Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu fil-każ ta' sejba ta' żewġ joints tal-hashish li kienu nstabu fuq conduit casing fid-division 5 tal-faċilita' korrettiva ta' Kordin xi xhur ilu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-inċident imsemmi qatt ma ġie irrapurtat lill-Awtoritajiet tal-Ħabs.
Ninsab infurmat ukoll li kull meta instabet xi sustanza suspettuża l-Awtoritajiet tal-Ħabs dejjem infurmaw lill-Pulizija b`dan u kull meta kien il-każ saret inkjesta Maġisterjali.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-uffiċjal li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbgħatu separatament tneħħa mill-SRT għaliex xi xhur ilu, waqt li l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament kien qiegħed fuq prison leave, l-uffiċjal konċernat tat xi orndi biex ma jġibx ruħu b'ċertu mod waqt li kien fil-kumpanija ta' martu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mhux minnu li l-uffiċjal indikat separatment fil-mistoqsija tneħħa mill-SRT għar-raġunijiet msemmija fil-mistoqsija.
Skond ir-records li jinżammu mill-Awtoritajiet tal-Ħabs, dan l-uffiċjal qatt ma għamel skorta mal-priġunier indikat fl-istess mistoqsija kull meta dan il-priġunier ibbenefika minn Prison Leave, ħlief f`okkażżjoni waħda li kienet fit-18 ta` Awissu 1998.
Jista' l-Ministru jgħid li l-priġunier li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament kien jew għadu jinsab fi stat ħażin minħabba abbuż ta' droga u ilu ma jiġi mibgħut għall-urine check għal diversi ġimgħat minkejja l-sitat ovvju li jinsab fiħ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-priġunier indikat separatament fil-mistoqsija ittieħditlu l-urina darbtejn din is-sena. Darba fl-24 ta` Frar 2002 u l-oħra fit-2 ta` Marzu 2002. Fiż-żewġ okkażżjonijiet ir-riżultat kien negattiv. Fil-11 ta` Marzu 2002 il-priġunier imsemmi rrifjuta li jagħti l-urina u għalhekk ittieħdu passi dixxiplinari kontrih skond ir-Regolamenti ta` l-1995 dwar il-Ħabs.
Ninsab infurmat ukoll li l-imsemmi priġunier qed jiġi segwit regolarment mit-tobba tal-ħabs u qed isirulu l-eżamijiet u t-testijiet kollha meħtieġa. Minħabba s-sigriet professjonali, ir-riżultati ta` dawn l-eżamijiet ma jiġux ikkomunikati lill-Awtoritajiet tal-Ħabs.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-uffiċjal li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament kien irrapporta sick waqt li kien qiegħed jaħdem fl-uffiċini tal-partit nazzjonalista fil-Pieta'? X'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kull meta t-tabib tal-ħabs jew xi uffiċjal għoli tal-ħabs marru fir-residenza ta` dan l-uffiċjal meta kien bis-sick leave, dan dejjem instab id-dar ħlief f`okkażżjoni waħda. Fl-1 ta` April 2002, għal ħabta tas-7pm saret spezzjoni għal għarrieda fir-residenza ta` dan l-uffiċjal u dan ma fetaħx il-bieb. Sar rapport u ttieħdu passi dixxiplinari kontrih. Instab ħati u bħala kastig inqatgħetlu ġurnata paga.
L-Awtoritajiet tal-Ħabs qatt ma rċevew informazzjoni li l-uffiċjal imsemmi kien qed imur jaħdem fil-post indikat fil-Mistoqsija meta dan kien bis-sick leave.
Jekk l-Onor. Interpellant għandu informazzjoni dettaljata u jista` jindika xi xhieda li jistgħu jwasslu biex dan il-każ jiġi ippruvat, ikunu jistgħu jittieħdu l-proċeduri neċessarji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali tal-probation li qed jaħdmu fil-preżent mad-dipartiment tas-servizzi korrettivi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent in-numru ta` uffiċjali tal-probation li qed jaħdmu mad-dipartiment tas-Servizzi Korrettivi hu ta` żewġ Senior Probation Officers, u tminn Probation Officers.
Ninsab infurmat ukoll li waħda mill-Probation Officers qegħdha barra minn Malta fuq study leave, filwaqt li Probation Officer oħra hija mislufa lid-Dipartiment tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-probation officers preżenti humiex jilħqu l-iskopijiet li għalihom twaqqfet il-liġi l-ġdida tal-probation u jekk le x'biħsiebu jagħmel il-ministru sabiex l-effiċjenza li hi indikata fil-liġi tiġi milħuqa?
