Legislature:
Category:
Reset
Active:

ETC — Reviżjoni ta' statistika tal-gainfully employed

Question

Billi għall-mistoqsija parlamentari preċedenti l-Ministru kien wieġeb li l-ETC se tissokkta fil-proċess ta' reviżjoni ta' l-istatistika tal-gainfully employed, jista' l-Ministru jgħid jekk din ir-reviżjoni hijiex se tisskotta fl-istess modalita' li kienet ġiet addottata taħt l-amministrazzjoni preċedenti u ċioe' mill-1997 lura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ETC ser tkompli taħdem fuq il-proċess tar-reviżjoni ta' l-istatistika tal-'gainfully occupied' billi tmur lura fiż-żmien u tirrevedi l-figuri sena b'sena. 16.11.98

ETC — Korsijiet dwar l-UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid, fid-dawl tar-rapporti tad-diskors li għamel is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo fuq il-mezzi tax-xandir nhar il-11 ta' Novembru, meta l-ETC beħsiebha tibda l-korsijiet dwar l-Unjoni Ewropea għall-kummerċjanti? Min se jagħmilhom? Kemm se jdumu? Fejn se jsiru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ETC beħsiebha tibda l-korsijiet dwar l-Unjoni Ewropea għall-kummerċjanti f'Marxu tas-sena d-dieħla. Il-korsijiet ser ikunu qosra f'forma ta' 'seminars'. Bħalissa qegħdin isiru arranġamenti biex jiġu identifikati postijiet f'lokalitajiet ċentrali fejn jistgħu jsiru dawn is-'seminars'. Bħalissa wkoll qegħdin isiru diskussijonijiet bejn l-ETC, is-Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru tas-Servizzi Ekonomiċi u d-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea biex jiġu identifikati persuni kompetenti biex imexxu dawn is-'seminars'. 16.11.98

Sigurta' Soċjali — Ommijiet xebbiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma n-numru ta' ommijiet xebbiet residenti f'Malta u Għawdex matul dawn l-aħħar għaxar snin sena b'sena? Kemm minn dawn għandhom aktar minn tifel jew tifla waħda? X'inhija l-assistenza addizjonali f'każijiet bħal dawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-liġi tas-Sigurta' Soċjali tipprovdi Għajnuna Soċjali lil dawk l-ommijiet xebbiet li jagħmlu talba għall-għajnuna. Id-dritt għal din l-għajnuna hi soġġetta għat-test tal-mezzi. Xebba omm tista' tirċievi wkoll l-Allowance għat-Tfal. F'kaz li din l-omm tkun qed tirċievi l-Għajnuna Soċjali, din tista' tagħmel xi xogħol li bejn l-Għajnuna li titħallas lill-omm b'wild wieħed u l-qliegħ mix-xogħol ma jaqbiżx il-paga Minima Nazzjonali. Ovvjament, fejn id-dħul f'xi ħin jaqbeż dak li hemm stipulat fil-Liġi, jew fejn ngħidu aħna din l-omm tiżżewweġ jew issib min imantniha, din l-għajnuna ma tibqax titħallas. Għaldaqstant, mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant. 11.11.98

Għomja — Għajnuna soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'policy għandu l-gvern sabiex jgħin lill-għomja u lill-għaqdiet tagħhom jintegraw fl-ambjent modern tas-soċjeta' tal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern jgħin lill-persuni għomja u l-għaqdiet tagħhom b'żewġ modi: (a) b'mod ġenerali, kif jgħin lill-persuni b'diżabilita u l-għaqdiet kollha tagħhom; (b) b'mod speċifiku, biex nieħdu konsiderazzjoni tal-bżonnijiet partikolari tal-persuni għomja. B'mod ġenerali l-Gvern qed jgħin lill-persuni għomja b'diversi servizzi li wieħed jista' jsib fil-ktejjeb Servizzi u Benefiċċji għall-Persuni b'Diżabilita'. Għal futur, il-Gvern qed jippjana li jintroduċi servizzi ġodda ta' assistenza personali, liema servizz ikun jinkludi l-persuni għomja ukoll. Il-Gvern preżenti hu fuq kollox impenjat, bħaż-żewġ amministrazzjonijiet preċedenti, li jgħaddi l-Ligi Opportunitajiet Indaqs li ma hemm l-ebda dubbju ser tkun pass kbir 'il quddiem biex noffru opportunitajiet indaqs lill-persuni b'diżabilita' kollha biex dawn ikunu jistgħu jgawdu mill-ogħla kwalita' ta' ħajja possibbli. Fir-rigward tal-għaqdiet tal-persuni b'dizabilita' (NGOs), inkluż dawk tal-persuni għomja, l-Gvern joffri diversi miżuri fosthom: * sussidju fuq il-posta tagħhom; * rappreżentanza permezz tal-Federazzjoni fuq il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' u * inizjattivi li jkun hemm bżonn minn żmien għal żmien. Per eżempju, l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' preżentament qed toffri kors bażiku fuq il-kompjuters lill-volontieri tal-NGOs. Jekk ikun hemm talba minn persuni għomja, l-Kummissjoni hi impenjata li toffri lilhom ukoll. Għall-futur, din l-amministrazzjoni hi impenjata wkoll li tgħaddi Liġi dwar l-Għaqdiet Volontarji li naturalment jinkludi l-għaqdiet għall-persuni għomja. Fir-rigward ta' miżuri għall-persuni għomja partikolarment, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' taħt l-amministrazzjoni preċedenti u matul din is-sena finanzjarja, għaddiet Lm8,000 lira lill-Fondazzjoni Klieb Gwida u Servizzi għall-Persuni Għomja. Il-Gvern qed jistenna rapporti mingħand din il-Fondazzjoni biex nkunu f'posizzjoni ahjar ħalli naraw x'għajnuna oħra nistgħu nagħtu lil din il-Fondazzjoni. Barra minn hekk il-Gvern lest li jikkonsidra b'mod ġust suġġerimenti u inizjattivi li jkollhom bħala għan, titjieb fil-kwalita' ta' l-edukazzjoni, impieg, mobilita' u aspetti oħra fil-ħajja ta' persuni għomja. 11.11.98

