Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-lista ta' dawk il-membri ta' l-Armata li ngħataw il-promozzjoni dan l-aħħar bil-kriterji li fuqhom ingħataw u l-lokalitajiet fejn joqogħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-kriterji li fuqhom ngħataw il-promozzjonijiet dan l-aħħar fl-Armata kienu rregolati mill-Kundizzjonijiet tas-Servizz tal-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta li jistabbilixxu li l-promozzjoni għandha ssir skond rakkomandazzjoni bbażata fuq effiċjenza, anzjanità, kwalifiki u għażla biex timtela vakanza.
Minħabba l-Att Dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data, mhux possibli tingħata l-lista mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk fl-aħħar sena ingħatax xi direct order relatat ma' l-IT tal-Isptar Mater Dei? Jekk fl-affermattiv, liema kumpannija ngħatat dan id-direct order u liema parti tas-servizzi fl-isptar se jkunu moqdija b'dan id-direct order?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministra jara għalfejn twaqqa' ħajt tas-sejjieħ f'proprjeta' privata, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minn Skanska fl-Isptar l-ġdid u jista' jara li dan jerġa' jinbena kif kien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi madwar seba’ metri ta’ ħajt tas-sejjieħ fil-lok imsemmi aċċidentalment twaqqa’ meta kien qed isir xogħol ta’ landscaping minn Skanska fl-iSptar Mater Dei.
Din il-parti li twaqqgħet ser terġa’ tinbena kif kienet.
Dipartimenti tal-gvern — Vjaġġar mill-ministri u uffiċjali
Question
Peress li l-awditur ġenerali kien imqabbad minnek biex jagħmel investigazzjoni dwar vjaġġar mill-ministri u uffiċjali f'dipartimenti tal-gvern u mill-general governmentli jidher li hija lesta, tista' jekk jogħġbok titlob li din l-investigazzjoni titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li l-Uffiċċju ta’ l-Awditur Ġenerali jaqa’ taħt ir-responsabbilità diretta tal-Parlament, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm applikaw għall-aħħar sejħa ta' ingaġġ ta' suldati? Kemm għaddew mill-physical test? Kemm qagħdu għall-eżami bil-miktub? Kemm hemm ħsieb li jiġu ngaġġati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li għall-aħħar sejħa ta’ ngaġġ applikaw 308. Applikaw 277 biex jiġu ngaġġati bħala suldati regolari u 31 biex jiġu ngaġġati bħala bandisti jew nies tas-sengħa. Mill-eżami fiżiku għaddew 198.
Għall-eżami ta’ l-ewwel bil-miktub qagħdu 129 filwaqt li 34 oħra kienu eżentati minħabba li kellhom kwalifiki fil-livell Ordinarju. Dawk li applikaw biex jiġu ngaġġati bħala bandisti/nies tas-sengħa kienu eżentati wkoll milli joqogħdu għall-eżami bil-miktub minħabba li kellhom iċ-ċertifikati mitluba u kif kien stipulat fis-sejħa għall-applikazzjonijiet.
Hemm il-ħsieb li jiġu ngaġġati madwar 100 suldat ieħor ġdid.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24131 dwar servizz bl-ajru bejn Malta u Għawdex jista' l-Prim Ministru jgħid jekk setgħetx tiġi emendata l-liġi tal-VAT biex l-imsemmi servizz jkun eżentat mill-ħlas tal-VAT? Jekk setgħet tinbidel il-liġi, għaliex ma nbidlitx? Jekk ma setgħetx tinbidel il-liġi, għaliex ma setgħetx tinbidel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Liġi tal-VAT Maltija hija bbażata fuq id-Direttiva dwar il-VAT ta’ l-Unjoni Ewropea u għaldaqstant ma tistax tiġi emendata jekk ma tinkisibx deroga speċjali għal dan il-għan mill-Kunsill Ewropew. Ma teżisti ebda deroga li biha l-Gvern Malti jista’ jeżenta dan is-servizz li huwa taxxabbli skond partita 11 ta’ l-Ewwel Taqsima tal-Ħames Skeda dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud li tirrifletti l-Artikolu 387 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2006/112/KE.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema tac-Civil li temmew l-impjieg tagħhom fis-sena 2006? Xi grad kellhom u f'liema dipartiment kienu jaħdmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, kien hemm 1441 persuna li temmew l-impjieg tagħhom minn mas-Servizz Pubbliku.
