Lotteries and Gaming Authority – delegazzjoni fiċ-Ċina
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji dwar żjara li delegazzjoni mil-Lotteries and Gaming Authority għamlet dan l-aħħar f’Macau (fiċ-Ċina) fosthom minn min kienet komposta d-delegazzjoni, ir-raġuni taż-żjara, kemm damet iż-żjara, ma’ min iltaqgħet id-delegazzjoni, x’relevanza kellha din iż-żjara u kemm swiet l-istess żjara?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninsab infurmat li d-delegazzjoni kienet komposta minn Executive Chairman, Chief Regulatory Officer, Chief Legal Officer u Chief Operations Officer. Ir-raġuni għaż-żjara (li damet 5 ijiem) kienet l-iGaming Asia Congress li saret f’Macau bejn 4-6 ta’ Marzu 2014, li huwa kungress internazzjonali li jsir kull sena. L-iskop kien iffukat fuq “networking”, “capacity building” u esplorazzjoni ta’ opportunitajiet ġodda għal Malta.
L-LGA ħasset li kellha tattendi għall-konferenza kif kien isir fis-snin li għaddew.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta’ ħidma għas-sena jew snin li ġejjin tal-Bord tal-Koperattivi?
Response (CARDONA, CHRIS)
Il-pjan ta’ ħidma tal- Bord tal-Koperattivi għas-snin 2014/2015 se ikun qed jindirizza dawn il-miżuri:
Matul l-2014 il-Bord ser ikun qiegħed imexxi riforma sħiha fil-moviment li tinkludi reviżjoni tar-regolamenti li jiggvernaw il-Fond Ċentrali tal-Koperattivi biex ikun aġġornat mal-iżviluppi li qed isiru f’dan is-settur kif ukoll niżguraw li l-fondi jintużaw bl-aktar mod effettiv għall-ġid tal-moviment koperattiv.
Jitkompla l-proċess ta’ tisħiħ tal-liġi tal-koperattivi biex jitħarsu aktar il-bżonnijiet attwali tal-koperattivi. It-tisħiħ tal-liġi ser ikun qed jindirizza fost diversi issues il-kunċett ta’ koperattivi soċjali li jħarsu l-interessi ta’ nies żvantaġġati. Għal-dan il-għan qed issir konsultazzjoni mal-partijiet kollha konċernati.
Jitfassal pjan ta’ edukazzjoni sabiex jiżdied l-għarfien tal-mudell koperattiv bħala alternattiva ta’ oħra ta’ mudell ta’ entrapriża. Dan il-pjan se jkun qed jindirizza studenti, kummerċjanti, professjonisti u l-pubbliku in ġenerali. Se jkunu qed naħdmu wkoll mill-qrib mal-kunsilli lokali sabiex nippromovu l-mudell koperattiv.
Ħidma sabiex ikun hemm level playingfield għall-koperattivi biex joperaw mingħajr żvantaġġi ma’ mudeli oħra ta’ intrapriżi. Għal dan il-għan qiegħda ssir konsultazzjoni mal-koperattvi sabiex ikun identifikati l-iżvantaġġi li qed ikunu ffaċjati bħalissa.
Nippromovu mill-ġdid l-użu tal-mudell koperattiv fis-Servizz Pubbliku.
Titkompla ħidma sabiex ikomplu jonqsu n-numru ta’ koperattivi li mhumiex konformi mal-liġi.
Titkompla ħidma sabiex jinghalqu numru ta’ każijiet ta’ stralċ li ilhom pendenti għall-numru ta’ snin.
