Jista' il-Ministru jindika jekk il-Wied tal-Madonna tal-Mellieħa huwiex ikkonsidrat bħala wied u allura mhux permess li jsir bini fih jew huwiex meqjus bħala art fabbrikabbli?
Response (PULLICINO, GEORGE)
B’referenza għall-wied fil-Mellieħa, magħruf bħala l-Għar tal-Madonna:
Il-parti ta’ fuq ta’ dan il-wied, li jibda minn Triq Sant’ Elena fil-Mellieħa, tinstab fiż-żona ta’ l-iżvilupp kif indikata fil-Pjan Regolatur ta’ l-1988. Din iż-żona tinkludi kemm il-bini li hemm tul il-ġnub tal-wied, kif ukoll il-ġonna li jinstabu fil-qiegħ tal-wied. Iż-żona ta’ l-iżvilupp ma tinkludix il-qiegħ kollu tal-wied iżda tieqaf ftit qabel Triq Adenau. Min-naħa l-oħra, il-bini eżistenti li hemm mal-ġnub tal-wied, li jkompli sejjer matul Triq Dun Frangisk Sciberras, huwa inkluż fiż-żona ta’ l-iżvilupp. Il-pjanti annessi juru iż-żona ta’ l-iżvilupp li tinkludi parti mill-wied.
Fil-parti tal-wied illi tinstab barra ż-żona ta’ l-iżvilupp, japplikaw il-
policies
RCO 28 u RCO 29 tal-Pjan ta’ Struttura. Jiġifieri, b’mod ġenerali ma jitħalliex isir żvilupp sakemm dan ma jkollux skop ta’ prevenzjoni ta’ erozjoni tal-ħamrija jew ta’ konservazzjoni ta’ l-ilma.
Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru uffiċjali tal-gvern fi skala 14, 15 jew 16 fuq xogħol tal-gvern matul l-2005 u l-2006 sal-lum separatament? Jista' jgħid kemm qamet flus kull safra, kemm damet iljieli, x'kienet id-destinazzjoni, xi skala kienu l-uffiċjali u x'kienet ir-raġuni tas-safra separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2005 u l-2006 ma kien hemm ebda safra minn uffiċjali tal-kumpanija WasteServ Malta Co Ltd u ta’ l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fi skala 14, 15 jew 16 jew fi gradi komparabbli.
Matul is-sena 2005 siefru disa’ (9) uffiċjali tal-gvern fi skala 14, 15 jew 16. Din is-sena sal-lum siefru żewġ (2) uffiċjali tal-gvern f’dawn l-iskali. Aktar informazzjoni relatata ma’ din il-mistoqsija tinsab fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qamet kull safra (spejjeż kollha nklużi) li saret matul l-2005 u l-2006 sal-lum fejn kien involut hu, separatament safra b'safra, meta sar dan is-safar, kemm damu iljieli, fejn kienet id-destinazzjoni, min kienu l-uffiċjali li akkumpanjawh u x'kariga għandhom? Jista' jgħid ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom għall-akkomodazzjoni f'kull safra separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra. Ma tinżammx informazzjoni dwar il-lukandi li marru fihom għall-akkomodazzjoni l-uffiċjali tal-Ministeru. Ta’ min jgħid ukoll li l-ispejjeż marbutin mal-biljetti ta’ l-ajru għal safar konness max-xogħol ta’ l-Unjoni Ewropea jiġu rimborżati mill-Kummissjoni ta’ l-Unjoni Ewropea.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ministeru, dipartimenti jew enti li jaqgħu taħtu għandhomx xi tip ta' proprjeta' li mhijiex qed tintuża għal xi raġuni? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li din il-proprjeta' mhijiex tintuża u fejn tinsab?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-unika Taqsima li taqa’ taħt il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent li għandha proprjetà hija t-Taqsima għall-Affarijiet Veterinarji u s-Sajd. Din it-Taqsima għandha żewġ terrani, it-tnejn fuq l-ewwel sular f’Santa Venera. Bħalissa qed isiru l-proċedimenti biex dawn jiġu rritornati lill-Establishments Division.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ministeru għandux proprjeta' mikrija għal xi tip ta' użu, kemm għall-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħtu? Kemm qiegħda titħallas kera fix-xahar minn fondi pubbliċi għal kull proprjeta' separatament? Jista' jgħid fejn tinsab din il-proprjeta' mikrija separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella hawn taħt:
Indirizz
Użu mill-Ministeru
Ammont ta’ kera li titħallas fis-sena
14, Triq MA Vassalli, Valletta
Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi
Lm340
Swieqi
Garaxx għall-karozza tal-Ministru
Lm250
Triq Ġdida fi Triq il-Mosta, Lija
Direttorat tal-EU Affairs
Lm15,750*
* Il-kera tħalset fl-2004 u tkopri parti minn sena, b’tali mod li aħna attwalment ‘irrifondejna’ lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet is-somma ta’ Lm10,250. Il-kuntratt tal-kera intemm fit-30 ta’ Ġunju 2006 iżda qed tintalab approvazzjoni għal estensjoni ta’ sitt xhur mill-Ministeru tal-Finanzi qabel ma jkunu kompluti l-uffiċini fil-kumpless tal-Biċċerija.
