Legislature:
Category:
Reset
Active:

Maltacom — Free unlimited calls

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma u x'jisimhom dawk il-persuni li jgawdu minn free unlimited calls mill-Maltacom? Jista' jgħid kull persuna kemm-il linja tal-mobile u linja fissa jipposedu? Jista' jingħata rendikont dettaljat ta' l-infiq minn kull persuna fuq kull linja tul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Air Malta — Free flight tickets

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma u x'jisimhom dawk il-persuni li jgawdu minn free flight tickets mil-linja nazzjonali Air Malta? Jista' jgħid kull persuna kif tikkwalifika biex tgawdi minn dan il-benefiċċju? Jista' jgħid separatament kemm dawn il-persuni għamlu użu minn dawn il-free flight tickets tul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Dipartiment tad-Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jara li s-sistema ta' drainage ġo dar li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandhiex xi ħsara? Dan għaliex ġo ħafna djar, partikolarment ġo dawk li qed insemmi separatament, qed jidħol ħafna drenaġġ kull meta tagħmel ix-xita.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tagħmel tindif tas-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi biex telimina dawn il-problemi.

WSC

Question

Jista' il-Ministru jara li meta jsir xogħol ta' trinek mid-WSC minħabba xi main renual jew biex tiġi rranġata xi ħsara f'toroq bit-tarmac u manutenzjoni tat-triq isir kif suppost u t-tarmac li jintuża biex timtela t-trinka jiġi compacted u t-trinka sealed kif suppost?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ L-Ilma dejjem qiegħda tara kif ittejjeb l-operat tagħha fejn jidħol xogħol fit-toroq. Korsijiet ta’ taħriġ għall-impjegati li jaħdmu f’dan il-qasam isiru minn żmien għall-ieħor. Hemm ukoll servizz ta’ Quality Assurance fuq kuntratturi li jqiegħdu l-mains ġodda. Barra minn hekk, il-Korporazzjoni bħalissa għaddejja f’taħdidiet mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex jiġi aġġornat il-kuntratt li kellha fis-snin li għaddew mal-Kunsilli Lokali. Permezz ta’ dan il-kuntratt ikunu l-kuntratturi tal-Kunsilli li jagħmlu x-xogħol tal-kisi mill-ġdid ta’ wiċċ tat-trinek li jitħaffru għall-manutenzjoni u il-ħlas isir mill-Korporazzjoni.

Enemalta — Surcharge fuq id-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21612 u jgħid kemm daħħlet flus l-Enemalta mis-surcharge fuq il-konsum tad-dawl u l-ilma? Jista' jaqsam id-dħul mis-surcharge mid-domestic consumption, i.e. tal-familji, hotels u fondi kummerċjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Preżentaturi fuq it-televiżjoni — Multi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm preżentaturi fuq it-televiżjoni weħlu multi għax kisru l-linji gwida ta' l-awtorita' mill-2000 sal-lum? Liema kienu l-preżentaturi? X'kienet l-akkuża? Kemm weħlu f'multi?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Malta Shipyards — Executives

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm u min huma l-impjegati barranin li jaħdmu fil-grad ta' executives mal-Malta Shipyards Ltd.? X'pagi għandhom? Xi fringe benefits għandhom? Jista' jgħid min ħa t-tender tal-ħaddiema barranin tal-Malta Shipyards Ltd.?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hemm tlett barranin li jaħdmu mal-Malta Shipyards fil-grad ta' executives li l-pakketti finanzjarju tagħhom ivarjaw minn Lm40,000 sa Lm70,000 b'allowance għall-akkomodazzjoni li jvarja minn Lm5,000 sa Lm9,600. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija nitlob lill-interpellant jispeċifika liema 'Tender tal-ħaddiema barranin' qiegħed jirreferi għalih.

