Jista’ l-Ministru jgħid kemm studenti tal-MCAST li qed jagħmlu t-taħriġ tagħhom l-Għammieri u fuq liema setturi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ninsab infurmat li preżentament m’hemm l-ebda studenti tal-MCAST li qed jagħmlu it-taħriġ tagħhom mad-Dipartiment tal-Agrikoltura, fl-Għammieri. Min-naħa l-oħra jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-Istitut tal-MCAST li hemm fil-kumpless tal-Għammieri allura nitolbu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li terġa’ titwaqqaf l-iskema tad-dilettanti tal-ġardinaġġ li ntemmet sentejn ilu fuq art mhux użata fl-Għammieri?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ninsab infurmat li m’hemmx ħsieb li terġa’ titwaqqaf l-iskema tad-dilettanti tal-ġardinaġġ fl-Għammieri. Ninsab infurmat ukoll fl-Għammieri l-art tintuża kollha.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — assistent parlamentari
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min kien l-assistent parlamentari li kien jassisti lill-Ministru bejn l-2008 sal-2013 ? X'kien il-pakkett finanzjarju tal-assistent parlamentari? Jista’ jiġi ppreżentat rapport dettaljat dwar il-ħidma li kien għamel l-assistent parlamentari?
Response (BRINCAT, LEO)
L-Onor. Interpellant japprezza li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli għalih nibet minn Ministeri oħra li kienu jħaddnu wkoll bosta sezzjonijiet u jew entitajiet u dipartimenti li llum ma jiffurmawx parti minn dan il-Ministeru. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant ukoll li skond informazzjoni mgħoddija lilli mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-parti l-kbira l-Ministeru tiegħi twieled minn dak li qabel kien il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali (MRRA) li minnu twieled ukoll il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura (MTI) tal-lum. Għaldaqstant għal perjodu bejn l-2008 sa Marzu 2013 ir-risposta ser tingħata mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura li saritlu mistoqsija simili.
Jista’ l-Ministru jgħid kif se jassigura li lukanda fi Triq Wied Għollieqa fil-Kappara (San Ġwann) ma tħallix il-garbage bags tagħha barra t-triq minflok tpoġġihom f’kamra li għandha apposta bħalma jiġri ta’ spiss sakemm dawn jinġabru mill-kollettur privat tal-lukanda?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid minn meta bdew isiru n-neutering campaigns għall-klieb u l-qtates? Jista’ wkoll jgħid kemm kienu l-ispejjeż involuti għal kull kampanja?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba għall-assistenza daħlet lid-Dipartiment tal-Animal Welfare fl-aħħar ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti? Minn meta beda jopera l-Helpline 1717 tal-Animal Welfare kemm-il telefonata daħlet u kemm minnhom ingħatat assistenza? Jekk hu possibbli, jista’ jelenka mil-liema lokalitajiet daħlu dawn it-telefonati?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari d-Dipartiment ma sabx rekords ta’ kemm -il talba għall-assistenza daħlet lill-Animal Welfare fl-aħħar 5 snin tal-amministrazzjoni preċedenti. Minn mindu beda jopera s-servizz tal-Helpline 1717 fl-2013, daħal ammont konsiderevoli ta’ telefonati fuq materji varji relatati mal-welfare tal-annimali fosthom 12,763 każ fejn id-Dipartiment ta l-assistenza tiegħu permezz tal-ambulanza jew tal-involviment dirett tal-ħaddiema tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid minn meta tniedet il-kampanja ta’ dog friendly beaches? Jista’ jgħid kemm hemm minnhom fil-prattika llum u fejn jinsabu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-kampanja tad-Dog Friendly Beaches tniedet f’Awwissu tal-2013 u hemm 10 bajjiet. Dawn huma l-Bajja ta’ Wied il-Għajn, wara Splash & Fun f’Baħar iċ-Ċagħaq, il-Fortina f’Tas-Sliema, il-Bajja tar-Rinella l-Kalkara, il-Bajja ta’ Xatt is-Sajjieda Marsaxlokk, Daħlet ix-Xmajjar Mellieħa, il-Bajja tat-Torri l-Abjad Mellieħa, Bajja tal-Imġiebaħ Selmun, Il-Bajja ta’ Daħlet Imġarr ix-Xini Għawdex, il-Qbajjar Marsalforn f’Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma ċ-ċifri ta’ bdiewa reġistrati bil-lokal, settur, sess, u età f’Malta u f’Għawdex separatament?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari n-numru ta’ bdiewa reġistrati mal-Aġenzija ARPA (Agriculture and Rural Payments Agency) fi ħdan dan il-Ministeru, huwa kif jidher fit-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninfurmah ukoll li ma tinżammx informazzjoni dwar is-settur u l-età ta’ dawn il-bdiewa.
