Legislature:
Category:
Reset
Active:

Direttorju ta’ nisa professjonisti

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11029, tista’ l-Ministru tgħid x’inizjattivi konkreti (minbarra l-imsemmi direttorju) se jkun qed jieħu dan il-Gvern, b’mod partikolari l-Ministeru tagħha, sabiex iħeġġeġ lil min qed iħaddem sabiex jaħtar aktar membri nisa fuq bordijiet, kumitati, kummissjonijiet jew pożizzjonijiet oħra li jinvolvu t-teħid ta’ deċiżjonijiet? Tista’ tgħid ukoll b’mod konkret x’qed tagħmel sabiex fil-ministeri u dipartimenti tal-gvern jinħatru aktar nisa fuq bordijiet, kummissjonijiet jew pożizzjonijiet oħra li jinvolvu t-teħid ta’ deċiżjonijiet?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor Interpellanta li l-Gvern diġa’ ħa u qed ikompli jieħu miżuri konkreti dwar il-parteċipazzjoni ta’ aktar nisa’ fid-dinja tax-xoghol inkluz f’pozizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Aktar ma jkun hemm nisa fid-dinja tax-xoghol aktar se jkun hemm nisa li jkomplu bil-progression taghhom u jkunu f’pozizzjonijiet ta tehid tad-decizjonijiet. Meta dhalna fil-gvern biddilna l-posizzjoni uffiċjali ta’ pajji¿na fir-rigward tal-iskop tad-Direttiva proposta mill-Kummissjoni Ewropea sabiex kumpaniji reġistrati (listed companies) iżidu l-ammont ta’ nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Dan il-Gvern għaraf li miżuri obbligatorji għall-kumpaniji jħeġġu iktar azzjonijiet u miżuri sabiex aktar nisa jilħqu dawn il-pożizzjonijiet. Il-gvern precedenti kien qed joggezzjona ghal din il-proposta. Dan il-Gvern għaraf ukoll li jekk verament nemmnu fil-parteċipazzjoni tan-nisa’ f’posizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċizjoni, l-ewwel pass għandu jkun li aktar nisa’ jingħataw l-opportunita’ li jipparteċipaw f’edukazzjoni għolja, tharig u l-ħajja tax-xogħol. Dan il-Gvern qed jaħdem biex nergħu nagħtu r-ruħ lil Kummissjoni dwar l-Promozzjoni tal-Ugwaljanza li taħt Gvern Nazzjonalista spiccat f’Kummissjoni li tagħmel ir-rapporti minn fondi tal-Unjoni Ewropeja minghajr ma tinghata importanza lil policies ġodda li jwasslu għal titjib f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni dwar il-Promozzjoni tal-Ugwaljanza ser tinbidel fl-Kummissjoni għad-Drittijiet Umani u Ugwaljanza li ser tkun independenti mill-Gvern. Fl-istess waqt għal baġit tal-2015 diġa’ ġie imħabbar it-twaqqif ta’ Direttorat għal Integrazzjoni li l-għan prinċipali tiegħu ser ikun l-ugwaljanza u l-inklużjoni ta’ kull persuna kif ukoll titjib fid-drittijiet ċivili u parteċipazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum inkluz ix-xogħol, f’kull qasam u f’kull attivita’. L- eżempji konkreti ta’ mi¿uri favur l-parteċipazzjoni tan-nisa’ fil-ħajja tax-xogħol qeghdin ukoll fid-diskors tal-bagit ta din is-sena u għas-sena d-dieħla. .

Proġett ta’ Gender Balance in Decision Making

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11031 kif ukoll b’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 10489 sa 10494, 10550 sa 10573, 10575, 10576, 10581 sa 10599, u 10687 sa 10689, u fid-dawl tal-fatt li kważi ebda membru tal-Kabinett ma kien kapaċi jwieġeb dawn il-mistoqsijiet għaliex ma fehmx il-kunċett ta’ gender balance in decision making, u fid-dawl li Malta niżlet 15-il post fil-Global Gender Gap Report 2014 u issa tinsab fid-99 post minn 142 pajjiż, tista’ l-Ministru tgħid x’qed tagħmel biex teduka aktar lill-membri tal-Kabinett dwar xi tfisser pożizzjoni ta’ deċiżjoni u x’se tagħmel biex il-gender gap ta’ pajjiżna titjieb?