Kontijiet tad-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li l-patrijiet li joqogħdu l-kunvent ma jħallsux rati ta' dawl u ilma b'rati kummerċjali iżda b'rati domestiċi bħalma jagħmlu qassisin djoċesani, ie kif jidher fil-korrispondenza li qed tintbagħat separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li fiċ-ċirkostanzi partikulari ta' dan il-każ, ser jittieħdu passi biex il-kont imsemmi jibda jinħadem bir-rati applikabli għal organiżżazzjonijiet filantropiċi.

Rabat — Three phase ta' l-elettriku

Question

Jista' il-Ministru jara l-każ ta' bidwi part-time mir-Rabat li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jixtieq idaħħal three phase ta' l-elettriku u qed jintalab iħallas Lm2,700 għal transformer ġdid? Is-somma mitluba hija minnha u tajba?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-istima hi korretta u ġiet maħduma skond l-Electricity Supply regulation.

Kontijiet tad-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn azjendi jew organizzazzjonijiet li jaħdmu bi qligħ li għandhom kontijiet pendenti mal-WSC u/jew Enemalta bħalissa? Kemm hemm azjendi li nqatalhom id-dawl jew ilma din is-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Onor. Interpellant naħseb jaf li jien ma nafx liema ażjendi 'jaħdmu bi qliegħ' u għalhekk ma nistax nirrispondi d-domanda tiegħu.

Delimara — Power Station

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsarat li qegħdin ibaxxu l-effiċjenzi tal-power station ta' Delimara, kemm fit-turbini kif ukoll fil-combined cycle? X'inhuma dawn il-ħsarat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li m'hemmx ħsarat li qegħdin ibaxxu l-effiċjenza tal-Power Station ġewwa Delimara.

Dipartiment tad-Drenaġġ — Jetting bowsers

Question

Jista' il-Ministru jgħid mingħand liema kuntrattur qegħdin jiġu mikrija l-jetting bowsers mid-dipartiment tad-drenaġġ? Kemm tħallas il-kuntrattur għal dan is-servizz matul dawn l-aħħar 12-il xahar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kuntratti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar outsourcing u kuntratti simili jew anċillari għall-proviżjon ta' servizzi mill-ministeru, mid-dipartimenti u mill-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru tiegħu matul is-snin 2004, 2005 u 2006? Min kienu l-kumpanniji, individwi, firms, etc. li ħadu dan ix-xogħol (outsourcing u kuntratti ta' proviżjoni ta' servizzi )matul l-istess snin u perijodi? Kemm tħallsu kull individwu u/jew ente li rċeviet xogħol bħal dan mill-ministeru, dipartiment jew ente li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu matul dawn l-istess perijodi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

PBS

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21041, 21249 u 21525 u jgħid kemm qed toħroġ flus fi produzzjonijiet farmed out il-kumpannija PBS? X'persentaġġ huma dawn il-flus tan-nefqa tal-PBS fuq produzzjoni tal-programmi tagħha għall-iskeda kurrenti tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Servizz tad-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jara li jingħata dawl u ilma lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li ma tistax tidħol fil-post minħabba n-nuqqas ta' dawn is-servizzi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-servizzi tad-dawl u ta' l-ilma ingħataw lill-persuna msemmija fl-1 ta' Novembru 2006.

SmartCity

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-area li llum tifforma r-Rinella fun and film park/s jew studios hijiex se tkun parti mill-proġett ta' SmartCity? Jista' jgħid ukoll preżentement ir-Rinella fun and film park/s jew studios minn min qed jiġu mmexxija u b'liema kondizzjonijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-art indikata ma tagħmilx parti mill-art li kienet inkluża fil-ftehim preliminari ma Tecom Investments dwar il-proġett ta' SmartCity. Rigward il-partijiet l-oħra tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru delegazzjonijiet mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2006? X'kienet ir-raġuni ta' kull safra, minn min kienet komposta u x'kienet l-ispiża ta' kull safra?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika x'qed jifhem bil-kelma 'delegazzjonijiet' ħalli nkun nista' ntih l-informazzjoni li jixtieq.