Lotteries and Gaming Authority – terminazzjoni ta’ impjieg
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm u liema impjegati ġie tterminat il-kuntratt ta’ impjieg tagħhom (kemm b’mod volontarju u kemm b’mod impost) fil-Lotteries and Gaming Authority minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ għal kull każ jagħti r-raġuni għal dawn it-terminazzjonijiet? Jista’ jgħid jekk tħallsux xi termination payments u kemm kien l-ammont?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninsab infurmat li b’kollox kien hemm tlett riżenji u terminazzjoni. Fil-każ tar-riżenji, kien hemm qbil bejn il-partijiet konċernati li l-ftehim (bejn l-individwu konċernat u l-Awtorità) jibqa’ kunfidenzjali u għalhekk l-informazzjoni rikjesta ma tistax tingħata. Fil-każ tat-terminazzjoni u peress li hemm proċeduri miftuħa mat-tribunal industrijali rigward dan il-każ bejn l-Awtorità u l-persuna konċernata, l-informazzjoni ma tistax tingħata għal raġunijiet legali.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — vetturi
Question
Jista’ l-Ministru, inkluż is-Segretarju Parlamentari, jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru minn Marzu 2013 sa meta titwieġeb din il-mistoqsija, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li matul il-perijodu msemmi, inkrew ħames karozzi mingħand il-kumpanija msemmija, minn naħa tal-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħti.
Dawn il-kirjiet saru skont il-proċeduri finanzjarji tas-servizz pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il appell ġie intavolat quddiem id-Dipartiment tal-Kuntratti bejn Marzu 2013 u Ġunju 2014? Jista’ jagħti lista (tender number u tender description) ta’ dawk li ġew appellati?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet tat-Tnejn, 23 ta' Ġunju 2014 dwar sejħa ta' żvilupp għall-kumpless tal-White Rocks, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'tip ta' konċessjoni kien qed jirreferi għalih bħala titolu legali tal-art li se tingħata?
Response (CARDONA, CHRIS)
Rigward is-sejħa ta’ żvilupp tal-White Rocks Malta, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art ser tingħata b’titolu ta’ emfitewsi għal 65 sena.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta hu mistenni li tiġi mnedija mill-ġdid l-iskema tal-MicroInvest li toffri inċentivi finanzjarji għan-negozji żgħar u medji sabiex jinvestu u jtejbu l-operat tagħhom? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk investiment li jkun sar matul din is-sena minn intrapriżi żgħar u medji, skont il-linji gwida tal-iskema preċedenti tal-MicroInvest humiex se jikkwalifikaw għall-iskema l-ġdida li mistennija tiġi mħabbra?
Response (CARDONA, CHRIS)
L-iskema MicroInvest għal darb’oħra reġgħet kienet imnedija. Il-linji gwida tal-Inċentiv huwa mtella fuq is-sit elettroniku tal-Malta Enterprise.
Kull applikant, li qabel kien jista’ jibbenefika mill-massimu ta’ 25,000 ewro fuq perjodu ta’ tliet snin konsekuttivi, issa se jkun jista’ jibbenefika mill-massimu ta’ €30,000 fuq perijodu ta’ tliet snin konsekuttivi, li jibdew minn krediti ta’ taxxa mogħtija fl-2013. Bħalma wegħdna fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, għall- kumpaniji start-up f’Għawdex l-ammont jitla’ għal €50,000 fuq perijodu ta’ tliet snin konsekuttivi. Barra minn hekk, Malta Enterprise tista’ tapprova krediti ta’ taxxa ekwivalenti għal 45% tal-ispiża eliġibbli. Kumpaniji li joperaw minn Għawdex għandhom 20% addizzjonali bħala bonus. Dan meta fl-iskemi preċedenti il-krediti ta’ taxxa kienu 40% u 60% rispettivament. Barra minn hekk tneħħa r-rekwiżit li tkun sottomessa ‘
trade licence
’ mal-applikazzjoni.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — Bordijiet tal-għażla
Question
Jista’ l- Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-pożizzjoni vakanti ħarġu fi ħdan id-diversi awtoritajiet/dipartimenti li jaqgħu taħt l-Ministeru mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għal liema pożizzjonijiet ħarġu dawn l-applikazzjonijiet? Jista’ jgħid kemm-il bord tal-għażla nħatar biex jiġu mimlija dawn il-pożizzjonijiet? Jista’ jgħid minn min kienu ffurmati dawn il-bordijiet tal-għażla? Jista’ jgħid min kienu ċ-chairman u l-membri ta' dawn il-bordijiet? Il-membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn fost uffiċjali pubbliċi jew minn barra s-servizz? Jekk xi membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn barra is-servizz, fuq liema kriterji saret din il-ħatra? Jista’ jgħid xi kwalifiki għandu kull membru ta' kull bord tal-ħatra? X'rimunerazzjoni għandu kull membru tal-bord tal-ħatra? Kemm ħa flus f'rimunerazzjonijiet kull membru ta' kull bord għal kull bord li ġie maħtur fih? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawk il-persuni li mlew kull pożizzjoni vakanti?
