Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport li qed isir ġewwa Pembroke?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li x-xogħol fl-imsemmija skola jinsab fl-istadju finali tiegħu. Ix-xogħol li għad fadal huwa l-parquet li se jiġi installat fil-multi purpose hall. Dan ix-xogħol għadu ma tlestiex minħabba li t-tender rigward dan ix-xogħol kellha tiġi ppubblikata darbtejn peress li fl-ewwel sejħa ma kien hemm ħadd konformi mal-ispeċifikazzjonijiet mitluba fit-tender. L-evalwazzjoni tat-tieni tender li nħarġet qegħda fl-istadju finali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport u/jew studju saru matul dawn l-aħħar għaxar snin dwar l-istat tal-Pixxina Nazzjonali? Jista’ jgħid kemm kien il-ħlas fuq kull studju u x'azzjoni ttieħdet wara kull studju?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar għaxar snin saru diversi studji u ttieħdu azzjonijiet dwar l-istat tal-Pixxina Nazzjonali fosthom:
1. 2006 – Testijiet fuq il-kundizzjoni tal-Pixxina li saret mill-kumpanija Solidbase għall-prezz ta’ LM 19,966.19 (c. €46,508)
2. 2006 - Tiswijiet strutturali u rinfurzar tal-istruttura tal-Pixxina liema xogħol sar mill-kumpanija E.M.M. Ltd għall-prezz ta’ LM 27,843 (c. €64,857)
3. Awwissu 2009 – Rapport investigattiv mill-Perit Joe Bugeja dwar l-istruttura tal-Plantroom
4. 2009 – Xogħlijiet strutturali varji mill-kumpanija Polidano Brothers għall-prezz ta’ €17,306.50
5. Awwissu 2011 – Rapport Investigattiv dwar l-istruttura tal-Plantroom – Perit John Attard
6. Mejju 2013 – Rapport mill-Perit William Lewis dwar is-sitwazzjoni tal-Pixxina Nazzjonali
7. Lulju 2013 – Rapport mill-Perit William Lewis dwar l-istat tal-ġibjun fil-parkeġġ tal-pixxina
8. Novembru 2014 – Rapport mill-Perit William Lewis dwar l-istat strutturali tas-South Block
9. Diċembru 2014 - Testijiet fuq il-kundizzjoni tal-Pixxina li saret mill-kumpanija Terracore għall-prezz ta’ € 7,611
10. Jannar – Mejju 2015 – Xogħol ta’ ristrutturazzjoni tas-
South Block
ġewwa l-Pixxina Nazzjonali - €800,000
11. Novembru – Diċembru 2015 – Xogħol ta’
refurbishment
komplut tal-Plantroom - €16,000
Ma' din il-lista wieħed jista’ jżid ir-rapporti kontinwi mill-Periti ta’ SPORTMALTA, li għandhom ingaġġ fuq bażi ta' retainer, u d-diversi xogħlijiet ta’ valur żgħir li komplessivament tejjbu l-istruttura tal-bini.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f`manutenzjoni fil-Pixxina Nazzjonali, sena b`sena, mis-sena 2000 sal-lum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-flus li ntefqu f'manutenzjoni fil-Pixxina Nazzjonali mill-2004 sal-2015 huma kif se nsemmi:
2004
€18,293.99
2005
€388,811.27
2006
€87,177.74
2007
€96,729.62
2008
€84,868.96
2009
€76,783.19
2010
€276,796.84
2011
€93,344.74
2012
€203,993.46
2013
€79,166.17
2014
€40,329.82
2015
€1,559,427.81
Il-figuri kkwotati huma mingħajr VAT. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Malti għall-Isport beda jopera mis-sena 2003.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' anzjani li għamlu użu mill-Pixxina Nazzjonali sena b`sena, mis-sena 2000 sal-lum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni li hemm disponibbli hija mis-sena 2012 minn meta beda l-programm SWIM FIT li hija skema fejn l-anzjani jużaw il-pixxina mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8 ta’ filgħodu u nofsinhar. Mill-2014 din l-iskema ġiet estiża sal-4 ta’ wara nofsinhar bejn Lulju u Settembru. Intant, il-figuri disponibbli huma kif ġej:
2012 - 1253
2013 - 638
2014 - 514
2015 - 237
2016 - 34 (sa Jannar)
Jista’ l-Ministru jgħid meta ħarġet l-aħħar espressjoni ta` interess għall-Marsa Sports Ground, kemm kienu dawk li wrew interess u x`sar minnha din is-sejħa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-espressjoni ta’ interess għall-Marsa Sports Ground ma kien tefagħha ħadd u allura ġiet ikkanċellata. Però, dak iż-żmien, il-KMS kien qed jaħdem fuq abbozz ġdid wara li kien iltaqa' ma' dawk li kienu xtraw id-dokument.
