Legislature:
Category:
Reset
Active:

ADT — Mellieħa Ridge crossing project

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 22948, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-analisi tad-diversi alternattivi proposti għal kull proġett?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-analżi tad-diversi alternattivi proposti għal kull proġett ilhom ippubblikati fuq il-website ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport minn Frar 2005. Dawn id-dokumenti tqassmu wkoll fil-Kunsilli Lokali.

Karozzi uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għal manutenzjoni/repairs tal-karozza uffiċjali tiegħu u tas-second car tiegħu matul is-sena 2006?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ispiża għall-manutenzjoni/repairs tal-karozza ministerjali, matul is-sena 2006, kienet ta' Lm229. It-tieni karozza hija mikrija b'kuntratt, liema kuntratt jinkludi l-manutenzjoni ta' l-istess vettura.

San Pawl il-Baħar — Limbordin

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22918 dwar triq ġdida fil-Limbordin, jista' l-Ministru jgħid meta se jitlestew l-istudji ambjentali fuq l-impatt ta' din it-triq? Jekk l-istudji tħejjew, jista' ipoġġi kopja fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li qegħdin isiru studji preliminarji fuq din il-proposta u għalhekk mhux opportun illi nagħtu risposta għal dawn il-mistoqsijiet qabel ma jiġu konklużi dawn l-istudji.

San Pawl il-Baħar — Limbordin

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22918, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm bdiewa li l-art tagħhom se tintlaqat bit-triq il-ġdida? Liema huma dawn il-bdiewa? Kif ittieħdet id-deċiżjoni mnejn se tgħaddi t-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 23508.

Bugibba — St Anthony Street

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-awtorita' dwar it-trasport pubbliku biex tagħlaq St Anthony Street, f'Buġibba? X'jiġri fil-każ li r-residenti jkollhom bżonn ambulanza jew fire engine għal xi emerġenza f'din it-triq? Kif se tkun aċċessibbli din it-triq f'każ ta' emerġenza?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Mosta — Triq E.B. Vella

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jsiru xi culverts jew sistema għad-drenaġġ ta' l-ilma tax-xita ġo Triq E.B. Vella, l-Mosta, liema triq tkun mgħerrqa fuq kull darba li tagħmel ħalba xita ġmiela? L-iktar naħa li tegħreq fil-fatt hija n-naħa tal-bankina li tmiss mas-Sgħajtar.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Tħaffir ta' mina

Question

Għal xiex se tintuża l-mina li tħaffret minn Wied iż-Żiju l/o Sant'Antnin sal-power station ta' Delimara? Meta beda x-xogħol ta' tħaffir tal-mina li mill-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant Antnin Wied il-Għajn twassal għal power station ta' Delimara?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Msida — Triq Carob

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk Carob Street, Msida se tiġi prolungata lejn id-dar tal-anzjani fl-istess Msida?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Awtorita' dwar it-Trasport m'għandiex pjanijiet għall-estensjoni ta' Carob Street, Msida fil-ġejjieni immedjat.

Ta' l-Ibraġġ — Triq il-Ħabba

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk Triq il-Ħabba, Ta' l-Ibraġġ hijiex imdaħħla fil-programm imminenti ta' toroq? Jekk fl-affermattiv, meta beħsiebu jibda x-xogħol u kemm hu maħsub li jdum sejjer?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi t-tender għall-Triq il-Ħabba f'Ta' l-Ibraġġ inħareġ u diġa ġie aġġudikat lill-Philip Aguis & Sons Ltd. Għaldaqstant ix-xogħol f’din it-triq mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjien.

Raħal Ġdid — Triq l-Arkata

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-asfaltar ta' Triq l-Arkata, Raħal Ġdid huwiex responsabbilta' tal-kunsill lokali Raħal Ġdid jew le?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq l-Arkata ġo Raħal il-Ġdid hija responsabilta' tal-Kunsill Lokali Paola peress li diġa ffurmata u l-anqas hi triq arterjali jew distributorja. Għalkemm Triq l-Arkata Paola hija ffurmata u mhux triq arterjali jew distributorja minħabba l-ħsarat li fiha Triq l-Arkata ġiet inkluża fil-lista ta' Toroq li trid tagħmel l-Awtorita' dwar it-Trasport.

Raħal Ġdid — Triq Nazzarenu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-asfaltar ta' Triq Nazzarenu, Raħal Ġdid huwiex responsabbilta' tal-kunsill lokali Raħal Ġdid jew le?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-manutenzjoni meħtieġa f'din it-triq hija responsabilita' tal-Kunsill Lokali Paola.