Il-kumpanija WasteServ Malta Ltd għandha żewġ proprjetajiet mikrija, li huma:
1. Propjetà f'Ghawdex biex tintuża bħala uffiċċju mill-impjegati tal-WasteServ Malta Ltd, liema propjetà bdiet tinkera mill-1 ta' Awwissu 2005, bit-titolu ta' “Ta' Mlit Court” u li tinsab fi Triq Giorgio Borg Olivier, Victoria. Ġiet mikrija din il-propjetà biex tintuża bħala uffiċċju minfejn il-kumpanija tmexxi u tamministra x-xogħol tagħha f'Għawdex. Dettalji dwar il-kera mhumiex jingħataw peress li huma ta’ natura kummerċjali.
2. Propjetà f'Malta (liema kirja ilha mill-31 ta' Dicembru 2002 u saret
addenda
fil-kuntratt fit-12 ta' Ottubru 2004) biex tintuża bħala uffiċċju mill-impjegati tal-WasteServ Malta Ltd. Dawn huma temporanji sakemm jinbnew l-uffiċċji ġodda ġewwa l-Magħtab/Żwejra/Naxxar li għalihom ħareġ il-permess. Din il-propjetà hija Phoenix Buildings, f'Old Railway Track, Sta Venera, u nkriet biex minnha l-kumpanija tmexxi u tamministra x-xogħol tagħha. Dettalji dwar il-kera mhumiex jingħataw peress li huma ta’ natura kummerċjali.
L-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tikri numru ta' propjetajiet mingħand il-Gvern u mill-privat kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.
Affarijiet Rurali u Ambjent — Call for applications
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm call for applications sabiex jiġu mpjegati nies minn redeployment li kien għaddej fi ħdan l-istrutturi tal-gvern fil-ministeru, dekasteru jew enti li jaqgħu taħtu bejn Ottubru, 2005 u llum? Jista' jgħid x'karigi kien hemm vakanti, kif ġew mgħażula l-applikanti, jekk hux b'eżami, fuq bażi ta' kwalifiki jew b'interview? F'każ li saru interviews, jista' jgħid jekk il-membri ta' l-interviewing board kienx mgħamul minn nies mill-istess ministeru/dekasteru u f'każ li fl-affermattiv, xi skala kienu dawk li tpoġġew f'dawn il-bordijiet ta' l-intervisti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Ottubru 2005 sal-lum ma kien hemm l-ebda call for applications sabiex jiġu impjegati nies minn redeployment fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.
Minn Ottubru 2005 sal-lum, l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għamlet ħames (5) talbiet għal
calls for applications
għal pożizzjonijiet ta’ Direttur għall-Ambjent,
Environment Protection Officers
,
Enforcement Officers
, segretarju/a u
Environment Technicians
. L-Awtorità għadha għaddejja bil-proċess biex timla dawn il-vakanzi.
