Legislature:
Category:
Reset
Active:

Depożitu ta' radam

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif ġie kkalkolat li l-gvern se jdaħħal Lm3,120,000 mill-ħlasijiet għal depożitu ta' radam kif hemm f'line item 0334 tal-ministeru fil-budget għas-sena 2004?

Response (ZAMMIT, NINU)

Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li l-line item li semma jindika li d-dħul ta' Lm3,120,000 mhux ser jiġi biss mill-ħlasijiet għar-rimi ta' skart domestiku, industrijali u dak iġġenerat mill-industrija tal-bini, iżda wkoll mill-Eco Contribution li tħabbret fid-diskors tal-Budget, liema kontribuzzjoni tista' tkun ukoll forma ta' depożitu fuq il-containers. Id-dettalji dwar l-Eco Contribution jitħabbru fiż-żmien opportun.

Malta Resources Authority — Rapport ta' Ħidma

Question

Jista' il-Ministru jagħti r-rapport ta' ħidma li twettqet mill-Malta Resources Authority matul dawn l-aħħar tnax-il xahar?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport ta' ħidma li twettqet mill-Malta Resources Authority għas-sena li għalqet fil-31 ta' Settembru 2003 qed jiġi finaliżżat. Dan ir-rapport jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif jiġi finaliżżat.

Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini — Rapport ta' ħidma

Question

Jista' il-Ministru jagħti r-rapport ta' ħidma li twettqet mill-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini (BICC) matul dawn l-aħħar tnax-il xahar?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport tal-ħidma li twettqet mill-Building Industry Consultative Council għall-aħħar tnax-il xahar ikun ippubblikat kmieni s-sena d-dieħla kif stipulat fl-istatut tat-twaqqif tal-Kunsill.

Mdina — Xogħol ta' pavimentar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk intgħażilx il-materjal li se jintuża għall-pavimentar ta' l-Imdina u jekk fl-affermattiv, x'tip ta' materjal hu? Meta se jinbeda x-xogħol tal-pavimentar? Kemm hu stmat li se jqum dan il-pavimentar inkluż il-prezz tal-materjal?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-materjal li ser jintuża għall-pavimentar ta' l-Imdina huwa tat-tip Altopiano Ragusano. Ix-xogħol fuq dan il-proġett mistenni jibda f'Jannar tas-sena d-dieħla. L-istima tat-Taqsima tax-Xogħlijiet biex isir il-pavimentar, inkluż il-materjal, hija stmata għal madwar Lm500,000 iżda l-ispiża tkun magħrufa wara li jinfetħu l-offerti finanzjarji.

Miżbla tal-Magħtab — Rimi ta' skart

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 3226 u cioe' jgħid x'kien id-dħul tal-gvern għar-rimi ta' l-iskart fil-Magħtab mill-1998 sal-lum, kull sena separatament? Kemm hu l-ammont ta' flus li l-gvern għad fadallu jiġbor mir-rimi ta' l-iskart fil-Magħtab?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif ġej:- DĦUL (ESKLUŻ IL-VAT) X'FADAL JINĠABAR (INKLUŻ IL-VAT Lm. ċ. Lm. ċ. 1998 - 109,632.30 1998 - 774.02 1999 - 117,228.41 1999 - 23,645.10 2000 - 308,069.93 2000 - 37,499.46 2001 - 505,294.26 2001 - 42,124.28 2002 - 506,128.21 2002 - 196,764.37 2003 - 407,076.04 (sat-2 ta' Diċembru 2003) 2003 - 222,219.39 (sal-31 ta' Ottubru 2003)

Miżbla tal-Magħtab — Vetturi li jarmu l-iskart

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 3227 u cioe' jgħid kemm hemm vetturi liċenzjati sabiex idaħħlu l-iskart fil-Magħtab? X'inhi r-rata għar-rimi fil-Magħtab illum u x'se tkun is-sena d-dieħla (2004)?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rata għar-rimi fil-Magħtab illum hija dik li kienet ġiet stabbilita fis-sena 1997, jiġifieri tmienja u tletin ċenteżmu (38ċ, VAT inkluż). Jekk ikun ser isir xi tibdil fir-rata, din tiġi mħabbra kif stabbilit fl-Avviż Legali 128 ta' l-1997. Dwar l-ewwel parti tad-domanda ninsab infurmat li l-liċenzjar tal-vetturi sabiex ikunu jistgħu jiddisponu l-iskart fil-Magħtab, sa llum hija responsabbilta' tal-MEPA. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Fondi mill-UE għal riabilitazzjoni ta' miżbliet

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 3228 u cioe' jgħid x'inhu l-ammont ta' fondi li l-Unjoni Ewropea hi prevista li se tagħti lil Malta għal: 1) riabilitazzjoni tal-miżbliet eżistenti; 2) tkabbir ta' l-impjant tal-kompostaġġ?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel fażi tar-riabilitazzjoni tal-miżbliet eżistenti hija stmata li ser tiġi tiswa 8.4 miljun Euro. Fil-każ ta' ristruttrrazzjoni ta' l-impjant ta' l-iskart ta' Sant'Antnin l-istima hija madwar 16-il miljun Euro. Il-finanzjament taż-żewġ proġetti ser jinħareġ bi sħab bejn il-Gvern Malti u l-UE fis-snin bejn l-2004 u l-2006.

