Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Fidi ta' ċens

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid għaliex il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għadha ma ġietx informata meta tista' tifdi ċ-ċens tad-dar fejn toqgħod minkejja li ilha li applikat il-Joint Office madwar sena ilu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Intern u l-Ambjent.

Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid għaliex il-persuna li hi single mother b'erbat itfal u li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, mhux qed titħalla tuża l-bejt tal-blokk meta din għandha bżonnu biex tnixxef il-ħwejjeġ? Billi din il-persuna għandha biss aċċess għall-bitħa interna żgħira li hi dellija u allura ma tistax tnixxef fiha, possibbli titħalla tuża l-bejt ukoll?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi skond il-kuntratt tal-kiri, l-persuna ndikata għandha dritt tuża l-bejt.

Djar — Meter tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li sid il-flat, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, u li hi single parent b'erbat itfal għandha l-meter tad-dawl u l-ilma fi flat ieħor li hu okkupat minn xi ħaddieħor? Jista' jiġi trasferit għall-flat tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien informat li r-raġuni li l-meter indikat mill-Onor. Interpellant qiegħed f'blokk ieħor kien li dan l-appartament li jinsab fil-ground floor ma setax jingħatalu aċċess għat-tromba komuni ta' l-appartamenti ta' ma ġembu minħabba d-diżlivell bejn l-art tal-flat u l-art tat-tromba komuni. Madanakollu jien informat li l-inkwilini għandhom ċ-ċwievet tal-bieb u tal-meter cupboard u għalhekk m'hemm ebda diffikulta biex ikollhom aċċess għal dan il-meter. Għaldaqstant mhux possibbli li l-meter jiġi trasferit għall-flat tagħhom.

Ministeri — Laptop computers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm lap top computers għall-użu tal-uffiċjali u mpjegati fil-Ministeru u entitajiet taħt id-dikasteru tiegħu? Jista' jgħid min qed jagħmel użu minnhom u meta nxtraw? X'mudell huma u meta u kemm inxtraw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sakemm ma ningħatax raġuni konvinċenti 'l għala qed tintalab din l-informazzjoni dettaljata ma nara l-ebda skop li nitlob li jinħela ħafna ħin biex tinġabar.

San Pawl il-Baħar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

F'hiex wasal l-iproċċessar ta' l-applikazzjoni H9471għall-akkomodazzjoni xierqa għall-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li għandhom binhom b'diżabilitajiet fiżiċi u ntelletwali li ilhom snin ma jistgħux joħorġuh mill-appartament minħabba t-taraġ għax mhux possibli jniżżlu l-wheelchair minnu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ilu li offra lill-familja indikata post fil-pjan terren sa mill-1995, liema offerta ġiet rifjutata għax din il-familja trid post f'San Pawl il-Baħar biss. Id-Dipartiment m'għandux postijiet disponibbli f'din il-lokalita'.

Bonus

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-bonus ta' Diċembru ta' kopja anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament jasal għax għadhom ma irċevew xejn. Tista' l-koppja tiġi infurmata bl-aħħar żviluppi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ħa l-passi biex jitħallas il-bonus lill-koppja msemmija.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fhiex waslet l-applikazzjoni li kienet saret sabiex jiġi nstallat lift fi Block B1, Housing Estate, Pieta`?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Taħt Skema V ta' l-Awtorita' tad-Djar, talba għal installar ta' lift fi blokki tal-Gvern tkun ikkunsidrata kemm il-darba dawn il-blokki jkunu fil-lokalitajiet tal-Kottonera, Kalkara, Floriana u Valletta jew f'lokalitajiet oħra f'Malta u Għawdex fejn fil-blokk tal-Gvern tkun tabita persuna b'diżabilita' ta' mobilita'. Ninsab infurmat li fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant mhemmx persuna b'diżabilita' ta' mobilita' u għalhekk l-applikazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata favorevolment.

Pixxina Nazzjonali — Ħarsien fuq il-post tax-xogħol

Question

X'passi ttieħdu s'issa mill-awtorita' b'referenza għall-każ imsemmi f' mistoqsija 36214?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-uffiċjali għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol għamlu spezzjoni fuq il-post indikat mill-Onor. Interpellant u wara li talbu dokumenti u ċertifikati mingħand il-management, ħarġu struzzjonijiet biex fi żmien raġonevoli jittieħdu dawk il-miżuri korrettivi meħtieġa. Ninsab infurmat lil-Awtorita' dwar is-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol ser tkompli ssegwi l-iżviluppi dwar dan il-każ.

