġ u kif ukoll is-snajja ta’ mastrudaxxa, ta’ fitter tal-vetturi, ta’ plumber u ta’ plasterer and painter . Hemm ukoll Heavy Plant Driver. Minn fost il-gradi msemmija, dawk li joħorġu mill-klassi tal-Agrikoltura, fejn l- entry grade hija ta’ Agricultural Officer, jeħtieġu edukazzjoni terzjarja fil-livell 5 jew 6 tal-MQF. Dan jgħodd ukoll għall-grad ta’ Scientific Officer li huwa l- entry grade fil-klassi Xjentifika; f’dan il-każ il-kwalifika meħtieġa hija f’livell 6 tal-MQF. F’dak li jirrigwardja l-gradi tal- general service u b’mod ġenerali l-ingaġġ f’pożizzjonijiet fuq kuntratt definit, id-dħul isir bi kwalifika terzjarja (f’livelli 5, 6 jew 7 skond kif japplika) u / jew bi snin ta’ servizz jew esperjenza relevanti.

Għammieri — Farm Esperimentali - konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti tekniċi li joperaw mill-Farm Esperimentali tal-Għammieri u f’liema oqsma qegħdin joperaw? X’inhi l-ispiża tas-salarji tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari fi ħdan id-Direttorat tal-Agrikoltura ma hemm l-ebda konsulent tekniku li jopera miċ-Ċentru ta’ Riċerka Agrikola Nazzjonali tal-Għammieri. L-unika konsulenza teknika li topera mill-Għammieri hi l- Farm Advisory Services Consortium , li hija entità li tħaddmet permezz ta’ esperti tekniċi u field workers imħallsin b’rati ta’ €13 u €8.50 fis-siegħa abbażi tas-sejħa ta’ espressjoni ta’ interess fiċ-ċirkolari tal-Gvern PAHRO 12/2011.