Qrendi — Temporary engineered landfills

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 3229 u cioe' jgħid jekk tlestiex l-Environmental impact assessment li kellu jsir dwar it-temporary engineered landfills fil-Qrendi? Jekk fin-negattiv, meta se jitlesta dan l-istudju?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudju ambjentali (Environmental Impact Assessment) dwar l-Interim Controlled Engineered Landfills tlesta' u l-bieraħ (it-Tlieta 9 ta' Diċembru) ġie sottomess lil MEPA.

Paceville — Proġett ta' embellishment

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-proġett ta' embellishment ta' Paceville kif ukoll ipoġġi kopja tal-pjanta tax-xogħlijiet fuq il-mejda tal-Kamra? Meta nbdew ix-xogħlijiet u meta hu previst li jitlestew? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa x-xogħol previst?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta' embellishment f'Paceville jikkonsisti f'dan li ġej:- xogħol estensiv fuq is-servizzi tal-W.S.C., dranaġġ, Maltacom, Melita Cable u Enemalta; irranġar tal-bankini kollha; uċuħ ġodda għat-toroq interni kollha f'Paceville; xogħol ta' tisbiħ fil-pjazza prinċipali ta' Paceville; semi-pedestrianisation ta' toroq li jmissu mal-pjazza; twaħħil ta' arbli tad-dawl dekorattivi f'diversi toroq. Ix-xogħol inbeda fl-1 t'Ottubru 2003, u huwa maqsum fi tlett fażijiet. Mistenni li jitlesta' kollu sa l-aħħar ta' Ġunju 2004. Ix-xogħol huwa stmat li jiġi jiswa madwar Miljun Lira Maltin inkluż il-pagi tal-ħaddiema tal-Gvern li qed jagħmlu l-parti l-kbira tax-xogħol fuq dan il-proġett. M'huwiex il-każ li npoġġi kopja tal-pjanti peress li huma numru konsiderevoli u jeħtieġ ammont ta' flus sabiex isiru. Għaldaqstant nistieden lill-Onor. membru li meta jkun komdu jista' jara l-pjanti rikjesti.

Office of review — Direttur

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba d-direttur ta' l-office of review siefer, kemm dam barra l-pajjiż u kemm kienet l-ispiża globali għal kull żjara barra minn Malta minn meta ħa l-appointment f'April 2001 sa meta nbidillu r-rwol tiegħu f'Ottubru 2003?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta ħa l-appointment f'April 2001 sa Ottubru 2003 id-Direttur ta' l-Office of Review siefer darbtejn. L-ewwel safra kienet bejn it-2 u l-15 ta' Marzu 2003 u l-ispiża globali kienet ta' Lm473.74ċ. It-tieni safra kienet bejn it-23 u 26 ta Marzu 2003 u l-ispiża globali kienet ta' Lm540.44ċ.

Ftehim internazzjonali dwar rimi ta' skart

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3182 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-MInistru jgħid jekk Malta ffirmatx xi konvenzjoni jew xi forma ta' ftehim internazzjonali li jobbligaha ma titfax l-iskart fil-baħar fi proġetti ta' reklamazzjoni u mmaniġġjar aħjar ta' l-iskart fl-istess ħin?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din hija kwistjoni li tikkonċerna lil MEPA u għalhekk nitolbu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura — Każi ta' serq

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew rapportati każi ta' serq fid-dipartimenti, entitajiet, eċċ li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru mill-perjodu ta' Jannar sal-lum? X'passi ttieħdu u x'kienu l-oġġetti misruqa u x'valur kellhom?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif ġej:- OĠ ETTI MISRUQA VALUR X'PASSI TTIEĦ DU Erba' tabelli Lm60 Il-każ ġie rrapurtat lill-Pulizija Sellum ta' l- aluminium Madwar Lm50 Il-każ ġie rrapurtat lill-Pulizija Number Plate Lm10 L-ebda passi ma ttieħdu Set tat-telefon Alcatel Madwar Lm80 Il-każ ġie rrapurtat lill-Pulizija u saret inkjesta Maġisterjali Electronic Lead Detector Lm160 Il-flus tnaqqsu mill-pagi tal-ħaddiema responsabbli mill-użu tiegħu Partijiet minn romblu ( Road Roller ) Madwar Lm2,000 Għaddejja nkjesta nterna u sar rapport lill-Pulizija Żewġ batteriji ta' trakk Lm54.40ċ Qiegħda ssir inkjesta nterna kif ukoll sar rapport lill-Pulizija 140 litru Diesel minn gaffa Lm35.36ċ Sar rapport lill-Pulizija 10 folji njam ta' l-abjad taż-żewġ pulzieri Lm100 Sar rapport lill-Pulizija 18 key clamps Lm90 Sar rapport lill-Pulizija 8 barrikati tal-plastik Lm32 Sar rapport lill-Pulizija Sellum Lm20 Sar rapport lill-Pulizija 4 motor vibrators Lm1,340.90ċ Sar rapport lill-Pulizija. Twaqqaf Bord ta' l-Investigazzjoni u ttieħdu passi dixxiplinarji kontra żewġ impjegati