Djar — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru 1998 sat-28 ta' Ottubru 1998 fid-Dipartiment tad-Djar? Jista' jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 281. Nassigura lill-Onor. Membru li kwalunkwe trasferimenti li jistgħu jsiru fil-futur ikunu skond l-eżiġenzi tas-Servizz. 11.11.98

Servizz Ċivili — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru, 1998 sat-28 ta' Ottubru, 1998 fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 281. Nassigura lill-Onor. Membru li kwalunkwe trasferimenti li jistgħu jsiru fil-futur ikunu skond l-eżiġenzi tas-Servizz. 11.11.98

San Vinċenz de Paule — Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imdaħħla anzjani ġodda bħala residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paule u fid-djar lokali ta' l-anzjani li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Gvern mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn ġew imdaħħla direttament min xi sptar ieħor governattiv u kemm minn dawn ġew imdaħħla direttament mid-dar tagħhom privata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998, fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule ġew ammessi 43 anzjan. Dawn ġew ammessi kif imsemmi hawn taħt: Mill-Isptar San Luqa 26 anzjan Mill-Isptar Żammit Clapp 5 anzjani Mill-Gżira Home 1 anzjan Mill-Komunita' 11 anzjan Fl-istess perjodu, fid-Djar ta' l-Anzjani li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tal-Gvern, daħlu sitt anzjani ġodda. Dawn kollha ġew ammessi ġewwa d-Djar ta'l-Anzjani direttament mid-Dar tagħhom privata. 11.11.98

Awtorita' tad-Djar — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 ma' l-Awtorita' tad-Djar? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 281. Nassigura lill-Onor. Membru li kwalunkwe trasferimenti li jistgħu jsiru fil-futur ikunu skond l-eżigenzi tas-Servizz. 11.11.98

Djar — Akkomodazzjonijiet alternattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-Housing Authority għall-akkomodazzjoni alternattiva sat-30 ta' Ottubru? Minn liema lokalitajiet ġejjien? X'inhuma r-raġunijiet għalfejn qed tintalab akkomodazzjoni alternattiva: eżempju mard, nuqqas ta' spazju, kondizzjonijiet substandard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda l-informazzjoni mitluba. 11.11.98

Djar — Housing units

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm beħsiebu jipprovdi housing units id-Dipartiment tal-Housing din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma jistax ikun jaf minn qabel kemm ser ikollu 'Housing Units' għax dan jiddependi minn kemm jitbattlu postijiet tal-Gvern jew taħt rekwiżizzjoni matul is-sena. 11.11.98

Djar — Chairman

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta' impjieg taċ-Chairman tal-Housing Authority flimkien mas-CV tal-persuna konċernata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kif mitlub, il-'Curriculum Vitae'ta' Ms Marisa Micallef Leyson li għadha kif inħatret bħala 'Chairman' tal-'Housing Authority'. Il-ħatra ta' 'Chairman' tal-'Housing Authority' issir skond id-dispożiżżjonijiet ta' Sezzjoni 5 (i) ta' l-Att dwar l-Awtorita' tad-Djar u ma tinvolvi l-ebda kuntratt ta' mpjieg. 11.11.98

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, se tibbenefika mill-miżura dwar il-pensjonijiet tas-servizzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru illi l-persuna minnhu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar ir-rata ta' pensjoni tas-Sigurta' Soċjali li qed tirċievi. Saret stima mill-ġdid bl-aħħar emendi li kien hemm f'Ottubru tan-1997 (Miżura dwar il-pensjonijiet tas-servizz). 11.11.98