L-applikanti għall-posizzjonijiet ta’ Direttur għall-Ambjent,
Enforcement Officers
u
Environment Technicians
intgħażlu b’intervista. Il-bord ta’ l-intervisti kien magħmul minn nies ta’ l-istess Awtorità, inklużi membri tal-Bord ta’ l-Awtorità jew impjegati fi skali ta’ Direttur, Assistent Direttur,
Unit Managers
,
Team Managers
, u
Seniors
.
Il-proċess biex jimtlew il-vakanzi ta’
Environment Protection Officers
u segretarju/a għadu għaddej.
Fl-istess perjodu kien hemm ħames (5) sejħiet għal applikazzjoni għal ħmistax-il (15) post vakant sabiex jiġu impjegati nies minn
redeployment
fi ħdan il-kumpanija WasteServ Malta Ltd.
Il-postijiet vakanti kienu:
Technical Officer - 2
Senior Technical Officer
- 1
Contracting Officer
- 1
Communications Manager
- 1
Gas Engineer
- 1
Architect and Civil Engineer
- 1
Accounts Clerk
- 1
Clerks
- 2
Accounting Officer
- 1
Procurement Officer
- 1
Technical Supervisor
- 2
STO - Gas Technician
- 1
L-applikanti intgħażlu skond il-kriterji ta' eliġibilità (kwalifiki, eċċ) u intervisti. Dawn l-
interviewing boards
kienu magħmula minn membri ta’ l-istess kumpanija u kienu jikkonsistu minn direttur,
manager
u/jew inġiniera u xjenzjati.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' multa impost fuq applikazzjoni tal-MEPA li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament plus li x-xogħlijiet inbdew qabel ma nħareġ il-permess?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-multa imposta fuq l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha tammonta għal Lm118. Din il-multa inħadmet a bażi tal-formula tal-major fines.
Jista' il-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni għaliex għall-eżami ta' senior operative (rubble wall builder) l-applikanti qegħdin jiġu mitluba jieħdu l-għodda magħhom meta din l-istess għodda hija tant goffa (karretta, imterqa ta' inkurmar, imterqa kbira, fis, pala, zappun, barmil, eċċ.) li hemm min lanqas għandu vettura kbira biżżejjed biex iġorrhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-eżami prattiku diġà sar u ħadd ma ġab l-għodda msemmija mill-Onorevoli Interpellant għajr l-imterqa ta' inkurmar. Karretta, pala, zappun, barmil, eċċ,. kienu pprovduti mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ġebel ġie depożitat immedjatament viċin il-ħajt tas-sejjieħ biex titnaqqas it-tbatija u l-ħin tal-ġarr tal-ġebel.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19803, ninforma lill-Ministru li qed issir riferenza għas-sussidji u għajnuna dovuta li l-ministeru, il-paying agency u l-gvern għadhom ma ħallsux lill-produtturi ta' l-għeneb.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għaddej eżerċizzju intensive ta’ kontrolli fuq l-applikazzjonijiet. Dan jinkludi site inspections, kif rikjest mill-Unjoni Ewropea. Mingħajr dawn il-kontrolli ma jistgħux isiru il-ħlasijiet.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19801, jista' il-Ministru jikkonsidra li jibda jagħti sussidji lill-produtturi in kwestjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li biex jingħataw sussidji dawn jingħataw dment li hemm riferenza għalihom fit-Trattat ta’ Sħubija jew jekk issir talba lill-Kummissjoni Ewropea wara li jiġi eżaminat il-każ mill-iState Aid Monitoring Unit fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Talba ta’ din ix-xorta trid tkun konformi mar-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea. Peress li l-produtturi tal-ġbejniet friski qed jingħataw fondi direttament mill-Unjoni Ewropea taħt l-iskema ewe premium, mhux possibbli skond ir-regoli ta’ l-unjoni Ewropea li jingħataw sussidji jew għajnuna oħra mill-istat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19826 u jgħid: B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 18315, jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi pożittivi dwar it-talba li kellha ssir mill-Ministru lil MEPA biex flimkien ma' Heritage Malta jaraw x'passi jistgħu jittieħdu dwar l-arloġġ ta' l-Isla? X'sar s'issa u x-xogħol sar minn mindu għamilt il-mistoqsija fuq dan l-arloġġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) m'għandhiex informazzjoni dwar min hu s-sid ta' l-Arloġġ ta' l-Isla u għalhekk ma tistax tieħu passi għar-restawr ta’ dan l-arloġġ. F’każ li l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tkun taf min hu s-sid, allura l-Awtorità tikkunsidra li toħroġ conservation order. Sadanittant l-Awtorità kitbet liċ-Chairman tal-Heritage Malta ħalli tiġi kkoordinata l-ħidma.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-istruttura tal-ħadid forma ta' grada f'nofs it-triq u li hija 'il fuq mil-livell tat-triq, fi Triq Malta, Għajnsielem hijiex koperta mill-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet u jekk le, ittieħdu l-passi neċessarji kontra min għamel dan ix-xogħol illegali f'din it-triq li qiegħda ta' periklu għal kulmin qed jagħmel użu minn din it-triq pubblika?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-gradilja msemmija tneħħiet. Ix-xogħlijiet l-oħrajn li saru fit-triq m'humiex ikkunsidrati bħala żvilupp għalkemm dawn jistgħu jirrikjedu permessi minn aġenziji u awtoritajiet pubbliċi oħrajn.
