Residenza San Vinċenz de Paul – persuni li jgħixu Wied il-Għajn, iż-Żejtun u l-Fgura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid skont l-aħħar records kemm hemm residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paul u li qabel kienu jgħixu f’Wied il-Għajn, iż-Żejtun jew il-Fgura?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, sad-data li fiha qed titwieġeb din il-Mistoqsija Parlamentari, in-numru ta’ residenti li qabel kienu jgħixu f’Wied il-Għajn, iż-Żejtun jew il-Fgura u li bħalissa huma residenti ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul , jammontaw għal:
21 resident mill-Fgura
20 resident minn Wied il-Għajn
50 resident miż-Żejtun
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar sejħiet għall-ingaġġ ta' periti mal-Awtorità tad-Djar? Kemm applikaw, u kemm ġew ingaġġati periti? X’xogħol mistenni li jwettqu dawn il-periti f'isem il-Housing Authority? Jekk ma sarx ingaġġ x'kienet ir-raġuni għal dan?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li, l-Awtorita’ tad-Djar ħarġet tliet sejħiet fis-sena 2015; 2 f’Marzu u sejħa oħra f’Lulju. Għal dawn is-sejħiet applikaw 15-il perit u minnhom ġew impjegati 3. Żewġ periti qegħdin jagħmlu xogħol fi ħdan id-Dipartiment tat-Technical Services & Operations fuq xogħol relatat ma’ irranġar u tiswijiet fi proprjeta’ residenzjali tal-Gvern/Awtorita’ tad-Djar, waqt li perit ieħor qed jagħmel xogħol fid-Dipartiment tal-Estate Management.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-ħaddiema tas-Sigurtà Soċjali li qegħdin fid-distretti, humiex mistennija li jiġu mitluba jattendu għal xi forma ta' interview, matul il-jiem li ġejjin, u dan minkejja li ma talbux għal xi promozzjoni jew biex isir xi tibdil fix-xogħol tagħhom? Jista' jagħti tagħrif dwar x'inhu l-iskop ta' dawn l-interviews, fejn se jsiru, min se jagħmilhom, u x'se jkun l-effett ta' dawn l-istess interviews? Minn fejn oriġinat it-talba li permezz tagħha dawn il-ħaddiema se jintalbu jagħmlu dawn l-interviews?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn l-intervisti huma effettivament parti minn eżerċizzju ta’ skills profiling tal-impjegati fid-distretti, bħala parti mill-istrateġija tal-Gvern biex ikompli jikkonsolida, jtejjeb u jqarreb is-servizzi li jingħataw mill-istess Gvern lejn iċ-ċittadin.
Billi waqt id-dibattitu dwar l-Awtorità tad-Djar ingħad li saret sejħa biex ikun hemm ingaġġ ta' periti, kif ukoll xogħol ta' taħmil fis-siti fejn se jsir il-bini ta' appartamenti mill-Awtorità tad-Djar, u dan meta skont risposti parlamentari li ngħatajt fl-4 ta' April kien għad lanqas biss saru l-bidliet neċessarji fil-pjanti li għalihom kien hemm diġà l-permessi neċessarji tal-MEPA (issa Awtorità tal-Ippjanar)? Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li skont dawk ir-risposti kienu diġà koperti bil-permessi, kif ukoll min kienu l-periti ta' dawn il-pjanti li kienu diġà approvati? Liema bidliet ġew approvati fil-pjanti li kienu approvati u dan biex jerġgħu jiġu sottomessi l-pjanti l-ġodda? Liema huma s-16-il sit li kellhom jiġu shortlisted, u kemm minn dawn is-siti kellhom il-pjanti tagħhom mibdula?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-eżerċizzju msemmi għadu għaddej. La darba dan l-eżerċizzju jkun iffinalizzat, l-Awtorita’ tad-Djar tkun f’pożizzjoni li tagħti l-informazzjoni rikjesta.
Jista’ l-Ministru jgħid meta persuna tkun fi triqtha lejn il-post tax-xogħol jew sejra lura d-dar mix-xogħol u waqt it-trasport issofri inċident u tweġġa’, f’dawn iċ-ċirkostanzi tkun intitolata għall-injury on duty benefit?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fiċ-ċirkustanzi, il-benefiċċju tal-korriment jitħallas jekk it-trasport ikun ipprovdut mil-post tax-xogħol.
