Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ftehim bejn il-Gvern u l-Caritas

Question

B’referenza għall-ftehim li ġie ffirmat reċentament bejn il-Gvern u l-Caritas dwar servizzi li l-Caritas ser tagħti fil-qasam tar-riabilitazzjoni mid-droga, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-ftehim huwiex addizzjonali għall-għajnuna li tingħata normalment mill-Gvern lill-Caritas jew jekk hux intiż biex ikopri wkoll is-servizzi li jingħataw normalment?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpelant illi, il-ftehim li ġie ffirmat riċentament bejn il-Gvern u l-Caritas ikopri s-servizzi li kienu diġa’ jingħataw u servizzi oħra ġodda. Ftehim ieħor bejn il-Gvern u l-Caritas dwar riabilitazzjoni mid-droga għal ¿għa¿agħ ta’ taht it-18 il sena, ser ikun iffirmat aktar tard matul din is sena.

Persuni li għaddew minn programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li għaddew minn programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga fid-diversi programmi li hawn f’pajjiżna, sena b’sena fis-snin 2010, 2011, 2012, 2013, 2014 u 2015 u jaqsam din l-informazzjoni skont il-programmi rispettivi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, in-numru ta’ persuni li attendew l-Aġenzija Sedqa għall-programmi ta’ riabilitazzjoni mid-droga huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. 2010 2011 2012 2013 2014 2015 SMIPU - Dar l-Impenn 267 211 203 180 169 208 KSM – Komunita Santa Marija 57 51 49 36 28 41 ASU – Assessment and Stabilisation Unit - - - 56 46 57 NB: Tajjeb li wieħed jgħid li s-servizz tal-Assessment and Stabilisation Unit beda jiġi offrut fl-aħħar xahar tas-sena 2012 u allura l-ewwel statistika disponibbli hi dik għas-sena 2013.

Programmi ta’ riabilitazzjoni mid-droga – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk teżistix lista ta’ stennija għall-programmi ta’ riabilitazzjoni mid-droga? Jekk iva, jista’ jgħid kemm hemm bħalissa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-lista ta’ stennija għas-servizzi ta’ riabilitazzjoni mid-droga offruti mill-Aġenzija Sedqa huwa kif ġej: 1. Dar l-Impenn : L-ebda lista ta’ stennija. Numru ta’ klijenti ingħataw data ta’ dħul għal ġimgħat li ġejjin u bħalissa qed jiġu ppreparati. 2. Assessment and Stabilisation Unit : 4 persuni fil- waiting list . 3. Komunita’ Santa Marija : L-ebda lista ta’ stennija. Numru ta’ klijenti ingħataw data ta’ dħul għal ġimgħat li ġejjin u bħalissa qed jiġu ppreparati biex jibdew it-tali programm.

Somma — każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward somma li għandha tieħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-każ imsemmi minnu ġie mistħarreġ u wkoll sar kuntatt mal-persuna ikkonċernata.

Rapport bil-kawża ta’ mewt – każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25571 u jara li jsir kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward rapport ta’ file bil-kawża tal-mewt tar-raġel tagħha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-persuna msemmija la qatt kien residenti ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule u anqas f’waħda mid-djar tal-anzjani tal-Gvern jew f’waħda mid-djar tal-anzjani li magħhom għandna sħubija mal-privat.Għaldaqstant, il-Ministeru tiegħi ma jistax jipprovdi rapport dwar il-kawża tal-mewt tas-sinjura.