Response (DALLI, HELENA)

Hija sfida biex indawru ħamsa u għoxrin sena ta’ staġnar fis-settur u kif żgur tifhem l-Onorevoli Interpellant, il-pożizzjoni ta’ Malta fil-Global Gender Gap Report 2014 ma tistax tinbidel sostanzjalment f’qasir żmien. Barra minn hekk, ir-rapport tal-2014 jinkludi aktar pajjiżi mis-snin ta’ qabel u dan il-fatt affettwa il-klassifikazzjoni kollha. Irridu ngħidu ukoll li pajjiżi li ġew ikklasifikati qabel Malta, bħaż-Żimbabwe, is-Senegal, il-Kenja u l-Uganda huma kkunsidrati fost l-agħar fid-dinja fejn tidħol inċidenza għolja tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, rata tal-mortalità tat-tfal, żwieġ tat-tfal, rata ta’ stupri u lista ta' vjolazzjonijiet oħra tad-drittijiet tal-bniedem u tan-nisa speċjalment, li dan ir-rapport ma jieħux in kunsiderazzjoni meta jikklassifika l-pajjiżi. Nagħrfu li għad hemm xi jsir, speċjalment meta nitkellmu dwar ir-rappre¿entazzjoni politika u ekonomika tan-nisa, jiġifieri l- “gender balance in decision making ” imsemmija fil-PQ. Dan il-gvern huwa mpenjat li jsaħħaħ l-ugwaljanza fis-soċjetà tagħna u diġa implimenta għadd ta' miżuri li jindirizzaw din il-kwistjoni. Inqas minn sentejn ilu, il-ġenituri kellhom jagħżlu bejn li jistudjaw jew jaħdmu, u t-trobbija tat-tfal minħabba l-ħlas taċ- childcare ; u ttieħdet azzjoni limitata biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa: żewġ aspetti li jinfluwenzaw l- empowerment tan-nisa u għażliet oħra li n-nisa jagħmlu fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom f’pożizzjonijiet ta’ deċiżjoni u s-suq tax-xogħol. Konkretament, dan il-gvern qed joffri servizzi taċ-Childcare b’xejn għall-ġenituri kollha li jaħdmu u/jew jistudjaw, u breakfast clubs fl-iskejjel kollha jippermettu aktar għażliet lill-ġenituri li jaħdmu. Dan il-gvern intrabat għal aktar ħidma fil-qasam tal-vjolenza permezz tar-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul li tindirizza l-vjolenza bba¿ata fuq sess u/jew ġeneru ( gender-based violence ). Qiegħed ukoll titneħħa d-diskriminazzjoni u jiżdiedu l-opportunitajiet għan-nisa. Dawn huma miżuri u inizjattivi bl-iskop li jitnaqqas d-distakk bejn is-sessi u dawn diġà qed ikollhom effett posittiv kif jidher mill-istatistika riċenti tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar ir-rata ta’ nies li jaħdmu, li turi li r-rata ta' nisa b’impjieg full-time żdiedet b’5.8 fil-mija f’sena bejn Ġunju tal-2013 u Ġunju tal-2014. Dawn huma kollha deċiżjonijiet meħuda mill-Kabinet.

Ħaddiema impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi kemm ġew impjegati nies ġodda full-time u part-time separatament fl-2014 sal-aħħar ta’ Ottubru fil-Ministeru u s-Segretarjat tagħha kif ukoll f’dawn l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-istess Ministru: a. Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD); b. Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC); c. Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE); d. Kummissjoni għall-Għaqdiet Volontarji; e. Kunsill għas-Settur Volontarju; f. Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA); u g. Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta' Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-membri tal-istaff fis-Segretarjat Privat tiegħi huma kif stabbiliti fid-dokument Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward l-entitajiet msemmija fil-mistoqsija parlamentari dawn huma n-numru ta’ persuni li gew impjegati ħafna minnhom bħala replacement : Full-time Part-time MCESD MEUSAC NCPE NGOs VO OHSA Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta Xejn 4 6 Xejn 1 5 5 Xejn 1 0 Xejn 0 0 0

NCPE – mentoring programme

Question

Tista’ l-Ministru tgħid hemmx ħsieb li jibda l-mentoring programme tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) għan-nisa u tfajliet? Kien hemm sejħa għall-applikazzjonijiet f’dan ir-rigward? X’inhi r-raġuni li dan il-programm għadu ma bediex?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li s-sejħa għall-applikazzjonijiet tal-Mentoring Programme kienet miftuħa bejn l-14 u t-28 ta’ Novembru. Wara sejħa, l-NCPE irċievet b’kollox 135 applikazzjoni għas-sejħa tal-mentors u 60 applikazzjoni għas-sejħa tal-mentees. Ir-raġuni għaliex għadu ma bediex il-Mentoring Programme hi minħabba dewmien fil-proċeduri ta’ procurement ta’ DT-NCPE/05/2014 – Provvediment ta’ Servizzi ta’ Taħriġ u Seminar għall-Proġett FSE3.196 – ‘Bilanċ bejn is-Sessi fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet’. Dan dovut għal fatt li wieħed mill-bidders appella d-deċi¿joni meħuda mill-Kumitat tal-Evalwazzjoni.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — safar