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid għal kull każ, x’kien ix-xoghol, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħatax xogħol lill-kumpanija msemmija mill-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħi.
Malta Freeport Corporation – kunflitt ta’ interess
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2982 u jgħid jekk jaħsibx li l-fatt li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ġie maħtur direttur tal-Malta Freeport Corporation li hija l-entità regolatorja tal-attività li sseħħ ġewwa l-Port Ħieles, jistax joħloq kunflitt ta’ interess peress li l-individwu sa ftit taż-żmien ilu, kien konsulent tal-Malta Freeport Terminals Limited, li hija operatur tal-Port Ħieles, kif ukoll ta’ kuntrattur ewlieni li jaħdem ġewwa l-Port Ħieles f’xogħol marbut mal-port? Jista’ jgħid ukoll għalfejn l-istess individwu, minkejja li sa fejn ġie ppublikat, inħatar bħala direttur tal-bord u allura mhux f’pożizzjoni eżekuttiva, qiegħed jitlob għal u jara files personali tal-istaff tal-Malta Freeport Corporation?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — xogħlijiet lill-kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013? Jista’ jgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?
Response (CARDONA, CHRIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — konsulenza
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-konsulenzi legali u/jew ħatriet oħra li ngħataw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u/jew lid-ditta tiegħu mill-Ministeru, dipartimenti u/jew azjendi u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-bidu tal-Leġiżlatura sal-lum? Jista’ jagħti l-ħlas abbinat, meta nħarġet is-sejħa għall-applikazzjoni (jekk kien hemm) u f’kemm minn dawn l-entitajiet hemm il-Union li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ukoll involuta bħala union rikonoxxuta?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħid min hi d-ditta li qed jirreferi għaliha.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-konsulenzi legali u/jew ħatriet oħra li ngħataw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u/jew lid-ditta tiegħu mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari dipartimenti u/jew azjendi u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-bidu tal-Leġiżlatura sal-lum? Jista’ jagħti l-ħlas abbinat, meta nħarġet is-sejħa għall-applikazzjoni (jekk kien hemm) u f’kemm minn dawn l-entitajiet hemm il-Union li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ukoll involuta bħala union rikonoxxuta?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħid min hi d-ditta li qed jirreferi għaliha.
Sit tal-Malta Ship Building – Espressjoni ta’ Interess
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-espressjoni ta’ interess għall-Iżvilupp tas-sit li qabel kien il-Malta Shipbuilding?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-espressjoni ta’ interess għall-Iżvilupp tas-sit li qabel kien il-Malta Shipbuilding issa wasal fil-fażi tar-Request for Proposals (RFP). It-tmienja u għoxrin (28) proponent li kienu ssottomettew l-espressjoni ta’ interess tagħhom għal dan il-proġett, kollha ġew mistiedna sabiex jipproċedu għall-istadju tal-RFP billi jiġbru d-dokument tar-Request for Proposals. Dan id-dokument fil-fatt inġabar mill-proponenti kollha, li għandhom sal-10 ta’ Lulju 2014 sabiex jissottomettu l-proposti tagħhom.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — xogħlijiet lill-kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013? Jista’ jgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħata l-ebda xogħol lill-kumpanija msemmija mill-Ministeru, dipartimenti u awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tiegħi.