Billi waqt il-ħin tad-domandi parlamentari, b'risposta għall-mistoqsijiet supplimentari l-Ministru ta spjegazzjoni dwar x'inhi l-pożizzjoni preżentement, għal dak li jirrigwarda l-adozzjoni minn diversi pajjiżi, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' adozzjonijiet, kull sena, minn kull pajjiż, mill-2010 sal-lum? Kemm kien hemm subien, u kemm kien hemm bniet f'kull każ? F'liema każijiet kien hemm iktar minn tifel/tifla waħda li ġew addottati minn koppja waħda, matul dan l-istess perjodu? F'kull każ, li kien hemm iktar minn tifel/tifla waħda li ġew addottati mill-istess familja, jista' jagħti tagħrif dwar minn liema pajjiżi ġew addottati tali tfal? Jista' jagħti tagħrif dwar x'inhi l-pożizzjoni għal dak li jikkonċerna l-adozzjonijiet ta' tfal li jkunu twieldu f'Malta, kemm fil-każ li l-adozzjoni tkun ta' tfal imwielda lill-ġenituri Maltin, kif ukoll jekk it-tfal ikunu wlied ġenituri mhux Maltin? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' tfal Maltin li ġew addottati kull sena, mill-2010 sal-lum? Kemm kienu wlied ta’ ġenituri Maltin, u kemm kienu wlied ġenituri mhux Maltin?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed jirriżulta li min irreġistra appell quddiem l-Uffiċċju tal-Arbitru f'Novembru li għadda, għadu lanqas biss beda jinstema' l-każ tiegħu? Jista' jgħid pereżempju, għaliex mill-120 appelli li ġew irreġistrati f'Novembru 2015 sal-lum bdew jinstemgħu 30 biss minnhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Uffiċċju tal-Arbitru qed jagħmel minn kollox sabiex l-appellanti ma jdumux jistennew għas-smiegħ tal-appell tagħhom.
Bħalissa qed isiru medja ta’ 26 seduta fix-xahar. F’dawn is-seduti jiġu nklużi kemm appelli ġodda, kif ukoll appelli li jkunu differiti minn seduti preċedenti għal diversi raġunijiet.
F’kull seduta li jkun hemm, ma tinkludix biss każijiet ġodda imma każijiet oħra li jkunu ġew differiti minn seduti ta’ qabel għal diversi raġunijiet, bħal meta jkun hemm bżonn aktar informazzjoni jew ikunu jridu jitressqu xhieda oħra skont il-bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jkun qed jagħmel biex inaqqas il-lista ta' stennija fl-Uffiċċju tal-Arbitru sabiex min jirreġistra appell quddiem dan l-Uffiċċju ma jdumx jistenna xhur sħaħ sabiex jibda jinstema’ l-appell tiegħu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Uffiċċju tal-Arbitru qed jagħmel minn kollox sabiex jitnaqqas iż-żmien biex l-appell jinstema’ billi nagħtu preċedenza lill-appelli l-ġodda mingħajr ma jibqgħu lura l-każijiet differiti biex dawn ukoll ma jdumux ma jinqatgħu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-diretturi tal-kumpanija l-ġdida li se tieħu ħsieb is-Social Housing Projects ġewx maħtura? Jekk iva, jista' jgħid min huma dawn id-diretturi?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-Kumpanija l-ġdida li se tkun qed tieħu ħsieb is-Social Housing Projects, jisimha ‘Housing Projects Management Unit Limited’ bin-numru ta’ reġistrazzjoni C-73907.
Id-dettalji li qed titlob l-Onorevoli Interpellant huma pubbliċi u jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal-MFSA.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum and Articles tal-kumpanija l-ġdida li se tkun qed tieħu ħsieb it-tfassil u l-implimentazzjoni tas-Social Housing Projects?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni li qed titlob dwar il-Kumpanija Housing Projects Management Unit Ltd. (C-73907) hija aċċessibbli mis-sit elettroniku tal-MFSA.
Awtorità tad-Djar – applikazzjonijiet għall-bini ta’ appartamenti
Question
Billi f’risposta preċedenti l-Ministru wieġeb li hemm numru ta' siti li hemm probabbiltà li l-pjanti tal-bini propost jinbidel minn dak li kien fil-passat mill-Awtorità tad-Djar li ssottomettiet l-applikazzjonjiet għall-bini ta' appartamenti, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proposti li kienu diġà approvati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u li issa l-Awtorità tad-Djar qed tipproponi li tbiddel minn kif kienu? Jista’ f’kull każ iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li kienu approvati, u kopja tal-pjanti li issa qed jiġi propost li jinbnew minflok dawk li kienu diġà permessi fil-passat? Meta hu mistenni li f'kull każ, jinbeda x-xogħol fuq is-siti partikulari?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-periti nkarigati mill-binjiet qed jagħmlu l-evalwazzjonijiet neċessarji tal-permessi eżistenti biex ikunu jistgħu jiġu aġġornati.