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11023, minħabba li l-ispejjeż għas-safar jittieħdu minn fondi pubbliċi mħallsa mill-poplu u minħabba li l-Prim Ministru wiegħed Gvern trasparenti, tista’ l-Ministru twieġeb u tgħid, minn Marzu 2013 sal-lum kemm-il darba siefret, għal liema konferenza, għal kemm ġranet u kemm kienet in-nefqa ta' kull vjaġġ u n-nefqa totali fuq l-ivvjaġġar? Minn min kienet akkumpanjata u x'kienet il-kariga tal-persuni li siefru magħha? Tista’ tgħid ukoll jekk il-booking tat-titjiriet u lukandi sarux permezz ta’ aġenziji tal-ivjaġġar? Jekk iva, liema huma dawn l-aġenziji? Kien hemm sejħa għall-kwotazzjonijiet jew saru b’direct order?

Response (DALLI, HELENA)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza – Kummissarju/Direttur Eżekuttiv

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 11026 u tgħid kif il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandha żewġ rwoli fi ħdan il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE)? Kif jista' jkun li l-istess persuna hija Kummissarju u Direttur Eżekuttiv? Kemm qed titħallas biex tkun Kummissarju u kemm qed titħallas biex tkun Direttur Eżekuttiv?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li m’hemm xejn x’jiżdied mar-risposta parlamentari 11026.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — impjiegi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11538 tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tagħha, inkluż dipartimenti tal-Gvern, entitajiet pubbliċi u awtoritajiet, bejn id-9 ta' Marzu 2013 u l-1 ta' Ottubru 2014? Tista’ tgħid kemm minn dawn il-ħaddiema ġew minn entitajiet pubbliċi u kemm ġew mill-privat jew kienu qegħdin ifittxu xogħol?

Response (DALLI, HELENA)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili -Affarijiet Barranin – applikazzjonijiet għal Fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’applikazzjonijiet saru mill-Ministeru tagħha għall-fondi tal-Unjoni Ewropea? Għal xiex inhuma l-applikazzjonijiet? Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju waslu l-applikazzjonijiet, ċjoè jekk ġewx approvati jew le?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li saret applikazzjoni għal proġett mill- Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi. Il-proġett ‘IF 2013-17 Mind D Gap’ ġie approvat.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – Segretarjat Privat – Customer Care

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fis-Segretarjat Privat li huma inkarigati mill-Customer Care?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-membri tal-istaff fis-Segretarjat Privat tiegħi huma kif stabbiliti fid-dokument Engagement of Staff for Ministers’ Secretariatsli kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCCAA – ċilindri tal-LPG — Spezzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba uffiċjali tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) spezzjonaw l-impjant taż-żewġ kumpaniji li jibbottiljaw l-LPG matul din is-sena? Tista’ tikkonferma li ċ-ċilindri kienu qegħdin jimtlew skont il-qies taċ-ċilindri? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti u riżultati tal-aħħar spezzjonijiet li saru?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li saru 13 il-spezzjoni fuq l-impjant taż-żewġ kumpaniji li jibbottiljaw l-LPG matul din is-sena, fuq ċilindri tat-12 il-kilo u nstab li dawn iċ-ċilindri qed jimtlew kif suppost. Saru wkoll 2 spezzjonijiet, waħda f’kull impjant, fuq l-imwieżen skont ir-regolamenti tal-avviż legali 223 tat-2011, u nstab li kienu tajba. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati tal-ispezzjonijiet li saru fuq iċ-ċilindri.

MCCAA – Tribunal tal-Appell – każijiet pendenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba ltaqa’ t-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur matul din is-sena u kemm-il każ pendenti hemm quddiem dan it-Tribunal?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li r-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.

MCCAA –Tribunal tal-Appell – membri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-membri fuq it-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur u kemm-il darba kull wieħed minnhom ġie msejjaħ mill-President tat-Tribunal biex jattendu seduti? Tista’ tgħid kemm kienet l-onorarja ta’ kull membru ta’ Tribunal matul is-sena 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li r-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.

