Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema responsabbli mit-tindif tal-country roads li jintużaw u jiġu reklamati bħala country walk fil-gżejjer ta' Malta u Għawdex separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onor interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk saritx konsultazzjoni ma’ l-Air Malta dwar l-impatt li jista’ ikollhom linji ta’ l-ajru low cost fuq l-operat tal-linja nazzjonali tagħna? X’kienet ir-reazzjoni ta’ l-Air Malta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nikkonferma li l-Gvern ikkonsulta ma’ l-operaturi prinċipali fis-settur tat-turiżmu, inkluż l-Air Malta, meta fassal il-pożizzjoni tiegħu fuq il-low cost airlines.
Ma naħsibx li jagħmel sens kummerċjali li f’dan l-istadju tan-negozjati nagħti rendikont ta’ xi pożizzjonijiet meħuda ħlief il-pożizzjoni tal-Gvern li jien ġa għamilt pubblika.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandna lukandi u sodod f'dawn il-kategoriji, kategorija b'kategorija:
5-star; 4-star; 3-star u 2-star?
Jista' jgħid kemm kellna fl-istess kategoriji lukandi u sodod f'Diċembru 1998?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid hux qed issir xi investigazzjoni dwar kif intużaw il-finanzi taċ-ċentru Malti għar-restawr mindu twaqqaf? X'irriżulta minn din l-investigazzjoni? X'passi ttieħdu s'issa biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet li rriżultaw?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Iċ-Ċentru Malti għar-restawr għandu r-rapporti finanzjarji tiegħu awditjati skond il-liġi u standards internazzjonali ta' l-awditjar. L-aħħar rapport finanzjarju awditjat skond il-liġijiet u regolamenti msemmija hawn fuq ikopri l-perjodu Ottubru 2003 sa Settembru 2004.
Bħalissa qed isiru rapporti ġodda li jkopru l-perjodu sa Marzu 2005. Dawn ir-rapporti għadhom mhumiex konkluzi.
Huwa mistenni li dawn ir-rapporti jkunu konklużi fiż-ħmien erba’ gimgħat.
Jista' il-Ministru jgħid fejn ġie diskuss u min iddeċieda li jkun hemm tnaqqis fil-kontribut finanzjarju ta' xi entitajiet lill-awtorita' Maltija tat-turiżmu għas-sena 2005? Liema entitajiet naqqsu l-kontribut finanzjarju tagħhom? Kemm naqqsu? Kif ġie deċiż?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li saret reviżjoni tal-kontribuzzjonijiet ta' numru ta' setturi turistiċi abbażi ta' l-esperjenza miksuba mill-Awtroita' Maltija tat-Turiżmu kemm ilha tamministra il-ġbir ta' dawn il-kontribuzzjonijiet. Ir-reviżjoni saret bl-iskop li l-kontribuzzjonijiet miġbura jkunu jirriflettu b'mod iktar realistiku is-sehem ta' kull komponent ta' l-industrija turistika. L-akbar żewġ reviżjonijiet saru fil-kuntest ta' l-Aġenti ta' l-Ivjaġġar kif ukoll mil-lat ta' ridefinizzjoni ta' zoni turistiċi. Fil-każ ta' l-Aġenti ta' l-Ivjaġġar ir-reviżjoni saret wara laqgħat u studji li kienu jinvolvu lill-Awtorita', il-FATTA u l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, filwaqt li fil-każ tar-ridefinizzjoniji ta' zoni turistiċi, saret simplifikazzjoni tas-sistema sabiex minflok li zona tinkorpora l-konfini ta' belt jew raħal, ġew identifikati iz-zoni kummerċjali li tassew jibbenefikaw mit-turiżmu. Saru wkoll reviżjonijiet fil-każ tal-kontribuzzjonijiet imħallsa minn stabbilimenti ta' l-ikel fid-dawl tar-reclassification exercise li kien ġie implimentat fl-2004.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12701, niċċara li qed nirriferi għad-diretturi fis-servizz pubbliku, għal ri-appointments li saru din is-sena u għal dawk li ma ġewx riappuntati din is-sena? Għaldaqstant jista' issa l-Ministru jirrispondi din id-domanda?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-Ministeru tat-Turiżmu u l-Kultura kien hemm żewġ Diretturi.
a) Direttur tat-Turiżmu u Servizzi Koperattivi u
b) Direttur EU Affairs
Fil-każ ta’ (a) id-Direttur ġie mogħti ħatra ta’ Direttur f’Ministeru ieħor (lateral move) u inħarġet sejħa biex jimtela l-post.