Response (BORG, TONIO)
Il-liġi l-ġdida tal-probation għadha ma ġietx fis-seħħ.
L-Onor. Interpellanti tapprezza li wieħed ma jistax jagħmel ġudizzju dwar jekk il-probation officers preżenti humiex jilħqu l-iskopijiet li għalihom twaqqfet il-liġi ġdida. Dan għax kif qed tindika l-istess mistoqsija l-liġi l-ġdida hija mistennija żżid l-effiċjenza, apparti li l-introduzzjoni ta` servizz ġdid, ossia s-Servizz fil-Kommunita`, jeħtieġ ċertu preparamenti.
Biex din il-liġi ġdida tkun effettiva, hija meħtieġa ukoll il-kooperazzjoni, ta` fost l-oħrajn, il-Pulizija, il-Qrati, ċerti NGO`s u l-pubbliku in ġenerali.
Għaldaqstant għadu prematur li tingħata risposta dettaljata f`dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jgħid qiegħedx isir xogħol ieħor mill-probation officers barra x-xogħol assenjat lilhom mill-qorti? Jekk fl-affermattiv x'inhu dan ix-xogħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minbarra x-xogħol assenjat mill-Qorti, il-Probation Officers qed jiġu assenjati ukoll xogħol fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin speċifikament fit-taqsima taż-żgħażagħ.
Ninsab infurmat ukoll li kull priġunier qed jiġi assenjat probation officer biex l-istess priġunier ikun jista` jiġi segwit kemm idum fil-ħabs.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-caseload preżenti ta' kull probation officer? Kemm għandha tkun il-kwota tal-caseload ta' kull probation officer?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-case load taż-żewġ Senior Probation Officers hija ta` 18-il każ kull wieħed, filwaqt illi l-case load tal-Probation Officers hi ta` 73, 94, 59, 63, 59 u 65 każ rispettivament.
Ninsab infurmat ukoll li l-kwota tal-caseload ta` Senior Probation Officer hija ta` tnax-il każ filwaqt li dik ta` Probation Officer hija ta` ħamsa u tletin każ.
Tajjeb li jingħad li sfortunatament, minkejja li ta` kull sena, il-Ministeru qiegħed jissussidja kors fl-Universita`, mhux kull min jispiċċa l-kors qed juri ħajra jidħol għal dan ix-xogħol interessanti imma impenjattiv.
B`danakollu din is-sitwazzjoni hi ħafna aħjar minn dak iż-żmien meta minkejja li kellna liġi tal-probation, ghal snin twal kien hemm probation officer wieħed u ġieli tnejn biss.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li toħroġ sejħa sabiex jiġu ngaġġati probation officers ġodda? Jekk fl-affermattiv meta u jista' jgħid kemm biħsiebu jimpjega probation officers ġodda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li diġa` inbeda il-proċess biex toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet għal postijiet ta` Probation Officers/Trainee Probation Officers. Hemm il-ħsieb li f`dan l-istadju, jiġu impjegati massimu ta` erba` Probation Officers hekk kif jitlesta l-proċess kollu.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser titneħħa l-vettura abbandunata ġo garage privat bla bieb ta' l-għamla Ford Cortina bajda numru ta' reġistrazzjoni JAS 718 ġewwa triq ġdida fi Triq il-Kandlora, Ħaz-Zebbuġ f'bitħa garaxxijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tistħarreġ sabiex issib lis-sid tal-garage imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma kemm naqas l-overtime fil-pulizija matul s-sena 2001/2002 komparata mas-snin 1996/1998? Jista' jgħid jekk la darba tnaqqasx l-overtime għall-ranks tal-pulizija u surgenti, tnaqqas ukoll l-performanace allowance għall-gazetted officers inkluż dak tal-kummissarju?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 1996 l-overtime imħallas lill-membri tal-Korp tal-Pulizija kien jammonta għal Lm384,814 u dak imħallas fl-1998 kien ta` Lm276.954. Dawn l-ammonti telgħu għal Lm441,157 matul is-sena 2001 u Lm211,395 sa l-aħħar ta` Mejju 2002. Kif jidher ċar m`hu minnu xejn illi kien hemm it-tnaqqis allegat mill-Onorevoli Interpellant, anzi kien hemm żieda ta` 59% komparat ma` l-1998. Xorta waħda se jibqgħu jittieħdu miżuri biex ma jkunx hemm abbuż ta` overtime, u fuq dan nimmaġina li l-Onor. Interpellant jaqbel miegħi perfettament.