Adozzjonijiet minn aġenziji privati — applikazzjonijiet pendenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-adozzjonijiet f'pajjiżna li qed jaħdmu fuqhom aġenziji privati sal-1 ta’ Mejju 2016?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, kif weġibt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25327, l-informazzjoni mitluba minnu, għal perijodi indikat, ma tistax tingħata hekk kif għadha mhix aċċessibli.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22759, dwar home help, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari billi issa għaddew tliet xhur minn dik l-istess mistoqsija u ċjoè jgħid meta hu mistenni li jingħata s-servizz ta’ home help lil dawk l-anzjani li għandhom talba pendenti għal dan is-servizz? Kemm hemm anzjani li għandhom talba pendenti u minn liema lokalitajiet? Fil-każ partikulari ta' San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani li kellhom dan is-sapport, li iżda mhux qed jingħatalhom, minħabba li naqsu xi home helpers? Meta hu mistenni li jerġgħu jingħataw dan l-istess sapport?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz lil dawk li kellhom is-servizz temporanjament sospiż minhabba bidla fil-kuntrattur u social assistants li rtiraw, reġa’ beda jingħata b’mod normali.
It-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi l-każijiet ġodda fejn riċentament ġie approvat is-servizz tal-Home Help lir-residenzi msemmija mill-bord tal-Home Help; liema servizz ser jibda’ jkun offrut lilhom fi żmien qasir:
B’rabta mal-Abbozz ta’ Liġi li jittratta l-Ħarsien tat-Tfal u li issa ilu mwaħħal fi stadju tal-ewwel qari sa minn Marzu 2014 , jista’ l-Ministru jgħid ma’ min ikkonsulta fuq il-qasam relatat mal-adozzjonijiet u meta beħsiebu jressaq għat-tieni qari dan l-istess abbozz li ovvjament jittratta wkoll oqsma oħra li jirrelataw mat-tfal?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru diskussjonijiet b’mod ħolistiku mal-istakeholders.
Awtorità Ċentrali responsabbli mill-Adozzjonijiet – adozzjonijiet minn pajjiżi firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ The Hague
Question
Ma jaħsibx il-Ministru li hemm kontradizzjonijiet mhux żgħar meta d-direttur li tmexxi l-Uffiċċju tal-Adozzjonijiet f`pajjiżna, f`intervista riċenti fuq The Times, qalet li l-Awtorità Ċentrali f’pajjiżna responsabbli mill-adozzjonijiet tippreferi taħdem ma’ pajjiżi li huma firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ The Hague imbagħad f’risposta parlamentari li ngħatat fis-seduta tat- 2 ta’ Mejju jissemmew pajjiżi li mhumiex firmatarji fl-istess konvenzjoni b’aċċenn dirett fuq il-Kosovo u l-Ghana?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fl-aħjar interess tat-tfal, l-Awtorità Ċentrali tippreferi taħdem ma’ pajjiżi li huma wkoll ikunu firmatarji tal-Konvenzjoni tal-Ajja minħabba l-fatt li pajjiżi membri jkunu obbligati jkollhom Awtorità Ċentrali li tassigura li l-proċess tal-adozzjoni jkun dejjem fl-interess tat-tfal.
Fid-dawl tal-fatt li n-numru tal-adozzjonijiet qiegħed kull ma jmur jonqos, l-Awtorità Ċentrali tibqa’ tesplora opportunitajiet ma’ pajjiżi ġodda, specjalment jekk dawn il-pajjizi jkollhom relazzjonijiet bilaterali ma’ Malta. L-Awtorità Ċentrali għandha l-ħsieb li taħdem mal-Ghana la darba dawn tal-aħħar isiru firmatarji tal-Konvenzjoni tal-Ajja.
Kuntatt ma’ nazzjonijiet li mhumiex firmatarji fil-Konvenzjoni ta’ The Hague
Question
Jista’ l-Ministru jispjega l-fatt li hu personalment jista’ jagħmel kuntatti ma’ nazzjonijiet li mhumiex firmatarji fil-Konvenzjoni ta’ The Hague imbagħad l-Awtorità Ċentrali ma tistax?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorità Ċentrali tista’ tagħmel kuntatt kemm ma’ pajjiżi li huma firmatarji tal-Konvenzjoni kif ukoll ma’ pajjiżi mhux firmatarji, bħalma fil-fatt qed jagħmel.
Ma jaħsibx il-Ministru li l-informazzjoni li ngħatat fir-risposta parlamentari 18925 b’rabta mas-sitwazzjoni suppost aġġornata dwar l-adozzjonijiet mal-Kosovo, hija ferm ‘il bogħod mill-verità tal-fatti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtoritajiet tal-Kosovo ddiskutew mal-Awtoritajiet Maltin il-kwistjoni tal-adozzjonijiet mill-Kosovo, kemm fil-Kosovo kif ukoll waqt żjara li l-Ministru kkonċernat għamel f’pajjiżna.