Il-grad tagħhom u f’liema dipartiment kienu jservu qabel spiċċaw jidhru fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista ta' proġetti li ġew proposti għall-finanzjament permezz ta' fondi ta' l-Unjoni Ewropea (2007-2013) inkluż l-valur stmat ta' kull proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24668.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 24277, jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema ħarġa tal-gazzetta tal-gvern ġie riklamat it-tender għall-inċineratur għall-biċċerija u qed nirriferi għax-xogħol li għad irid isir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol fuq l-inċineratur mhux se jsir b’tender imma permezz ta’ proċedura negozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratti ta’ l-Unjoni Ewropea kif jipprovdu r-Regolamenti Dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Din il-proċedura qegħda tiġi addottata wara li l-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti approva talba għal dan il-għan mingħand WasteServ Malta Ltd minħabba l-fatt li l-provisti addizzjonali jridu bilfors jaqblu mal-karatteristiċi tekniċi eżisteni.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 24000 u 24278 cioe' rigward Dar Malta fi Brussels, tista' tikkonferma li l-ispiża fil-manutenzjoni u xogħlijiet oħra f'Dar Malta ma qabżitx l-ispiża stmata ta' Lm2.5 miljun? Tkun lest toħroġ lista ta' kif inqasmu dawn l-ispejjeż? Xi żviluppi kien hemm fid-diffikultajiet ta' tassazzjoni li sab il-gvern Malti meta ġie biex jikri partijiet minn Dar Malta lil terzi għal skopijiet kummerċjali? Kien hemm soluzzjoni għal din il-problema? Instabu kumpanniji lesti li jikru partijiet minn Dar Malta? Kien hemm xi ftehim ma xi kumpanniji f'dan ir-rigward? Meta huwa mistenni li l-Gvern Malti jibda jdaħħal il-flus minn dawn il-kirjiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 24346 u 24095 u jgħid meta huwa maħsub li l-gvern jibda jikri l-ispazju f'Dar Malta fi Brussell li mhux jintuża mill-gvern Malti? Lil min se jikri dan l-ispazju u b'liema prezz?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi hemm numru ta’ organizazzjonijiet kummerċjali li jinsabu lesti jikru partijiet minn Dar Malta. Naturalment dawn il-kirjiet iridu jsiru skond l-Att dwar it-Trasferiment ta’ Artijiet tal-Gvern (Kap 268).
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 24346 u 24095 u jgħid meta huwa maħsub li l-gvern jibda jikri l-ispazju f'Dar Malta fi Brussell li mhux jintuża mill-gvern Malti? Lil min se jikri dan l-ispazju u b'liema prezz?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux l-ħsieb, biex meta jkun ikkanonizzat Dun Gorg Preca, jew xi ġurnata oħra relatata ma' din il-persuna mportanti, issir festa pubblika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern qed ifassal il-passi li ser jieħu sabiex il-kanonizazzjoni ta’ Dun Ġorġ Preca tkun iċċelebrata u mfakkra bl-aktar mod xieraq u dehen.
Aġenziji governattivi — Ħaddiema taħt kuntratt definittiv
Question
Jista' l-Prim Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid jekk dawk il-ħaddiema li jinsabu taħt definit contractma' aġenziji tal-gvern, fosthom il-kunsill Malti għall-isports u li qed jaħdmu fil-kumpless tal-pixxina nazzjonali, humiex se jsiru tal-post u jsirilhom kuntratt indefinit ta' impjieg? Jekk iva, jista' jagħti timeframesgħal dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Avviż Legali 51/2007 jipprovdi sabiex ħaddiema fuq kuntratt definit li għalaq erba’ snin jiġi trasformat f’kuntratt indefinit jekk ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi biex dan ma jsirx.
Għalkemm il-provedimenti ta’ Avviż Legali 51/2007 għadhom ma daħħlux fis-seħħ, il-Management and Personnel Office beda jieħu passi sabiex dan l-eżerċizzju jibda jitwettaq.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jiġi nominat ir-"receiver of wrecks" sabiex jiddisponi mill-aktar fis possibbli min-numru ta' dgħajjes ta' l-immigranti llegali li jinsabu fil-kustodja tal-brigadier tal-forzi armati ta' Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24541 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista ta' proġetti li ġew proposti għall-finanzjament permezz ta' fondi ta' l-Unjoni Ewropea (2007-2013) inkluż l-valur stmat ta' kull proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li s-sejħa għall-proġetti taħt il-Programmi 2007-2013 għadha ma saritx. Din trid issir meta jiġu approvati l-Programmi Operattivi li bħalissa qegħdin fi stat avvanzat ta’ diskussjoni mal-Kummissjoni Ewropea. Madanakollu l-Pajjiżi Membri huma mħeġġa mill-Kummissjoni stess li jibdew jippreparaw l-project pipe-line tagħhom fil-qafas ta’ l-istrateġija (NSRF) li fil-każ ta’ Malta hi maqbula diġà mal-Kummissjoni Ewropea. Tajjeb li nsemmi li s’issa, Malta biss mis-27 Stati Membri għandha l-istrateġija approvata. Il-lista tal-Proġetti, la darba jintgħażlu, tkun pubblika.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24131 dwar servizz bl-ajru bejn Malta u Għawdex jista' l-Prim Ministru jgħid jekk setgħetx tiġi emendata l-liġi tal-VAT biex l-imsemmi servizz jkun eżentat mill-ħlas tal-VAT? Jekk setgħet tinbidel il-liġi, għaliex ma nbidlitx? Jekk ma setgħetx tinbidel il-liġi, għaliex ma setgħetx tinbidel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għall-mistoqsija qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23732 dwar bordijiet ta' l-għażla, jista' jekk jogħġbu l-Prim Ministru jgħid għal liema postijiet kienet il-ħatra/promozzjoni f'kull każ? F'liema ministeru kienu l-postijiet f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, dwar riżultati ta’ Bordijiet ta’ l-Għażla li l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku qieset li kienu żbaljati, hu miġbur fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.