Impjiegi — Kors ta' social workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif beħsiebu jinċentiva studenti biex: 1) jattendu għall-kors ta' social workers fl-Universita; 2) jinkoraġixxi lil dawn l-istudenti biex jispiċċaw il-kors?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sa mill-1996, id-Dipartiment tal-Familja u Ħarsien Soċjali beda jdaħħal numru ta' studenti tas-'social work' mill-Universita' taħt is-'Social Support Workers' Scheme'. Taħt din l-iskema filwaqt li l-istudenti jistudjaw it-teorija l-Universita', ikollhom l-opportunita' biex jitħarrġu fil-qasam tas-'social work'. Madanakollu, d-dipartiment joħroġ applikazzjonijiet għall-post ta' 'Registered Social Worker I' u dawk l-istudenti li jtemmu jew li ser ikunu jtemmu l-'course' b'suċċess fil-futur qarib, ikunu eliġibbli sabiex japplikaw għal dan il-post. 11.11.98

Sigurta' Soċjali — Children's allowance

Question

Jikkonsidra l-Ministru li fil-budget li ġej isiru emendi biex jipprovdu għall-każ fejn kap tal-familja, li minkejja li jkun qed jaqla' aktar minn Lm10,000 fis-sena, ma jkunx qed isostni l-familja u l-omm xorta waħda ma tieħux iċ-children's allowance? Jaħseb il-Ministru li jeżistu każi bħal dawn fejn l-omm u t-tfal qed jiġu diskriminati mhux biss mill-kap tal-familja iżda wkoll mil-liġi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-obbligu ta' manteniment f'każ ta' persuna miżżewġa lil parti l-oħra fiż-żwieġ hu fondat fil-Liġi. Dan ifisser li fejn mara miżżewġa tipprova għas-sodisfazzjon tad-Direttur tas-Sigurta' Soċjali li qiegħda tieħu passi legali għall-infurzar tal-manteniment, din il-persuna tkun intitolata għall-Allowance tat-Tfal jekk tissodisfa t-test tal-mezzi. 11.11.98

Furjana — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet it-tiswija tas-saqaf tad-djar ta' l-anzjani tal-Furjana taħt l-Amministrazzjoni Nazzjonalista ta' qabel Ottubru 1996? Kemm kien ippjanat oriġinarjament li jdum jissewwa dan is-saqaf u kemm effettivament dam? Kemm sewa lill-Gvern Nazzjonalista t-trasferiment ta' l-anzjani konċernati f'hotels privati matul dan il-perjodu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment mhux f'pożizzjoni li jgħid la kemm ġiet tiswa t-tiswija tas-saqaf tad-Dar ta' l-Anzjani tal-Furjana qabel Ottubru 1996 u lanqas kemm sewa t-trasferiment ta' l-anzjani konċernati sakemm tlesta x-xogħol. Wara stħarriġ sar magħruf li x-xogħol fuq is-soqfa sar bejn l-1991 u l-1992 u dam madwar tmin xhur. X'uħud mill-anzjani ġew trasferiti fis-Sa Maison Hotel, Pieta'għall-perjodu qasir, oħrajn f'xi lukanda fil-Gżira, u oħrajn imqassmin fid-Djar ta' l-Anzjani l-oħra. 11.11.98

Anzjani — Djar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm swew biex inbnew dawn id-djar ta' l-anzjani: 1) id-dar ta' l-Imsida; u 2) id-dar ta' l-Imtarfa (iż-żewġ fażijiet f'daqqa)? X'inhuma l-bed capacities għal dawn iż-żewġt idjar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. Id-Dar ta' l-Imsida ġiet tiwsa Lm720,000 u tesa' 50 persuna. 2. Id-Dar ta' l-Imtarfa li tinkludi 'Day Centre', kappella u parkeġġ taħt l-art ġiet tiswa' Lm1,450,082 u tesa' 106 persuna. 11.11.98

Sptar San Vincenz — Apprendisti Mastrudaxxi

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni jekk hemmx vakanzi għal mastrudaxxi u welders fl-Isptar San Vincenz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li fir-Residenza San Vinċenz teżisti vakanza waħda ta' 'welder' u li jista' jkun hemm bżonn ta' aktar mastrudaxxi fil-futur qarib. 11.11.98

Djar — Allokazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati postijiet mis-6 ta' Settembru 1998 sat-28 ta' Ottubru, 1998? Jista' l-Ministru jgħid mil-liema lokalitajiet ġew allokati dawn il-postijiet? Jista' f'numri jgħid mil-liema lokalitajiet huma dawk li gawdew mill-allokazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi saru 5 allokazzjonijiet imqassma kif ġej:- APPLIKANT MINN ALLOKATI Gzira Gzira Qormi Qormi Rabat Rabat Cospicua Cospicua M'Scala Valletta 10.11.98

CSA — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm impjegati bħalha Casual Social Assistants ingħataw transfer mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 u kemm min dawk trasferiti rriżenjaw mill-impjieg tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru totali ta' trasferimenti ta' Assistenti Soċjali Każwali bejn is-6 ta' Settembru 1998 u t-28 t'Ottubru 1998 kien 46 li jfisser li 26 ħarġu jaħdmu fil-komunita' u l-20 l-oħra ddaħħlu jaħdmu ġod-Djar ta' l-Anzjani jew 'Day Centres'. Ħadd minn dawn ma rreżenja. 10.11.98