Residenza San Vinċenz de Paule – Sala Rużar Briffa 1 — tenders

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi d-dokumenti kollha relatati ma' tenders li nħarrġu jew ingħataw biex kuntrattur/i setgħu jibdew xogħol fis-Sala Rużar Briffa 1 fir-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li, t-tenders kollha saru bil-proċess ta’ e-tendering. Sa issa kienu mgħotija it- tenders segwenti: · Tender għal twaqqiegħ u kostruzzjoni għall-ammont ta’ €369,384.57 mingħajr VAT. CFT/SVP/903 – liema tender kien ppublikat nhar il-15 ta’ Jannar 2016 u awarded nhar id-29 ta’ April 2016. · Tender għal tneħħija ta’ pajpijiet tal-asbestos għall-ammont ta’ €3,550 mingħajr VAT. SVP/959/2016 – liema tender ġie awarded fis- 27 ta’ Mejju 2016. Tender għal tneħħija tal-asbestos sockets ta’ drenaġġ għall-ammont ta’ €5,950 mingħajr VAT. SVP/960/2016 – liema tender ġie awarded fis-27 ta’ Mejju 2016.

Awtorità tad-Djar – periti — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità tad-Djar tatx xogħol marbut mal-bini ta' binjiet residenzjali tal-Gvern, lill-periti privati, matul l-aħħar sitt xhur? Jekk iva, liema kienu l-periti li tqabbdu jagħmlu dan ix-xogħol, u għal liema proġetti individwalment tqabbdu jagħmlu x-xogħol li suppost se jagħmlu? X'tip ta' kuntratti ngħataw għal dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita’ ma tat l-ebda xogħol f’dawn l-aħħar sitt xhur lil Periti privati b’konnessjoni ma’ bini ta’ binjiet residenzjali.

Housing soċjali — politika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Gvern beħsiebu jindirizza l-politika dwar il-housing soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorità tad-Djar qed tindirizza l-housing soċjali minn aspetti differenti, iżda primarjament minn aspett ħolistiku. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li, f’dawn l-aħħar 3 snin, l-Awtorità introduċiet is- social assessments bil-għan li jkunu jistgħu jingħataw l-attenzjoni meħtieġa dawk il-każijiet li għandhom problemi akuti u vulnerabbli. Qegħdin naħdmu sabiex l-Awtorità jkollha aktar postijiet u dan biex tkun tista’ tilqa’ għad-domanda li għandha. Għal dan il-għan, l-Awtorità qed tinvesti 50 miljun Ewro (€ 50m) fi proġetti ta’ bini ta’ housing soċjali.

Sigurtà Soċjali – persuni li jinqdew fil-fergħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm marru persuni jinqdew mill-branches tas-Sigurtà Soċjali matul is-snin 2014 u 2015, fergħa fergħa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-ammont ta` nies li nqdew mill-uffiċini distrettwali matul l-2014 u l-2015 kien kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Applikazzjonijiet għall-housing alternattiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għall-housing alternattiv jistennew u kemm ilhom pendenti dawn l-applikazzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar għandha 3224 applikazzjoni pendenti li minnhom 465 jixtiequ jibdlu l-proprjetà li diġà joqgħodu fiha u li hija tal-Gvern. Dawn l-applikazzjonijiet huma mqassmin matul is-snin u jvarjaw bejn l-1988 sal-lum.

Djar tal-Anzjani –- ilmenti minn anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li jinsabu residenti f’Dar tal-Anzjani li ressqu xi ilmenti? Fuqhiex kienu magħmula dawn l-ilmenti u f’liema Dar Residenzjali twettqu dawn l-ilmenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Taħlib u kisi ta’ apramorta – każ ta’ anzjan

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward taħlib u kisi ta’ apramorta?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant illi l-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ingħata l-attenzjoni meħtieġa u l-individwu ġie nfurmat bl-eżitu.

Pensjoni – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ ta’ pensjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-każ dwar Pensjoni tal-Età mhux Kontributorja tas-Sinjura msemmija huwa maħdum tajjeb.

Djar għall-anzjani fin-nofsinhar ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk fost l-inizjattivi pożittivi li qed isiru biex tiġi indirizzata l-problema tal-postijiet għall-anzjani, hemmx pjanijiet biex il-privat jiġi inċentivat jiftaħ Djar għall-Anzjani fin-nofsinhar ta' Malta ħalli aktar nies ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fl-ambjent li jgħixu fih?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern ippubblika l-Istandards Minimi għad-Djar tal-Anzjani biex is-settur privat ikun jaf il-Gvern x’qiegħed jistenna mingħandu bħala livell ta’ servizz.