Jista’ l-Ministru jgħid humiex se jerġgħu jibdew jiġu organizzati festi tal-prodotti Maltin bħal pereżempju tal-ħalib, tal-majjal, tal-ħaxix, tal-frott, tal-għasel eċċ. biex il-prodotti Maltin ikollhom l-exposure neċessarju?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-festi ta’ prodotti Maltin diġà qed jiġu organizzati f’diversi rħula madwar Malta u Għawdex. Din is-sena organizzajna u anki assistejna diversi għaqdiet u attivitajiet fosthom: Festa Ħut fiż-Żurrieq, Festa Frawli fl-Mġarr, Casal Fornaro f’Ħal-Qormi, Festa Rkotta f’Ħal Kirkop, Festa tal-Għeneb fis-Siġġiewi, Ħidma Agrarja u Tradizzjonijiet f’Ħad-Dingli u Żejt iż-Żejtun fiż-Żejtun. Dawn apparti l-Imnarja li hija l-festa prinċipali tal-prodotti u l-bdiewa Maltin. Hawnhekk jieħdu sehem bdiewa minn kull parti tal-gżejjer tagħna.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadhomx isiru esperimenti fuq il-varjetajiet tal-bajtar tax-xewk li kienu jsiru fl-Għammieri?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qatt ma kienu jsiru esperimenti fuq is-siġar tal-bajtar tax-xewk.
Li kien sar hu li tħawlu diversi varjetajiet ta’ bajtar tax-xewk u nbniet kollezzjoni ta’ dawn il-varjetajiet, kollezzjoni li għadha eżistenti
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie prodott ħalib mill-baqar, ngħaġ u mogħoż kuljum f’dawn l-aħħar ħames snin, sena b’sena? Għal xiex qed jintuża dan il-prodott?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari d-Direttorat tal-Agrikoltura jżomm biss informazzjoni fuq bażi annwali tal-produzzjoni tal-ħalib tal-baqar skond kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, hekk kif ikkomunikata mill-MDP (Malta Dairy Products). Rigward produzzjoni tal-ħalib ta’ nagħġ u mogħoż din l-informazzjoni ma tinżammx mill-Ministeru tiegħi. Għall-aħħar parti tal-mistoqsija, id-Direttorat tal-Agrikoltura ma jżommx tali informazzjoni peress li din hija materja ta’ natura kummerċjali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm siġar taż-żebbuġ fl-Għammieri? X’qed isir mill-prodott?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari fl-Għammieri hemm total ta’ 257 siġra taż-żebbuġ li jitkabbru b’mod organiku. Iż-żebbuġ li jinqata’ jintgħasar, jiġi ibbottiljat fi fliexken u jinbiegħ lill-pubbliku mill-Għammieri.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jsir biex tingħata dehra aħjar lill-biċċerija, li spiss kienet assoċjata ma’ ambjent degradanti u li partijiet minnha llum għandhom madwar 120 sena?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 18778, 18779, 18781 u 18782.
Inżid ngħid illi meta jitlestu dawn ix-xogħlijiet essenzjali ta’ natura infrastrutturali, tingħata mportanza wkoll sabiex il-Biċċerija tingħata dehra aħjar permezz ta’ tħawwil ta’ siġar,
flowerbeds
, eċċ. li jsebħu l-ambjent. Dan jikkuntrastja bil-kbir mat-telqa li sab dan il-Gvern wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013.
Biċċerija – infiq fuq titjib tal-infrastruttura u l-operat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-ispiża kapitali li saret biex titjieb l-infrastruttura u l-operat tal-biċċerija biex tkun konformi mar-regolamenti tal-Kummissjoni Ewropea, minn Marzu 2013 sad-data li tingħata r-risposta? Jistgħu jingħataw dettalji tax-xogħlijiet li saru?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari minn Marzu 2013 sa llum il-Gvern kompla bil-programm estensiv ta’ ristrutturar u r-rinnovament tal-Biċċerija Pubblika. Dan bħala parti minn programm ħolistiku li għandu l-mira li, fuq medda ta’ snin, jittrasforma l-Biċċerija f’vetrina tal-kwalità tal-prodott Malti. L-investiment matul dan il-perjodu kien jinkludi l-bini u t-tgħamir ta’ faċilitajiet ġodda għall-impjegati tal-Biċċerija. Intemm ix-xogħol fuq il-faċilitajiet għall-ħassiela waqt li tlestew l-ewwel żewġ fażijiet minn tlieta tal-faċilitajiet għall-biċċiera – dawn mistennija jitlestew kompletament sa Marzu 2016.