Bord mediku

Question

Jista' il-Ministru jara li l-persuna li qed insemmi separatament tiġi eżaminata minn bord mediku id-dar tagħha mill aktar fis minħabba s-segwenti raġunijiet. a) Din qed tgħix bir-relief biss, għax hija separata; b) Dan inqatgħala wara li ma attendietx għall board mediku l-isptar meta fil-fatt din ma setgħetx tmur u bagħtet ċertifikat fejn talbet li l-bord jiġi jaraha d-dar imma għall xi raġuni jew oħra dan iċ-ċertifikat ma wasalx fejn kellu jasal u għalhekk nqatala ir-relief; c) Din il-persuna ma għandhiex dħul ieħor?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Residenti fi djar ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm residenti ġewwa San Vinċenz de Paule u d-djar l-oħra ta' l-anzjani (waħda b'waħda) li huma ġejjin minn; Żurrieq, Qrendi, Mqabba, Safi, Kirkop, Għaxaq, B'Buġia u Marsaxlokk (separatament għal kull raħal)

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Pensjoni — Somma tal-Gvern

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk armla għandhiex dritt għas-somma tar-raġel li miet jaħdem mal-gvern ftit xhur qabel ma ħareg bil-pensjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għas-somma mħallsa lill-impjegati tal-Gvern taħt l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Mental subnormality

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jara li l-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li kien suġġett ta' deċiżjoni ta' l-Arbitru Numru 331/02 biex dan jiġi kkonsidrat fuq bażi umanitarja meta din ix-xebba ssofri minn mental subnormality u żgur mhux kapriċċ li taħdem biex b'hekk tgħix ħajja indipendenti? Ma jidhirlux il-Ministru li dan huwa każ li jimmerita attenzjoni fiċ-ċirkostanzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab informat li l-persuna ndikata tressqet f'żewġ okkażjonijiet differenti quddiem Bord Mediku maħtur apposta biex jagħti parir lid-Direttur tas-Sigurta' Soċjali fejn ikun hemm talba marbuta mal-kundizzjoni tas-saħħa ta' l-applikant. Informat ukoll li fiż-żewġ okkażjonijiet, għalkemm il-kompożizzjoni tal-Bord kienet differenti, il-Bord ma rrakkomandax li t-talba tiġi aċċettata. Ta min jgħid li l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali ma jagħtix poter lid-Direttur jew lil xi ħadd ieħor li juża d-diskrezzjonu u jmur kontra l-parir tal-Bord Mediku f'każijiet bħal dawn.

Children's Allowance — Ommijiet Xebbiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 36958 u jgħid kemm hemm ommijiet mhux miżżewġa li jirċievu ċ-children allowance? Kemm minnhom huma taħt it-tmintax-il sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab informat li n-numru ta' ommijiet mhux miżżewġa li qed jirċievu l-Allowance tat-Tfal hu 1,686. Minn dawn, 81 huma taħt 18-il sena.

Childcare — Skema ta' sussidju

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'irid ikun id-dħul tal-ġenituri li jistgħu jibbenifikaw mill-iskema ta' sussidju fuq il-ħlas għaċ-childcare hekk kif imħabbra fil-budget?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għall-aħħar parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 37334 f'Seduta Numru 823.

Santa Luċija — Installazzjoni ta' lift

Question

Jogħġbu il-Ministru jispjegali jekk, u kif, huwa possibli li jiġi nstallat lift fil-blokk tal-flats numru 4 fi Triq il-Ġnien f'Santa Luċija peress li t-taraġ qed ikidd lir-residenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab informat li ma jirriżultax li saret applikazzjoni għal installar ta' lift fil-post indikat mill-Onor. Interpellant. Taħt Skema V ta' l-Awtorita' tad-Djar, talba għal installar ta' lift fi blokk tal-Gvern tkun ikkunsidrata kemm il-darba f'dak il-blokk tkun tabita persuna b'diżabilita' ta' mobilita'. Jekk dan japplika għall-post indikat, trid issir applikazzjoni lill-Awtorita' tad-Djar biex din tibda l-proċess ta' studju dwar il-possibilita' li jiġi nstallat lift.