Awtorità tad-Djar – applikazzjonijiet għall-bini ta’ appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25401 u ċjoè: Billi f’risposta preċedenti l-Ministru wieġeb li hemm numru ta' siti li hemm probabbiltà li l-pjanti tal-bini propost jinbidel minn dak li kien fil-passat mill-Awtorità tad-Djar li ssottomettiet l-applikazzjonjiet għall-bini ta' appartamenti, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proposti li kienu diġà approvati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u li issa l-Awtorità tad-Djar qed tipproponi li tbiddel minn kif kienu? Jista’ f’kull każ iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li kienu approvati, u kopja tal-pjanti li issa qed jiġi propost li jinbnew minflok dawk li kienu diġà permessi fil-passat? Meta hu mistenni li f'kull każ, jinbeda x-xogħol fuq is-siti partikulari?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-eżerċizzju tal-għażla tas-siti għadu għaddej u jidher li bejn erbatax (14) u sbatax (17) –il sit ser jiġu magħżula biex l-Awtorita’ tad-Djar tkun tista’ tibni fuqhom. Meta jkun hemm deċiżjoni finali, l-Awtorita’ tkun f’pożizzjoni li tipprovdi l-pjanti approvati mill-Awtorita’ tal-Ippjanar. In-numru tal-binjiet li ser ikollhom il-pjanti mibdula għadu qed jiġi evalwat mill-periti.

Rapport bil-kawża ta’ mewt – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward rapport ta’ file bil-kawża tal-mewt tar-raġel tagħha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tad-Djar – Struttura Perikoluża – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward struttura perikoluża?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, minn informazzjoni li għandha l-Awtorita’ tad-Djar, ma jirriżultax li sar rapport mingħand il-persuna indikata. Madanakollu, ittieħdet nota tal-każ u għandha ssir spezzjoni minn uffiċjali tekniċi sabiex jiġi vverifikat l-ilment.