Miżbla tal-Magħtab — Rimi ta' l-iskart

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien id-dħul tal-gvern għar-rimi ta' l-iskart fil-Magħtab mill-1998 sal-lum, kull sena separatament? Kemm hu l-ammont ta' flus li l-gvern għad fadallu jiġbor mir-rimi ta' l-iskart fil-Magħtab?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.

Miżbla tal-Magħtab — Vetturi li jdaħħlu l-iskart

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm vetturi liċenzjati sabiex idaħħlu l-iskart fil-Magħtab? X'inhi r-rata għar-rimi fil-Magħtab illum u x'se tkun is-sena d-dieħla (2004)?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.

Fondi mill-UE għal riabilitazzjoni ta' miżbliet

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' fondi li l-UE hi prevista li se tagħti lil Malta għal: 1) riabilitazzjoni tal-miżbliet eżistenti; 2) tkabbir ta' l-impjant tal-kompostaġġ?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.

Qrendi — Temporary engineered landfills

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk tlestiex l-Environmental impact assessment li kellu jsir dwar it-temporary engineered landfills fil-Qrendi? Jekk fin-negattiv, meta se jitlesta dan l-istudju?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.

Ministreru għar-Riżorsi u Infrastruttura — Bordijiet

Question

Jista' il-Ministru jinformani liema kienu l-bordijiet li twaqqfu u l-membri li nħatru f'dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru? Meta fil-fatt twaqqfu u kemm-il darba ltaqgħu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-Bordijiet li tinkludi l-ismijiet tal-Membri tagħhom li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħi. Dawn jiltaqgħu minn darba sa darbtejn fix-xahar skond l-Aġenda.

Marsa — Area tal-Menqa

Question

Jista' il-Ministru jara li l-area tal-Menqa fil-Marsa u l-akkwati tiġi mnaddfa u mibdula peress li ilha għal dawn l-aħħar snin fi stat ta' telqa u abbandun?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal dak li huwa tindif, dan ser isir. Dwar is-suġġeriment biex l-akkwati jiġu mibdula, nitlob lill-Onor. Membru jkun iżjed speċifiku.

Imdina — Proġett ta' tiswija tas-swar

Question

Jikkonsidra l-Ministru li parti mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea għas-snin 2004-2006 jintnefqu fuq proġett ta' tiswija urġenti li hemm bżonn f'parti mis-swar ta' l-Imdina bejn il-Palazz Vilhena u x-Xara Palce Hotel fil-periklu li jaqgħu u jiġbdu magħhom il-bqija tal-bini?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġa' ittieħdu miżuri urġenti biex jiġi mirfud parti mill-palazz Vilhena minħabba l-qagħda li jinsab fiha. Fl-istess ħin wasal biex jitlesta' studju mill-Universita' ta' Bologna dwar il-qagħda tas-swar ta' l-Imdina u dwar x'miżuri għandhom jittieħdu biex jiġi evitat li xi parti mis-swar taqa'. L-istudju għandu jistabbilixxi wkoll l-ispiża meħtieġa biex isiru x-xogħlijiet biex is-swar jiġu mirfuda. Dan l-istudju ġie ffinanzjat mir-Raba' Protokoll Taljan. Minħabba li għad mhix magħrufa l-ispiża meħtieġa biex isiru dawn ix-xogħlijiet, ma setgħetx issir talba lill-Unjoni Ewropea biex jiġu finanzjati dawn ix-xogħlijiet. Naqbel ma' l-Onor. Interpellant li dawn it-tiswijiet huma urġenti l-aktar meta wieħed jiftakar li din il-problema ilha tkarkar għexieren ta' snin.

Spinola — Spinola Hill - xogħol ta' asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-triq magħrufa bħala Spinola Hill li tagħti minn Spinola bus terminus għal Paceville sal-bini tal-Maltacom hux se tingħata resurfacing jew jekk hux se tiġi rranġata bħala parti mill-proġett ta' upgrading ta' Paceville? Jekk le, jista' jgħid jekk din it-triq hux se tingħata priorita' mill-gvern u jistax il-Ministru jagħti indikazzjoni jekk u meta dawn ix-xogħlijiet se jsiru?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.