White Rocks Sports Village — Konferenza Stampa - spiża ta’ disinni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x`ġara wara l-Konferenza Stampa li kienet saret f’Kastilja mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u li fiha kien ġie varat il-proġett Sports Village fil-White Rocks? Kemm kienet l-ispiża biex kienu saru d-disinni li ġew ippreżentati b`mod tant pompuż fl-istess Konferenza Stampa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mid-Dipartiment tal-Operat li l-ispiża b’rabta mal-Isports Village fil-White Rocks kienet tammonta għal €465,701.47. Il-ħlasijiet saru bejn Novembru 2010 u l-aħħar tas-sena 2012. Infurmat ukoll li fil-Ministeru tiegħi ma hemm ebda referenza għall-Konferenza Stampa li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.
Segretarjat Parlamentari għall-Isport — informazzjoni dwar festini
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f‘festini fil-leġiżlatura preċedenti mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Isport u jelenka x`kienu l-okkażżjonijiet li għalihom saru l-istess festini?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mid-Dipartiment tal-Operat li l-ispiża fuq festini organizzati mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Isport fil-leġiżlatura preċedenti kienet kif se nsemmi:
2009 - €1,968.89
2010 - €1,175.30
2011 - €1,243.63
2012 - €1,891.35
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li huma neqsin mis-smiegħ fis-sena akkademika preżenti u jindika dan fil-livelli tal-primarja u tas-sekondarja u possibilment skont is-sess?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’din is-sena skolastika hemm 116 studenti li huma hearing impaired li minnhom 57 qegħdin fil-primarja u 59 fis-sekondarja.
Mit-total ta’ 116 studenti, hemm 22 bniet u 35 subien b’hearing impairment fil-primarja u 29 bniet u 30 subien fis-sekondarja.
Jista’ l-Ministru jgħid preżentament kemm hemm għalliema li qed jgħallmu studenti neqsin mis-smiegħ fis-sena akkademika preżenti fil-livelli tal-primarja u tas-sekondarja? Jista’ jindika meta se ssir sejħa oħra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li f’din is-sena skolastika hemm 13-il Għalliem li qed jgħallmu studenti neqsin mis-smiegħ fil-livelli tal-primarja u tas-sekondarja, għaxra f’Malta u tlieta f’Għawdex. Infurmat ukoll li d-Dipartiment għas-Servizzi tal-Istudent ma jbassarx li jitlob capacity building għal dan il-post peress li l-kulleġġi kollha huma koperti b’dan is-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba l-istudenti li huma neqsin mis-smiegħ fis-sena akkademika preżenti fil-livelli tal-primarja u tas-sekondarja humiex kollha jirċievu l-attenzjoni u t-tagħlim?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva, l-istudenti b'hearing impairment qed jirċievu l-attenzjoni u t-tagħlim min-naħa tas-servizz u mil-LSAs u l-għalliema tagħhom.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – xogħol ta’ konsulenzi legali
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ xogħol ta’ konsulenzi legali mogħtija mill-Ministeru inkluż l-uffiċċju privat tal-Ministru/Segretarju Parlamentari, jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sena b’sena, bejn l-1999 u Marzu 2013? Jista’ jgħid min kienu l-avukati/ditti legali li ngħataw dan ix-xogħol? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender ? Jista’ jgħid min awtorizza l-għoti ta’ dan ix-xogħol fejn ingħata b’direct order? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti? Fejn huwa possibbli, jista’ jgħid kemm kien il-ħlas għal kull siegħa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Billi waqt il-ħin tad-domandi parlamentari tas-seduta ta’ nhar l-Erbgħa 9 ta’ Marzu 2016 saret referenza għal xi forma ta' organizzazzjoni fejn il-privat ser ikun qed jagħti sehmu, bil-kooperazzjoni wkoll tal-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika, biex żgħażagħ mill-inħawi ta' San Pawl il-Baħar ikollhom iktar inizjattivi biex ikunu jistgħu jaffaċċjaw ir-realtà tal-ħajja li qed tiżviluppa madwarna, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru laqgħat sa issa, kemm kien hemm organizzazzjonijiet li ġew involuti, u kemm kien hemm organizzazzjonijiet li qablu li jsostnu din l-inizjattiva għat-tliet snin li ġejjin? Meta hu mistenni li jerġgħu jsiru laqgħat oħra għal dan il-għan?