Dar tal-Anzjani — anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani miktuba biex jidħlu f’Dar tal-Anzjani attwalment? Kemm hu n-numru ta’ anzjani li diġà jinstabu f’home?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-preżent hemm 1395 anzjan/a miktuba biex jidħlu f’Dar tal-Anzjani. In-numru ta’ anzjani li diġa jinsabu f’home jammonta għal 1734, imqassma kif ġej: Djar tal-Anzjani tal-Gvern: 940 Djar tal-Anzjani tal-Privat (taħt l-iskema PPP - inkluż Għawdex): 794 Barra minn dawn hemm ukoll 1,077 anzjan/a fir-Residenza San Vincenz de Paule.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – servizzi fil-komunità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jiġu offruti servizzi fil-komunità u liema settur qed joffrihom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fit-tabella annessa. Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali - Servizzi fil-Komunita' L-Awtorita’ tad-Djar: · Servizz fil-komunita’ minn ħames Ċentri tal-LEAP, l-Erbgħa u l-Ġimgħa. · Servizz mill-One-Stop Shop Id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali: · Servizzi lill-pubbliku (servizzi jikkonsistu f’mili ta’ applikazzjonijiet u tingħata informazzjoni dwar il-benefiċċji sew kontributorji kif ukoll mhux kontributorji) offruti minn 24 uffiċċju distrettwali mxerrda madwar Malta u Għawdex, minn 10 kunsilli lokali, u ukoll darba fil-ġimgħa mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, · Servizzi offruti mill-uffiċċji li nfetħu tal-One Stop Shop fil-Qawra, Birkirkara u Raħal Ġdid. · Is-Servizzi telefoniċi 159 u 25903000. Is-servizz SPIC issa estenda ruħu ukoll biex iwieġeb għal diversi diffikultajiet u mistoqsijiet li l-individwu jista’ jkollu fuq servizzi offruti mill-Awtorita tad-Djar, id-Dipartiment tal-Anzjani u l-Fondazzjoni tal-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Ir-Residenza San Vinċenz de Paule: · Serviżż ta’ Respite għal-Persuni b’Dipendenza għolja u persuni li qed ibagħtu mill-kundizzjoni tad-dimenzja; · Servizz ta’ Day Care għal persuni bid-dimenzja; · Servizz ta’ Night Shelter · Vascular Clinic Out-Patient mid-Day Clinic · Serviżż ta’ Fiżjoterapija Id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’: · Għajnuna fid-Dar (Home Help) · Servizz tal-Handyman · Servizz għall-Inkontinenza · Roħs fuq il-Kera tat-Telefon · Ċentri ta` Matul il-Jum · Meals on Wheels · Telecare u Telecare + · Night Shelters ġewwa z-Żejtun, l-Mellieħa, u l-Ħamrun · Night Shelter ġewwa Għajnsielem Għawdex · Servizz ta’ Social Work · Servizz ta’ Respite f’Casa Leone · Servizz ta’ Respite ġewwa Villa San Lawrenz Għawdex · Servizz ta’ Domicilliary Care · Servizz ta’ Outreach · Dementia Activity Centre Għajnsielem Għawdex · Servizz ta’ Live-in-Carer Aġenzija APPOĠĠ: · Servizz ta’ ħaddiema soċjali f’4 komunitajiet – il-Birgu, il-Qawra, l-Belt Valletta, u l-Imsida, kif ukoll fl-isptarijiet, fiċ-ċentri tas-saħħa u ġewwa l-Isptar Mount Carmel; · Is-Servizz tal-Home-Start u Programm Ulied Darna; · Residenzi fil-Komunita’ għal minuri li minħabba diversi raġunijiet ma jkunux qed jgħixu mal-familji rispettivi tagħhom. Aġenzija SAPPORT · Servizz ta’ Ħaddiema Soċjali. · Servizz ta’ Għajnuna fil-Komunita’, liema servizz jigi mogħti u addattat skond il-bżonn tal-individwu. · Servizz tas-Sign Language Interpreting Aġenzija SEDQA: · Servizzi mediċi u psiko-soċjali lil persuni bi problema ta’ droga, alkohol u logħob tal-azzard lill-familjari tagħhom. · Servizzi t’għajnuna fil-Qrati; · Servizzi psikoterapewtiċi lill-individwi, lill-koppji u familji u lill-klijenti kemm tal-Aġenzija Sedqa u wkoll tal-Aġenzija Appoġġ; · Servizzi ta’ parental skills personalizzati lill-klijenti tal-Aġenzija Sedqa li jkunu f’kuntatt mas-Servizzi għall-Ħarsien tat-Tfal tal-Aġenzija Appoġġ · Servizzi mediċi residenzjali lilll-persuni bi problema ta’ droga u alkoħol permezz tas- Substance Misuse In -Patient Unit u Dar l-Impenn; · Servizzi residenzjali ta’ stabilizazzjoni medika u psiko-soċjali lill-persuni bi problema ta’ droga u alkoħol mill-Assessment and Stabilisation Unit · Servizzi residenzjali psiko-soċjali lil persuni bi problema ta’ droga mill-Komunità Santa Marija · Servizzi residenzjali u matul il-ġurnata psiko-soċjali lill-persuni bi problema t’ alkoħol ġewwa Żerniq.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – persuni li jingħataw servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani, persuni bi bżonnijiet speċjali, single mothers, nies bla xogħol eċċ. li jieħdu servizzi mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-informazzjoni miġbura qed tirreferi għal statistika ta’ kemm ibbenefikaw minn servizzi/skemi/benefiċċji skont il-ġeneru tas-servizz, maqsuma skont l-entita’ jew id-dipartiment li qed jipprovdihom, ħlief għall-informazzjoni mgħotija mill-Awtorita tad-Djar. Tajjeb li jingħad ukoll li ħafna mill-benefiċjarji imsemmija jieħdu aktar minn benefiċċju jew servizz wieħed fl-istess ħin.