Jista' il-Ministru jgħid kif il-MEPA iddeċidiet li ma tirrifondiex ir-refund dovut lill-anzjan li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, meta kontrarjament għal dak li ntqal fit-tweġiba parlamentari oriġinali fuq il-każ, li ġew informati żewġ supritendenti ġimgħatejn qabel ma bdew ix-xogħlijiet u cioe fit-3 ta' Marzu, 2004, u ta' dan hemm prova li tinsab għand il-perit u l-arkitett ta' l-applikant? Ma jarax li dan huwa każ li għandu jiġi kkonsidrat biex ir-rimedju mistħoqq lill-persuna imsemmija jingħata?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-kundizzjonijiet tal-permess għall-iżvilupp riferut mill-Onorevoli Interpellant kienu jirrikjedu li l-perit/applikant jinfurmaw lis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u lill-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) bil-miktub ġimgħatejn qabel jibda x-xogħol ta' tħaffir fis-sit sabiex dawn l-aġenziji jwettqu moniteraġġ peress li s-sit jinstab f'żona skedata minħabba importanza arkeoloġika. L-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma ġietx infurmata kif stabbilit fil-permess. Għalhekk ġiet irtirata l-garanzija bankarja. Sa llum l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma rċeviet l-ebda evidenza li s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali kienet informata. Jekk jirriżulta li l-kundizzjonijiet tal-permess kienu fil-fatt osservati imqar mis-Sovrintendenza, l-Awtorità tikkunsidra li tirrifondi il-garanzija.
Jista' il-Ministru jispjega l-iskop wara t-tender maħruġ minnu għal xogħlijiet ta' bini ta' ċnut u asfaltar tal-boat hardstanding area b'Bengħajsa, l/o Birżebbuġa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi ma ħareġ ebda tender għal xogħlijiet ta' bini ta' ċnut u asfaltar tal-boat hardstanding area f'Bengħajsa.
Jista' il-Ministru jgħid liema xogħol qed isir mill-ELC fil-Kottonera?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Environment Landscaping Consortium (ELC) jieħdu ħsieb is-soft areas fit-toroq arterjali fil-Kottonera b'mod regolari kif ukoll il-kuntratti tal-Kunsilli Lokali tal-Kalkara u tal-Birgu.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19799, jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' dawk li għadhom ma tħallsux sa l-aħħar ta' April u għaliex ma tħallsux is-sussidji dovuti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li 66 produttur tal-laħam tat-tjur f'Malta u 6 produttur f'Għawdex tħallsu s-sussidju taħt l-iSpecial Market Policy Programme on Maltese Agriculture (SMPPMA) dovut lilhom sa l-aħħar ta' April. Is-sussidju dovut għax-xahar ta' Mejju għadu qiegħed jinħadem.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19793, ninforma lill-Ministru li qed issir riferenza għas-sussidji u għajnuna dovuta li l-ministeru, il-paying agency u l-gvern għadhom ma ħallsux lill-bdiewa.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Taħt l-iskema ta’ l-iSpecial Market Policy Programme on Maltese Agriculture (SMPPMA), il-bdiewa għandhom jirċievu sussidji minn Jannar sa Ġunju 2006. Peress li Ġunju għalaq riċentement il-pagamenti ma jistgħux isiru qabel isiru l-verifiki u l-kontrolli neċessarji. Taħt l-iskema ta’ l-iIntegrated Administration and Control System (IACS), liema pagamenti jitħallsu mill-Paying Agency,dawn qegħdin jiġu pproċessati skond kif titlob l-Unjoni Ewropea. Preżentement hemm 439 applikant.