Fil- każ ta’ (b) id-Direttur kien ġie boarded out u d-Direttorat qed ikun ristrutturat biex jirrifletti l-ħtieġiet preżenti tal-Ministeru.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qiegħed jamministra fondi mill-Unjoni Ewropea l-Ministeru tiegħu, sija pre-accession u accession funds?
Kemm entitajiet, awtoritajiet, aġenziji jew nies taħt id-dekasteru tiegħu qed jibbeneifikaw minn dawn il-fondi? Għal liema proġetti jew inizjattivi qed jintużaw dawn il-fondi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qed jamministra total ta' 8.9 miljun Euro f'fondi pre-accession u accession mill-Unjoni Ewropea għall-proġetti tiegħu u ta' l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Qed inqiegħed fuq il Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-proġetti, il-valur ta' kull proġett u l-entita' benefiċjarja.
Din l-informazzjoni hija aġġornata għall-1 ta' Ġunju 2005 u allura ma tinkludix proġetti li kienu konklużi u li l-fondi għalihom, fil-biċċa l-kbira pre-accession funds, ngħataw u ntużaw qabel din id-data. L-informazzjoni tinkludi wkoll fondi li huma kommessi mingħajr m'għadhom ġew mgħoddija lill-Gvern Malti.
Minbarra l-proġetti msemmija fit-tabella, hemm ukoll numru ta' proġetti oħra amministrati minn entitajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru u li ma jidħlux fid-definizzjoni ta' pre accession jew accession funds. Dawn il-proġetti huma iffinanzjati direttament mill-Kummissjoni, u jinkludu proġetti taħt il-programm Leonardo da Vinci, is-Sixth Framework Programme u Erasmus.
Awtorita' Maltija għat-turiżmu — Kontribuzzjonijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'kienu l-kontribuzzjonijiet ta' l-Air Malta u tal-MIA lill-awtorita' Maltija tat-Turiżmu f'dawn is-snin: 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-kontribuzzjonijiet ta' l-Air Malta u l-MIA lill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu huma kif ġej:
Sena
Air Malta
MIA
2001
300,000
223,456.86
2002
300,000
216,029.00
2003
300,000
206,762.80
2004
300,000
205,320.00
2005 (Sa Ġunju)
150,000
72,148.00
Jista' il-Ministru jgħid kemm diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ġew riappuntati u min huma?
Jista' jgħid kemm diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx riappuntati u min huma?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tiċċara għal liema kategorija ta’ diretturi qed tirreferi, jiġiefieri jekk hux għal Diretturi fis-Servizz Pubbliku jew għal diretturi ta’ bordijiet ta’ entitajiet pubbliċi. L-Onorevoli Interpellant għandha tiċċara ukoll għal liema perjodu qed tirreferi.
Jista' il-Ministru issa jirrispondi mistoqsija parlamentari 11790 u jgħid jekk tistax il-Malta tourism authority tagħmel l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa biex tara jekk ir-ristorant li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament għandux il-kċina kif suppost biex minnha ma joħorġux irwejjah qawwija fl-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-istabbiliment li qed jirreferi għalih l-Onor interpellant huwa liċenzjat mill-Awtorita' tat-Turiżmu. Fl-iproċessar tal-permess kienet mitluba clearance mingħand il-MEPA u s-Sanita'. Peress li din hija kwistjoni sanitarja nitlob lill-Onor interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm se jonfoq flus għall-advertising biex jinġiebu turisti lejn Malta fis-sena 2005? Jista' jagħti din l-informazzjoni separatament għall-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit? Jista' jgħid kemm nefaq għas-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-marketing budget ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu ikopri nefqa fuq diversi attivitajiet immirati sabiex ikattru t-turiżmu lejn Malta mis-swieq internazzjonali. In-nefqa fuq l-advertising hija komponent importanti minn dan il-budget li jinkludi fih ukoll aspett bħal tactical support lill-operaturi, relazzjonijet pubbliċi, parteċipazzjoni f'fieri u attivitajiet oħra.
Il-marketing budget totali ta' l-MTA fis-snin konċernati żdied minn Lm 3.799 miljuni fis-sena 2000 għal Lm 6.115 miljuni fl-2005. Fi ħdan dan il-budget, l-allokazzjoni għall-advertising żdiedet minn Lm 1.487 miljuni fis-sena 2000 għal Lm 2.207 miljuni fis-sena 2005.