Sta. Venera — Triq Reġjonali

Question

Jaf il-Ministru li r-residenti kollha li joqogħdu fi Triq Reġjonali f'Sta. Venera qed ibatu preġudizzju u danni sostanzjali minħabba li xi snin ilu sar il-proġett tal-mina u għaldaqstant qed ibatu minn tinġis u storbju persistenti? Jidhirlu li dawn ir-residenti għandhom jiġu kkumpensati għal dan kollu u jidhirlu li għandu jsir xi proġett mill-aspett ta' inġinerija biex jiġu mitigati d-danni li dawn in-nies qed isofru?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Din it-Triq u l-Mini ta' Sta Venera huma fost diversi partijiet tat-Triq magħrufa bħala Ten T Road f'Malta li hija ndikata għal titjieb. L-Awtorita' qiegħda tara jekk il-problemi ndikati jistgħux jiġu ndirizzati meta jsiru dawn il-proġetti.

San Ġiljan — Triq Alfred Gauci - linji sofor

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li linji sofor li hemm fi Triq Alfred Gauci c/w Tal-Bajja humiex approvati mill-awtorita' dwar it-trasport? Jaf li r-residenti f'din it-triq sarulhom ċitazzjonijiet mill-pulizija għax qagħdu fuq dawn il-linji sofor mhux awtorizzati? Dawn ir-residenti għandhom dritt li jipparkjaw fit-triq tagħhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima tal-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li ma nstabet l-ebda approvazzjoni għal Linji Sofor fi Triq Alfred Gauci li għalihom qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari. It-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku ma kienx infurmat biċ-ċitazzjonijiet maħruġa lir-residenti ta' Triq Alferd Gauci ma' dan kollu l-arranġamenti tat-traffiku f’din it-triq setgħu kienu determinanti mill-Traffic Impact Study li sar għall-Hotel Meridien li tinsab fl-istess triq. Għaldaqstant l-Awtorita Dwar it-Trasport kienet tgħat pariri lil Kunsill Lokali ta' San Ġiljan sabiex jirreferi din il-problema mall-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Xogħlijiet ta' toroq — Direct orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta' direct orders li ngħataw għal xogħlijiet ta' toroq matul is-sena 2006, inkluż il-valur ta' direct orders u lil min ingħata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Bypass

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21621, 21852, 22067, 22226, 22480, 22620, 22704, 22945, 23101 u 23437 u jgħid kemm hu stmat ix-xogħol ta' kostruzzjoni għall-irranġar ta' dik il-parti tal-bypass ta' San Pawl il-Baħar li ċediet minħabba xogħol ta' eskavar minn kuntrattur privat? Min se jħallas għal dan ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mall-partijiet involuti kollha sabiex tkun riżolta din il-problema.

Tarxien — Rotta tal-Karozza tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jkun daqstant ġentili u jara li r-rotta tal-karozza tal-linja terġa' tkompli tgħaddi minn Triq id-Dejma u Triq Santa Marija, f'Hal Tarxien, kif kien isir sa ftit ilu, peress li hemm diversi anzjani (u le) li qed ikollhom mixja twila għall-eqreb stage?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li dan it-tibdil sar peress li minn Triq Santa Marija mhux permess jgħaddu xarabanks (vetturi tqal) u d-distanza li qed jirreferi għalija l-Onorevoli Interpellant hija waħda raġonevoli.

Siġġiewi — Triq ġdida fi Triq it-Tank - culvert

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 19810, 20708 u mistoqsijiet oħra, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-proċeduri biex jinbena culvert fi Triq il-Ġdida, fi Triq it-Tank, Siġġiewi? Jista' jagħmel kull mezz biex dan ix-xogħol jinbeda mill-aktar fis possibbli?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

ADT — Managers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux konxju mill-fatt li fil-karigi maniġerjali (managers) fl-awtorita' dwar it-trasport jeżistu differenzi fil-ħlasijiet li jsiru u fil-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' dawn l-uffiċjali? Jista' jara li dawn l-indifferenzi jiġu eliminati ħalli l-affarijiet ikunu jidhru li qed isiru b'aktar ġustizzja?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li fil-karigi maniġerjali (managers) fl-Awtorita' dwar it-Trasport jeżistu differenzi fil-ħlasijiet li jsiru. Ma teżisti ebda differenza fil-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' dawn l-uffiċjali. L-Awtorita' dwar it-Trasport sejra tniedi job evaluation exercise u fuq dak li jirriżulta minn dan l-eżerċizzju sejra tibda proċess sabiex kemm jista' jkun jiġu eliminati d-differenzi li jeżistu.

Ħal Qormi — Triq l-Armal

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-bini ta' Triq l-Armal f'Ħal Qormi peress li kienet waħda minn dawk it-toroq li suppost kellhom jitlestew fis-snin li għaddew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 23378 f'seduta numru 487.

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li x-xogħol fuq it-toroq: il-Ġiżi, il-Veduta, Esprit Barthet, Markiż Scicluna u Manuel Agius fil-lokalita' tal-Madliena, Ibraġġ u Swieqi għaddej u meta dawn se jitlestew? Jista' jgħidilna kemm se tkun l-ispiża ta' kull triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.