Għajnuniet oħrajn li jistgħu jkunu pendenti minħabba verifiki huma pagamenti taħt l-iskema 3.1 (Investimenti fil-Biedja).
Fir-rigward tal-miżura ad hoc għad hemm 40 bidwi li għadhom ma tħallsux minħabba verifiki li qed isiru kif titlob l-Unjoni Ewropea.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19795, ninforma lill-Ministru li qed issir riferenza għas-sussidji u għajnuna dovuta li l-ministeru, il-paying agency u l-gvern għadhom ma ħallsux lir-raħħala.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Fil-każ tal-miżura ad hoc saru l-parti l-kbira ta' pagamenti lill-full-timers kollha, biss għad baqa’ 62 raħħal, li qed isiru l-kontrolli finali fuqhom minħabba l-fatt li uħud minnhom kellhom xi diskrepanzi waqt il-kontrolli li saru u għalhekk għadhom ma tħallsux.
Fir-rigward ta’ pagamenti oħrajn maħruġin mill-Aġenzija tal-Pagamenti jirriżulta li sebgħa u tletin (37) raħħal ma tawx informazzjoni dwar kontijiet bankarji lill-Ministeru u għalhekk il-pagamenti tagħhom għadhom pendenti. Ma' dawn hemm raħħal ieħor li s-sussidju tiegħu għadu pendenti għaliex ma kienx konformi mar-regolamanti. Ta’ min iżid li l-pagamenti ma jistgħux isiru jekk ma jsirx kontroll strett fuq l-informazzjoni mgħoddija mill-applikant.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19797, ninforma lill-Ministru li qed issir riferenza għas-sussidji u għajnuna dovuta li l-ministeru, il-paying agency u l-gvern għadhom ma ħallsux lill-produtturi tal-ħalib frisk.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-raħħala qed jitħallsu regolarment iżda fir-rigward tal-miżura ad hoc għad baqa’ 40 produttur tal-ħalib li għadhom ma rċevewx il-pagament. Qed isiru l-kontrolli finali fuq dawn minħabba l-fatt li uħud mir-raħħala kellhom xi diskrepanzi waqt il-kontrolli li saru u għalhekk għadhom ma tħallsux.
Fil-każ tal-miżura Meeting Standards l-applikazzjonijiet għadhom miftuħin.
Fir-rigward ta’ trobbija ta’ nagħaġ u mogħoż hemm 154 produttur li l-pagament tagħhom qed jiġi pproċessat. Dawn huma pagamenti li jaqgħu taħt l-iskema ewe premium.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19798, ninforma lill-Ministru li qed issir riferenza għas-sussidji u għajnuna dovuta li l-ministeru, il-paying agency u l-gvern għadhom ma ħallsux il-produtturi tal-laħam tal-majjal.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-produtturi tal-laħam tal-majjal jirċievu l-pagament tas-sussidju taħt l-iSpecial Market Policy Programme on Maltese Agriculture (SMPPMA) kull ġimgħa u l-aħħar pagament li sar kien għal ġimgha li spiċċat fis-16 ta' Ġunju.
Fir-rigward tal-miżura
ad hoc
saru l-parti l-kbira tal-pagamenti lill-
full-timers
kollha, biss għad baqa’ 14-il produttur tal-laħam tal-majjal, 13 Malti u 1 Għawdxi, li qed isiru l-kontrolli finali fuqhom u għalhekk għadhom ma tħallsux. Fil-każ tal-miżura
Meeting Standards
l-applikazzjonijiet għadhom miftuħin.