Ma nħossx li jkun ta' ġid għas-sensitivita' kummerċjali ta' Malta li nipprovdi ċ-ċifri mitluba mill-Onor interpellant u għalhekk nippreferi ngħid biss li fil-każ ta' dawn it-tlett iswieq partikolari, in-nefqa fuq reklamar bejn is-sena 2000 u l-2005 żdiedet b'aktar minn 35%.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jkun lest il-proġett tar-ramla li se ssir fuq il-blat ta' taħt id-Dolmen Hotel, f'Buġibba?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-intenzjoni tal-Ministeru hija li l-proġett tal-Bajja ta’ Buġibba jitlesta qrib is-sajf ta’ l-2006. Dan il-proġett, wieħed mill-ewwel inizjattivi approvati mill-Kumitat Inter-Ministerjali dwar it-Turiżmu, huwa maħsub biex itejjeb il-prodott turistiku ta’ Buġibba u Qawra. Studji li għamlet l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta, bbażati fuq il-Bajja ta’ San Ġorġ, juru li l-lukandi u operaturi turistiċi oħra se jiżdidilhom il-qliegħ, kemm b’mod dirett u indirett, b’riżultat ta’ dan il-proġett.
Jista' il-Ministru jgħid x'indikazzjonijiet għandu l-ministeru dwar kif se jkunu x-xhur ta' Ġunju, Lulju u Awissu 2005 fil-wasla ta' turisti biex iżuru Malta u Għawdex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Mill-aħħar informazzjoni li għandi jidher illi x-xhur ta' Ġunju u Lulju ser ikunu, bejn wieħed ieħor, f'livell simili mas-sena l-oħra. Wieħed jistenna ukoll li jista' jkun hemm xi titjib f'dawn ix-xhur, minħabba x-xejra predominanti ta' late booking syndrome eżistenti fi swieq prinċipali turistici Ewropej. Għalhekk, ix-xahar ta' Awwissu huwa iktar diffiċli li wieħed jipprevedi l-andament eżatt tiegħu. Pero' speċjalment minħabba attivitajiet promozzjonali li diġa' qegħdin jigu esegwiti, qed nagħmlu kull ma nisgħtu biex ikun hemm aktar titjieb fuq ix-xejriet preżenti.
Jista' il-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tal-mużewijiet sabx xi oqbra antiki f'dawn l-aħħar ħames snin u jekk iva, fejn? Jista' jgħid jekk instabux mumji jew fdalijiet umani u/jew ħwejjeġ oħra? Jekk iva, x'instab u fejn?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bejn is-snin 2000 u 2004 instabu disa siti ta’ oqbra antiki. Dawn is-siti ġew investigati sal-2002 mid-Dipartiment Tal-Mużewijiet, u mil-2003 mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali:
Is-siti in kwistjoni huma :
1) Skav ta' parti minn Katakombi Rumani fi Triq San Ġwann l-Għammiedi, Rabat fl-2001.
Dawn il-fdalijiet kienu qed jintużaw bħala kantina f’żminijiet reċenti, u ma nstabu l-ebda fdalijiet umani.
2) Skav ta’ qabar Puniku il-Mistra fl-2001.
F’dan il qabar instabu fdalijiet ta’ għadam uman u ta’ fuħħar Puniku.
3) Skav ta’ qabar Feniċju f’l-art tal-Kulleġġ ta’ Sant' Agata ir-Rabat, fl-2001.
Dan il-qabar instab kważi vojt, ħlief għal ftit fdalijiet ta’ għadam uman u xi biċċiet zgħar ta’ fuħħar feniċju.
4) Skav ta’ qabar Feniċju fil-limiti tar-Rabat, fl-2002.
Dan il-qabar kien fih kemm għadam uman, kif wkoll għadam ta’ annimali. Il-fuħħar misjub f’dan il-qabar kien tal-perjodu Feniċju, Puniku u Ruman.
5) Skav ta’ oqbra Rumani f’Triq R. Saliba. Rabat, fl-2003.
F’dawn l-oqbra nstabu kemm għadam uman kif wkoll fuħħar tal-perjodu Ruman.
6) Skavi ta’ parti minn katakombi Rumani, f’Triq San Gwann L-Għammiedi, Rabat, fl-2004.
Dawn il-katakombi kienu ntużaw f’zminijiet reċenti bħala stallel, u għaldaqstant fihom ma nstabu l-ebda traċċi ta’ għadam jew ta’ materjal antik iehor.
7) Skavi ta’ katakombi Rumani f’Triq G. Borg Olivier, Rabat, fil-2004.
Dawn il-katakombi kienu intużaw f’żminijiet reċenti bħala shelters tal-gwerra, u għaldaqstant fihom ma nstabu l-ebda traċċi ta’ għadam jew ta’ materjal antik ieħor.