Strateġija Nazzjonali dwar l-Edukazzjoni tal-Konsumatur — proċess

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess dwar l-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Edukazzjoni tal-Konsumatur, liema proċess kien fi stadju avvanzat taħt l-amministrazzjoni preċedenti?

Response (DALLI, HELENA)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija numru 3771, kien konkluż li hemm bżonn tinħloq entità separata fl-Awtorità li tkun responsabbli mill-edukazzjoni u r-riċerka fuq kull qasam li jaffettwa lill-Konsumatur u mhux bħala direttorat f’waħda mill-entitajiet. L-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur se jkun varat għall-konsultazzjoni.

MCCAA – spezzjonijiet fi stabbilimenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm każijiet matul din is-sena fejn spetturi tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur (MCCAA) waqt spezzjonijiet li saru f’kull tip ta’ stabbiliment sabu li dawn l-istabbilimenti ma kellhomx il-prezz tal-oġġetti għall-bejgħ espost kif rikjest mil-liġi? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn l-istabbilimenti li ma kinux konformi? Tista’ tgħid x’azzjonijiet ittieħdu fuq kull każ?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li matul din is-sena kien hemm 198 stabbiliment li ma kellhomx il-prezz tal-oġġetti għall-bejgħ espost kif rikjest mil-liġi. Minn dawn 154 stabbiliment ingħataw twissija verbali, 141 twissija bil-miktub waqt li fi tliet każi ġew istitwiti proċeduri kriminali skont il-liġi. Tnejn minn dawn il-każijiet ġew deċiżi u n-negozjanti nstabu ħatja, waqt li fit-tielet każ il-kawża ġiet appuntata għax-xahar ta’ Diċembru.

Għaqda tal-Konsumatur – għajnuna mill-Gvern

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11814, tista’ l-Ministru tagħti l-indirizz tal-allokazzjoni u meta l-Għaqda tal-Konsumatur daħlet fil-post imsemmi?

Response (DALLI, HELENA)

L-indirizz mitlub fil-mistoqsija parlamentari huwa 149 Old Bakery Street, Valletta.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – Customer Care

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm nies li għamlu kuntatt mal-Customer Care tal-Ministeru minn April 2013 u jagħti breakdown tat-talbiet li saru?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta tgħid xi trid tfisser bija l-kelma “ kuntatt”.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Libertajiet Ċivili u Affarijiet tal-Konsumatur — xiri ta’ biljetti minn kumpanija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11938, tista’ l-Ministru tgħid kemm kien il-valur eżatt tal-biljetti għas-7 okkażjonijiet imsemmija?

Response (DALLI, HELENA)

Jekk l-Onorevoli Interpellanta tinnota sew it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari li qed tagħmel referenza għaliha, hemm il-valur medju ta’ kull biljett tal-ajru mixtri. Għaldaqstant m’għandi xejn aktar xi nżid ma’ dik it-tweġiba.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — spejjeż ta' assigurazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-ispejjeż tal-assigurazzjoni fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tagħha, sew jekk huma dipartimenti, aenziji, kumpaniji, awtoritajiet u l-korporazzjonijiet għas-sena 2013 u 2014 (sad-data tal-mistoqsija) u tagħti d-dettalji tal-ammonti imħallsa/invoiced u l-aġenziji/brokers tal-assigurazzjoni li mingħandhom qed jittieħed is-servizz?

Response (DALLI, HELENA)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – mobile phones mħallsa mill-Gvern

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni fis-Segretarjat, inkluż il-Ministru, li għandhom mobile telephone imħallas mill-Gvern? Tista’ tgħid kemm kienet in-nefqa globali minn April 2013 s’issa?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — xiri ta' biljetti tal-ajru

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, b’mod separat, liema kienu l-aġenziji tal-ivvjaġġar li mingħadhom inxtraw il-biljetti tal-ajru tal-Ministeru, id-Dipartimenti, l-entitajiet, l-aġenziji, il-koporazzjonijiet, l-awtoritajiet, il-kummissjonijiet, il-kumpaniji, u l-fondazzjonijiet li jaqgħu taħtha u kemm kien il-ħlas f’kull każ? Tista’ tagħti din l-informazzjoni għas-snin bejn l-2004 u l-2012, sena b’sena b’mod separat? Tista’ tgħid kemm tħallset kull aġenzija b’mod totali fis-snin indikati? Tista’ tgħid f’kull każ jekk il-ħlas sarx b’direct order jew le?

Response (DALLI, HELENA)

Qed npoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.