B'riferenza għall-mistoqsija tiegħi 33027 dwar l-iskema tal-qbiela, jista' l-Ministru jgħid jekk il-proċess ta' public screening għall-applikazzjonijiet li jikkonċernaw Wied il-Għajn tlestiex? Jekk iva, meta hu maħsub li jsiru l-kuntratti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proċess ta` public screening għal lokalitajiet kollha f`Malta tlesta fl-aħħar ta` Mejju li għadda. Il-proċess gradwali sabiex ikunu jistgħu isiru l-kuntratti ser jinbeda fil-futur qarib. Bħal ma sar fil-proċess ta` public screening, il-proċess tal-kuntratti ser isir b`mod gradwali lokalita` lokalita`. Ix-xogħol fuq il-lokalitajiet ta` B`Bugia, Marsaxlokk, u Marsaskala huwa maħsub li jibda fil-bidu ta` Lulju.
Wieħed irid jifhem pero` li dan huwa proċess ikkumplikat li jinvolvi r-reġistrazzjoni ta` kull biċċa art għand ir-Reġistru tal-Artijiet, spezzjoni fuq kull biċċa art, ir-risoluzzjoni ta` konflitti fl-applikazzjonijiet, it-tfassil ta` pjanti dipartimentali u l-preparazzjoni ta` kuntratt li jkun jieħu ħsieb il-partikolaritajiet ta` kull każ. Dan ix-xogħol kollu, flimkien ma` ħafna xogħol ieħor, irid isir minn ftit nies ta` esperjenza li hemm fid-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta`. Għalhekk il-proċess huwa kkalkulat li jieħu fit-tul.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Pulizija meta kuntrattur li kien jagħmel ix-xogħlijiet ta' trinek f'Main Str u Triq il-Kostituzzjoni l-Mosta għalaq dawn it-toroq bla permess madwar tliet xhur ilu? X'passi ttieħdu kontra dan il-kuntrattur meta qed jiġi allegat li huma l-istess kuntrattur li qed jiġi rrapurtat li qed jarmi t-terrabiex fil-parti magħrufa bħala tal-Wejs il-Mosta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kuntrattur kellu l-permessi meħtieġa sabiex jagħmel xogħol ta` trinek f`Main Street u Pjazza Rotunda l-Mosta. Infurmat ukoll illi ma sar l-ebda xogħol ta` tħaffir ta` trinek ġo Triq il-Kostituzzjoni. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi minn l-istħarriġ li għamlet il-Pulizija, dawn l-allegazzjonijiet ma jirriżultawx.
Jista' l-Ministru jgħid kontra kemm-il persuna ttieħdu passi għal tlajjar għal skop ta' prostituzzjoni s'issa din is-sena? F'liema lokalitajiet? Kemm kienu nisa u kemm irġiel? Kemm diġa` tressqu l-qorti? Kemm minn dawk arrestati ġew akkużati li kienu reċidivi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena tressqu quddiem il-Qorti tletin (30) persuna, bosta minnhom aktar minn darba, fuq tlajjar għal skop ta' prostituzzjoni. Minn dawn ħmistax (15) huma reċedivi, filwaqt li erba' (4) minnhom huma rġiel. Dawn il-każi seħħew fil-Gżira, l-Imsida u l-Marsa.
Nirriferi lill-Ministru għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 33213. Jista' jelenka kemm hemm vakanzi f'kull rank tal-korp li hemm bħalissa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-Korp tal-Pulizija hemm vakanzi fil-gradi ta` Assistent Kummissarju, Supretendent, Spettur, Surġent Maġġur, Surġent u Kuntistabbli. Kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid, dawn il-vakanzi jimtlew skond il-ħtiġijiet tal-Korp u l-esiġenzi tas-servizz in ġenerali.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 33213, jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġu valutati l-ħteġijiet attwali tal-korp tal-pulizija? Min qed imexxi dan l-eżerċizzju? Kemm ilu għaddej?
Response (BORG, TONIO)
Kif naħseb japprezza l-Onorevoli Interpellant, f`organizzazzjoni vasta u dinamika bħal ma huwa il-Korp tal-Pulizija, il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet attwali huwa minnu nnifsu proċess kontinwu li ma jieqaf qatt. B`hekk biss il-Korp ikun jista` jżomm aġġornat maż-żminijiet. Dan l-eżerċizzju kontinwament isir mill-amministrazzjoni tal-Korp.
Jista' l-Ministru jgħid xi jsir minnhom is-snieter tal-kaċċa li jiġu konfiskati mill-qrati? Kemm hemm minnhom fil-preżent u taħt liema kustodju jinsabu kemm-il darba dawn ma jiġux distrutti?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.