Ta' min iżid li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali hija impenjata regolarment f progetti ta' skavar arkeoloġiċi mportanti u ta' importanza nazzjonali, kif ukoll għal protezjoni ta' dawn il-monumenti arkeoloġiċi.
Wieħed għandu jsemmi l-iskavi arkeoloġiċi li għadejjin bħal issa f'żewġ lokalitajiet ta' Malta, taħt id-direzzjoni tas-Sovrintendenza għall-Patrimonju Kulturali.
Skavi fil Pjazza tal-Katidral, l-iMdina
Dawn l-iskavi ilhom għaddejin għal sitt gimgħat, u qed jiġu diretti mis-Sovrintendenza, f'kollaborazzjoni mal-Mdina Rehabillitation Committee.
Dawn l-iskavi qed jitfgħu dawl importanti fuq l-istorja antika tal-Mdina minn zmien il-Fenici u r-Rumani, sa żmien in-Normanni. Dan huwa l-ewwel skav estensiv li qatt sar fl-Imdina, u għal din ir-raguni qed jatgħtina rizultati ferm iktar cari milli qatt qabel.
Skavi fix-Xatt il-Mollijiet, Marsa
Dawn l-iskavi huma rizultat ta' xogħol infrastrutturali mid-Diviżjoni tax-Xogħolijiet fil-pjanura tal-Marsa. Waqt dan ix-xogħol instabu partijiet ta' bini antik mirdum.
L-investigazjoni tas-Sovrintendenza stabiliet li dawn ir-rovini kienu parti minn stabiliment kbir, ta' zmien ir-Rumani. Jidher biċ-ċar li dan is-stabiliment kien jifforma parti minn port antik, li kien anke jintuża fiż-żmien il-medjovali. Din hija skoperta kbira kemm għal Malta kief wkoll għar-regjun Mediterranju.
Is-Sovrintendenza issa qegħda tiddokumenta dawn is-sejbiet, permezz ta' xogħol ta' skavar. Qed isiru wkoll studji biex dan il-monument arkeologiku jigi salvat, b'ko-ordinazjoni tad-Divizjoni tax-Xogħolijiet.
Jista’ il-Ministru jelenka dawk il-monumenti/siti storiċi li kienu l-mira ta’ vandali f’dawn l-aħħar 12-il xahar? Kemm kienet tammonta l-ħsara f’kull każ? Huwa informat jekk tressqux il-qorti xi persuni marbuta ma’ dawn il-każi kundannabbli?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar 12-il xahar kien hemm tlett każijiet ta' atti vandali fuq siti jew monumenti storiċi. Dawn kienu kif ġej:
1) Ħsara lis-Salib magħruf bħala 'Rajt ma Rajtx, Smajt ma Smajtx' li jinsab f'Birkirkara. Is-salib li keinu għadu kif ġie restawrat f'Diċembru tal-2004, inkisrulu partijiet mill-iskultura tiegħu. Il-ħsara kienet tammonta għall-aktar minn Lm500 u saret f'Marzu tal-2005.
2) Att vandalu fuq il-Bieb tal-Bombi fil-Floriana li sar f'Mejju tal-2005. F'dan l-att intużat taħlita ta' żejt li ntefa' fuq dan il-monument arkitettoniku. F'dan il-każ ukoll, il monument kien għadu kif ġie restawrat. It-tindif ta' din il-ħsara ġie jiswa Lm775.
3) Fil-15 ta' Settembru 2004, twaqqat biċċa mill-ħajt tas-sejjieħ fis-sit tas-Silġ u nħarqet il-kamra tal-għassies. It-tiswijiet għal dawn il-ħsarat ma swewx iktar minn Lm 200.