Response (BARTOLO, EVARIST)
F’każ li jien inftiehemt ħażin, irrid ngħid li kont qed nirreferi għal organizzazzjoni privata li se tkun qed taħdem mal-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar. Qed nimpenja ruħi biex nirranġa li ssir laqgħa bejn l-Onor. Interpellant u l-persuna li qed tmexxi dan il-proġett biex tingħata l-informazzjoni sħiħa li jixtieq jitlob l-Interpellant.
Kunsill Malti għall-Isport — Sitwazzjoni Finanzjarja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x`inhi s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Kunsill Malti għall-Isport u kif kienet taħt l-amministrazzjoni preċedenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li SportMalta spiċċat is-sena 2014 b’surplus ta’ EUR1,762,617 filwaqt li fis-snin ta’ qabel kienet għamlet deficit ta’ EUR1,379,825 fis-sena 2013 u ta’ EUR 700,181 fis-sena 2012. Dan ifisser li f’sena waħda SportMalta mhux biss irkuprat id-dejn li kellha imma wkoll għamlet surplus biex b’hekk tkun f’pożizzjoni b’saħħitha biżżejjed biex tidħol għal proġetti ġodda fil-qasam sportiv. Ta’ min jirrimarka li dan kollu sar mingħajr l-ebda tnaqqis fil-programmi sportivi li fil-fatt komplew jikbru minn sena għal oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qiegħed isir xi ħaġa biex l-għaqdiet sportivi Maltin jissaħħu finanzjarjament u l-attività tagħhom issir waħda aktar sostenibbli?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Gvern għadu kemm ħareġ White Paper dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi. Din ser tibqa’ miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika sal-aħħar ta’ Marzu. Din il-white paper hija għodda sempliċi iżda effettiva li permezz tagħha l-organizzazzjonijiet sportivi jistgħu jindirizzaw il-mod tad-dħul finanzjarju tagħhom billi jwettqu attività kummerċjali fil-faċilitajiet sportivi tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jagħmlu użu mill-Pixxina Nazzjonali ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm dan l-għadd ta’ membri u sportivi li jużaw il-Pixxina Nazzjonali:
Persuni
Membri
589
Għawwiema fi klabbs
475
Membri tat-Triathlon
80
Membri tal-Canoe Polo
30
Players tal-Waterpolo
643
60+ Members
243
Għawwiema tas-Synchronized
60
Jista’ l- Ministru jgħid fiex wasal ir-ristrutturar li kellu jsir fil-Kunsill Malti għall-Isport?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-proċess tar-ristrutturar għaddej skont il-pjanijiet imfassla u maqbula mal-Bord tad-Diretturi tal-Kunsill Malti għall-Isport. Minbarra li tlesta l-proċess tat-tibdil fl-isem għal 'Sportmalta', tlestew ukoll l-emendi neċessarji għall-Liġi tal-Isport biex jitressqu l-Parlament u qed isiru l-laqgħat meħtieġa mal-union fuq job descriptions. Bħala parti mir-riforma diġà ġew varati żewġ dipartimenti ġodda. Dawn huma d-Dipartiment tal-Attivitajiet u d-Dipartiment ta` Riċerka relatata mal-Unjoni Ewropeja . Minn Jannar li għadda l-uffiċini ta` Sportmalta kellhom estensjoni tal-ħin is-Sibt filgħodu għas-servizz tal-Għaqdiet reġistrati.