Peress illi fit-tieni ġimgħa ta' Marzu 2013 il-Ministru għall-Ekonomija waqt żjara lit-Toly Products qal li fil-ġimgħat ta' wara kien bi ħsiebu jżur il-fabbriki kollha, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il fabbrika żar minn dakinhar sal-lum?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Università ta’ Malta — Fakultà tas-Soċjoloġija – rapport dwar SMEs
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’follow up sar fuq ir-rapport dwar l-SMEs li tqabbdet tagħmel il-Fakultà tas-Soċjoloġija tal-Università ta’ Malta iktar minn sena ilu?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninsab infurmat illi tqassam u sar preżentazzjoni tar-rapport magħmul minn Dr Gillian M. Martin titolat SME’s in Focus: Exploring the experience of Micro, Small, Medium enterprise owners in Malta, lill-kumitat li jaħdem fuq l-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni għan-negozji tal-familja. Sussegwentement minn l-istess rapport ġie estrapolat informazzjoni u statistika utli dwar l-istess SMEs li għandhom negozji tal-familja għall-użu tal-kumitat. Bħala follow up u in segwitu ta’ dan ir-rapport, u minn l-istess fondi li għad kien fadal, l-istess Fakulta’ tas-Soċjoloġija għamlet qualitative survey fuq negozji tal-familja bħala estensjoni ta’ l-istess rapport kif ukoll taw assistenza dwar l-iżvilupp tal-quantitative survey mal-MEIB u NSO.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – kundizzjonijiet tal-individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-benefiċċji li kellu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu b’mod separat fiż-żmien li fih għamel jaħdem fil-Ministeru li huwa responsabbli minnu jew entitajiet/awtoritajiet/korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jgħid minn meta sa meta kien jaħdem fi ħdan il-Ministeru? Jista’ jgħid x’karigi kien jokkupa? Jista’ jindika jekk matul dan iż-żmien kienx hemm tibdil f’dawn il-kundizzjonijiet u l-benefiċċji? Jista’ jagħti d-dettalji sena b’sena ta’ kemm kienet l-ispiża fuq kull waħda mill-kundizzjonijiet u l-benefiċċji li kien hemm fil-kuntratt tiegħu?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninasb infurmat li l-imsemmi individwu beda jaħdem bħala chairman eżekuttiv ta’ Malta Enterprise fl-1 ta’ Frar 2009 u baqa’ f’din il-kariga sal-11 ta’ Mejju 2012. Matul dan il-perjodu, il-kundizzjonijiet tal-kuntratt tiegħu kienu s-segwenti:
Salarju ta' €70,000 fis-sena
Spejjeż tal-mobile u linja fissa
Spejjeż ta' internet
Użu ta' karozza uffiċjali
'Hospitality expenses' relatati max-xogħol
International Health insurance
Dawn il-kundizzjonijiet ma nbidlux tul il-perjodu li l-individwu msemmi kien fil-kariga ta’ chairman eżekuttiv.
Dipartiment tal-Kummerċ – ittri lis-sidien ta’ impriżi
Question
Jista’ l-Ministru jippermettili nġib għall-attenzjoni tiegħu d-dokumenti li qed jingħataw separatament li juru ittri minn suppost investigaturi li qed jintbagħtu lis-sidien ta’ impriżi f’Ħaż-Żebbuġ li għandhom il-letterhead tad-Dipartiment tal-Kummerċ, fost l-oħrajn, u jgħid jekk dawn humiex ittri ġenwini jew le? Hu veru li d-Dipartiment tal-Kummerċ qed jibgħat dawn il-plain clothes investigators?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-ittra ma ntbagħtetx mid-Dipartiment tal-Kummerċ u lanqas bil-kunsens tad-Dipartiment tal-Kummerċ. Id-dipartiment ma bagħatx il-plain clothes investigators msemmijin fl-ittra
Nikkonkludi li din l-ittra hija falza u għaldaqstant l-Onor. Interpellant hu fid-dover li jgħaddi dawn id-dokumenti lill-Pulizija.
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġu regolati l-buskers li jarmaw quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-attività tal-ġerrejja jinsabu fil-LS 441.07.
Ir-responsabbilità tal-enforzar ta' dawn il-kundizzjonijiet taqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Pulizija.