Nitlob lill-Onor interpellant jagħmel il-parti tal-mistoqsija rigward in-nies li tresqu il-Qorti lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ordnati li jsiru riċevimenti fil-ministeru tiegħu għas-snin 2004 u 2005? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġew jiswew?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma s-salarji taċ-chief executive officers ta' l-awtoritajiet, fondazzjonijiet, korporazzjonijiet, kummissjonijiet, aġenziji, istituti u kumpanniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant hi kif ġej:
Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti
Kap Eżekuttiv
Salarju ta' Skala 3 tas-Servizz Publiku
L-Orkesta Nazzjonali
General Manager
Lm 6377 gross fis-Sena
Ċentru għall Kreattivita ta' San Ġakbu
General Manager
Salarju ta' Skala 3 tas-Servizz Publiku
Dar il-Mediterran għall Konferenzi
General Manager
Lm 9130 gross fis-Sena
L-Awtorita' tat-Turiżmu
Executive Chairman
Lm 25,000 gross fis-Sena
Heritage Malta
Kap Eżekuttiv
Lm 14,091 gross fis-Sena
Jista' il-Ministru jgħid x'kien l-għan u l-eżitu taż-żjara tiegħu fil-festival ta' Cannes? Kemm ġiet tiswa ż-żjara? Min kienu l-membri tad-delegazzjoni Maltija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministri tal-Kultura kollha tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea ġew mistiedna mill-membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mis-Soċjetà ta’ l-Informatika u l-Media, Viviane Reding, għal Europe Day. F’dan l-avveniment il-Ministri tal-Kultura Ewropej jiltaqgħu ma’ diretturi u produtturi biex jiġu diskussi l-iżviluppi fil-qasam taċ-ċinema Ewropew. Din is-sena it-tema kienet “Iċ-Ċinema Ewropew u s-Soċjetà ta’ l-Informatika” u ġew diskussi affarijiet bħal kif nistgħu nużaw teknoloġiji ġodda biex nippromwovu l-politika kulturali Ewropea jew kif iċ-ċinema diġitali jista’ jgħin fid-distribuzzjoni ta’ xogħolijiet Ewropej speċjalment fi swieq ġodda.
L-attività sservi wkoll biex issir valutazzjoni tas-suċċessi taċ-Ċinema Ewropew kif ukoll l-effettività tal-programmi ta’ l-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, speċifikatament il-programm MEDIA Plus. Disgħin fil-mija ta’ films Ewropej li jitqassmu barra mill-pajjiż ta’ produzzjoni tagħhom jieħdu appoġġ mill-programm MEDIA, appoġġ li fl-2004 ammonta għal €110 miljun. Operaturi Maltin issa jistgħu jipparteċipaw f’dan il-programm u fil-Ministeru tiegħi twaqqaf il-Malta MEDIA Desk li jippromwovi u jagħti informazzjoni lill-operaturi fuq il-programm. Ninsab infurmat li diġà hemm xi operaturi Maltin li applikaw, jew huma fil-proċess li japplikaw, taħt dawn il-programmi mal-Kummissjoni Ewropea.
Id-delegazzjoni ta' Malta kienet tinkludi apparti minni, lil Charles Zammit, uffiċjal fis-Segretarjat Privat tiegħi.
L-ispiża għal din il-laqgħa, spiża li tkopri l-vjaġġ u akkomodazzjoni għal tnejn min-nies, kienet ta’ Lm 784.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema jum inħatru s-sinjuri Winston Zahra, George Micallef, Sam Mifsud u Chris Grech biex jimplimentaw pjan ta' tibdil fl-awtorita' Maltija tat-turiżmu? Jista' ipoġġi kopja ta' l-ittra tal-ħatra tagħhom fuq il-mejda? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-lista ta' tibdiliet li kellhom iwettqu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Implementation Team twaqqaf waqt laqgħa tal-Bord ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta fis-7 ta’ Ottubru 2004. L-Implementation Team kellu terminu li jiskadi f’Jannar 2005.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-terms of reference ta’ l-Implementation Team kif ukoll kopja ta’ ittra ta’ ringrazzjament li jien bgħatt lill-membri ta’ l-Implementation Team f’Marzu ta’ din is-sena.
Il-proċess ta’ ristrutturar, fuq il-linji proposti fir-rapport ta’ Deloitte avvanza sew. Fost oħrajn ta’ min isemmi li beda jiltaqa’ b’mod regolari il-Kumitat Inter-Ministerjali għat-Turiżmu presedut mill-Prim Ministru. Ġie appuntat Chairman Eżekuttiv ġdid ta’ l-Awtorità u tneħħew il-Boards kollha ta’ l-MTA bl-eċċezzjoni ovja tal-Bord prinċipali li ġie appuntat b’membri ġodda. Avvanza sew il-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ l-impjegati ta’ l-MTA. Fil-ġimgħat li ġejjin se tkun finalizzata l-istruttura l-ġdida ta’ l-MTA. Il-mira tal-Ministeru hija li l-proċess ta’ ristrutturar ikun komplut sa l-aħħar ta’ Settembru 2005. Waqt li għaddej dan il-proċess, l-MTA se tkompli bil-ħidma tagħha li tippromwovi ’l pajjiżna bħala destinazzjoni turistika u b'ħidma biex jittejjeb il-prodott turistiku tagħna.