Sar ukoll xogħol estensiv ta’ tiswija u manutenzjoni tal-linji tal-qatla. Dan kien jinkludi investiment f’xi makkinarju ġdid, il-bidla tal-armar li qed iwieżen l-istruttura kollha tas-swali tal-qatla u li kienu bdew juru sinjali preokkupanti ta’
corrosion
, it-trattament apposta ta’ partijiet oħra tal-linji biex waqt li tkun salvagwardjata l-integrità tagħha tkun żgurata ukoll l-iġene fuq l-impjant u l-kwalità tal-laħam li joħroġ mill-Biċċerija, kif ukoll xogħol fuq iċ-
chillers
.
Dan il-Gvern investa ukoll f’xogħlijiet fuq parti estensiva tal-partijiet esterni tal-Biċċerija li jinkludu tqassim aħjar tat-toroq interni, xogħol ta’
landscaping
u faċilità ġdida għall-ħasil ta’ trakkijiet li fuqhom jinġiebu l-bhejjem għall-qatla. Tlesta ukoll proġett ta’ modernizzar fis-sistema tad-dranaġġ fosthom ir-ripożizzjonar tas-
silt-trap
. Barra minn hekk, ġew immodernizzati l-faċilitajiet li fihom jiġu milqugħa l-bhejjem għall-qatla biex ikun imsaħħaħ il-
welfare
ta’ dawn il-bhejjem.
Dan il-programm ta’ tiġdid twettaq b’investiment ta’ madwar €500,000 fl-2013, madwar €600,000 fl-2014, u madwar €800,000 din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjani/xogħlijiet għandu l-Gvern għas-sena li ġejja biex titjieb l-effiċjenza fl-operat tal-biċċerija? Kemm hija stmata l-ispiża għal dawn ix-xogħlijiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Intepellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari matul is-sena li ġejja il-Gvern mistenni jkompli l-proċess ta’ ristrutturar u r-rinnovament tal-Biċċerija Pubblika permezz ta’ numru ta’ proġetti li jkomplu jibnu u jikkonsolidaw dak li nkiseb sa issa mill-2013 sa llum. B’żieda ma dak li ntqal f’din il-Kamra f’Tweġibiet Parlamentari oħra fuq din il-faċilità, dawn jinkludu t-tlestija tal-faċilitajiet il-ġodda għall-impjegati responsabbli mid-diversi fażijiet tal-qatla, xogħol fuq il-bdil ta’ soqfa tal-asbestos u tiswija ta’ soqfa oħra. Barra minn dan ix-xogħol, ser isir xogħol fuq is-sistema elettrika tal-biċċerija, l-installazzjoni ta’ tlett Air Handling Units biex jiżguraw li t-temperatura fuq il-linji tal-qatla tkun tali li tipprovdi ambjent ideali għall-iproċessar tal-karkassi kif ukoll li tkun komda għall-impjegati tal-biċċerija; u t-tindif u r-restawr ta’ żewġ ġwiebi biex jilqgħu l-ilma tax-xita.
Fil-ġimgħat li ġejjin ser joħorġu wkoll sejħiet għall-offerti għax-xiri ta’ apparat ġdid għal fuq il-linji tal-qatla. B’kollox dan ix-xogħol ser isarraf f’investiment ta’ madwar €1.5 miljun, hekk kif indikat fl-estimi finanzjarji għas-sena d-dieħla (2016).
Jista’ l-Ministru jgħid hux minnu li fil-pitkalija l-ġdida kien previst li minħabba l-kontijiet tad-dawl u l-ilma kien se jkun hemm 10% żieda fuq il-kontijiet lill-pitkala? X’inhu l-ħsieb tal-Gvern f’dan ir-rigward? Se jimponi premium fuq dawn il-kontijiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-Pitkala jħalssu kirja annwali tax-‘sheds’ tagħhom li jwassal ukoll għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma li jiġi kkunsmat mil-Pitkala stess. Peress li dawn il-kontijiet jintbagħtu direttament lill-Pitkala, il-Gvern m'għandu l-ebda jedd fuq dawn il-kontijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-restrizzjonijiet fil-pjanti approvati li setgħu jxekklu l-operat tal-pixkerija? X’kienet l-ispiża stmata u kemm fil-fatt se tiġi tqum il-Pixkerija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-pjanti approvati ma kienux jirriflettu l-operat ta’ ċentru ta’ rkant għall-ewwel bejgħ tal-ħut żbarkat f’Malta skond l-eżiġenzi stipulati fir-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea. Meta x-xogħlijiet infrastrutturali kif kienu definiti fit-tender maħruġ mill-Gvern preċedenti kienu konklużi, anke wara li kienu ffaċċjati u solvuti numru ta’ imprevvisti, ħareġ b’mod ċar li kien hemm restrizzjonijiet li jxekklu l-operat tal-Pixkerija.