Jista’ l-Ministru jgħid x`inizjattivi ttieħdu biex jgħinu l-Isport fil-gżira Għawdxija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ttieħdu diversi inizjattivi biex jgħinu l-isport f’Għawdex. Ix-xogħol u l-attivitajiet organizzati mill-Gozo Sports Board huma kif se nsemmi:
• Mnedija l-Għażliet Sportivi Għawdxin wara nuqqas ta’ 12-il sena.
• Saru diversi attivitajiet għat-tfal fosthom waqt il-World Children’s Day u Family Fest.
• Tfassal pjan għal 10 snin bl-isem ‘Project 2025’ sabiex l-Għaqdiet sportivi u l-atleti Għawdxin jingħataw servizzi aħjar.
• Ġiet organizzata l-attività ‘Activity Matters’ fejn l-arti kienet amalgamata mal-isport.
• Sar Sports Weekend bil-parteċipazzjoni ta’ diversi timijiet u atleti minn Malta.
• Saret għall-ewwel darba Skola Sajf għall-8 ġimgħat, tlett darbiet fil-ġimgħa t-tfal segwew sessjonijiet sportivi.
• Għall-ewwel darba ġiet estiża fil-gżira Għawdxija, #OnTheMove SkolaSport, sessjonijiet ta’ sport fix-xitwa mifruxa fuq 28 ġimgħa.
• Sar kamp ta’ taħriġ internazzjonali tal-Arti Marzjali.
• Sar kamp ta’ taħriġ internazzjonali tal-badminton.
• Saret esebizzjoni tal-Air Modelling.
• Ttellgħet esebizzjoni tal-mudelli tal-Yachts.
• L-Għaqda tal-mudelli tal-ajruplani ngħatat spazju fejn jistgħu jipprattikaw dan l-isport.
• Kienu mtejba bosta faċilitajiet tal-futbol fosthom il-grawnd ta’ Għawdex, il-grawnds ta’ Kerċem, tal-Għarb, tax-Xewkija, tan-Nadur, tal-Oratorju, tax-Xagħra, ta’ Għajnsielem, u l-grawnds tal-iskejjel primarji taż-Żebbuġ, ta’ Għajnsielem u ta’ San Lawrenz.
• Sar titjib fil-faċilitajiet tal-Motocross fin-Nadur, fir-range tal-isparar fiż-Żebbuġ, fit-trakka taż-Żwiemel fin-Nadur u saru xogħlijiet fil-Gozo Sport Complex.
Jista’ l-Ministru jgħid hemmx inizjattivi sportivi u oħrajn immirati partikolarment biex jgħinu persuni vulnerabbli u żvantaġġjati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li SportMalta nieda fil-bidu ta` Jannar il-programm MOVE 360 li qed jagħti servizz fil-komunità tal-Kottonera u lil madwar 30 tifel u tifla tal-ħames sena primarja f`sessjoni ta` jumejn wara l-iskola bla ħlas. Barra minn hekk infetħu żewġ akkademji tal-Baskitbol, Handball u anke Ġinnastika li wkoll qed jiġu offruti bla ħlas.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li huma visually impaired fis-sena akkademika preżenti u jista’ jindika dan fil-livelli tal-primarja u tas-sekondarja u possibilment skont is-sess?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'din is-sena skolastika hemm 63 studenti li huma visually impaired li minnhom 45 qegħdin fil-primarja u 18 fis-sekondarja.
Mit-total ta' 63 student, hemm 19 bniet u 26 subien b’visual impairment fil-primarja u 7 bniet u 11 subien fis-sekondarja.