Dawn kienu jinkludu wkoll restrizzjonijiet strutturali u li għalihom id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura kellu jsib soluzzjonijiet tekniċi biex dawn ikunu megħluba jew mitigati. Fosthom wieħed jista’ jsemmi l-fatt li l-kuritur ta’ wara, li jservi ta’
service corridor
minn fejn suppost għandu jiddaħħal il-ħut, tant huwa dejjaq li
palletizer
manwali ma jistax jintuża u għalhekk kellhom jinħadmu “trolleys” addattati biex il-ħut ikun jista’ jitwassal għall-post tal-bejgħ. Nuqqas ieħor huwa li fil-pjanti ma kien hemm ebda provviżjoni għall-post adekwat fejn ikunu stivati l-kaxxi nodfa li jużaw is-sajjieda, u lanqas uffiċini minn fejn isir ix-xogħol ta’ amministrazzjoni tal-operat tal-post. Biżżejjed ngħid ukoll li lanqas kien maħsub fit-
tender
li jkun hemm kanċell għad-dħul u ħrug ta’ l-istruttura.
Tajjeb li wieħed jgħid li joħroġ b’mod ċar il-fatt li l-Gvern Preċedenti ma kellu l-ebda pjan għall-operat ta’ din l-istruttura. Meta żvolġa x-xogħol, ħarġu nuqqasijiet fejn jidħlu
standards
rikjesti mill-liġi għal stabbilimenti ta’ l-ikel. Ukoll ma kienet ingħatat ebda konsiderazzjoni għall-ħtiġijiet biex ikunu sodisfatti l-obbligi fir-rigward ta’ sistema ta’ tikketjar jew traċċabiltà. Nista’ nibqa sejjer bil-lista ta’ nuqqasijiet. Dawn in-nuqqasijiet qed jiġu ndirizzati b’mod xieraq u bil-kollaborazzjoni ta’ l-entitajiet rispettivi anke bl-introduzzjoni ta’ teknonolġija informatika żviluppata minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan minnbarra l-problemi operattivi li joħorġu mill-fatt li l-pixkerija ġiet mibnija fuq sit li huwa l-bogħod mill-postijiet fejn jinħatt il-ħut minn fuq il-bastimenti tas-sajd.
Infurmat ukoll li filwaqt li l-istima inizjali tal-proġett kienet ta’ €3,333,125 illum, biex kienu indirizzati dawn in-nuqqasijiet, l-ispiża totali telgħet għal €3,502,383. Dawn il-figuri ma jinkludux VAT dovut.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew installati shelters għall-karozzini fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti u kemm ġew installati f’din l-amministrazzjoni, u fejn jinsabu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġdida (li qabel it-8 ta' Marzu 2013 ma kienux impjegati mal-entitajiet/dipartimenti/awtoritajiet konċernat) ġiet impjegata mal-Ministeru tiegħu inkluż ma’ kwalunkwè entità, korporazzjoni, jew dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-8 ta’ Marzu 2013 sat-30 ta’ Settembru 2015, kemm jekk l-impjieg tagħha hu wieħed dirett, kemm jekk l-impjieg tagħha hu tramite l-kuntrattur, kemm jekk huwa on secondment, kif ukoll jekk fuq bażi ta’ self-employed?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, f’dak li jirrigwardja impjiegi ġodda li saru b’mod dirett mal-Ministeru u l-entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi, l-informazzjoni mitluba ngħatat diġà fit-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 12701 u 20068.
In-numru ta’ impjiegi li sar
tramite
l-kuntrattur sa Mejju 2015 ġie rrappurtat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 17115. B’żieda ma’ dik it-Tweġiba għandi ngħarrfek illi għalkemm b’kollox inbidlu 74 impjegat
tramite
l-kuntrattur li jgħati servizz lill-Wasteserv, tajjeb li wieħed jispjega li min dawn l-74 impjegat, kien hemm 22 li ġew ingaġġati bħala
replacement
ta’ impjegati li tterminaw l-impieg tagħhom u 2 oħra li ħadu post impjegati li rriżenjaw. Ta’ min isemmi wkoll li 27
sorter
ġew ingaġġati mill-kuntrattur biex jaħdmu fl-impjant il-ġdid magħruf bħala il-
Malta North Project.
Fuq il-Mejda tal-Kamra qed inpoġġi wkoll Tabella li fiha qed tingħata informazzjoni dwar
secondments
li saru minn Marzu 2013 sa Settembru 2015.
Fl-aħħarnett, f’dak li jirrigwardja
self-employment
nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 17672.