Legislature:
Category:
Reset
Active:

Isla — Binja Dockyard Terrace

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li qed tinġabar informazzjoni dwar l-interess ta' residenti tal-binja Dockyard Terrace fl-Isla, fejn qed jiġu mitluba jekk humiex lesti li joħorġu mill-post tagħhom għal somma ta' flus jew tpartit ta' bini bil-għan aħħari li din tkun trasformata f'lukanda? X'inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru, fl-eventwalita' li jkun hemm talba formali minn xi persuna li tkun trid tagħmel użu kummerċjali minn dan il-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali ma kellu x'jaqsam xejn ma xi inizjattiva tat-tip indikata mill-Onor. Membru fil-Mistoqsija tiegħu. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onor. Membru li l-Ministeru tiegħi ma jħossx li għandu jieħu pożizzjoni fuq sitwazzjoni ipotetika. 16.11.98

Isla — Triq San Filippu - Appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jsemmi f'liema stadju jinsab il-proġett għall-bini ta' appartamenti fi Triq San Filippu, l-Isla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proġett fi Triq San Filippu l-Isla qiegħed fl-istadju li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qed tipproċessa l-applikazzjoni għal permess tat-twaqqiegħ u rikostruzzjoni ta' dan il-bini. 16.11.98

Politika Soċjali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni li hemm jaħdmu fil-ministeru tiegħu, il-grad tagħhom, ix-xogħol li qegħdin jagħmlu, u fejn kienu jaħdmu? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom huma seconded u min minnhom ġie impjegat b'kuntratt? Jista' l-Ministru jippreżenta kopja tal-kuntratt ta' impjieg kull fejn hu l-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li diġa' tajt għall-Mistoqsija Nru. 291.

Tal-Ħawli — Tindif

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk fil-futur qarib hemmx il-ħsieb li l-ambjent madwar il-bini tal-Gvern ġewwa tal-Ħawli jiġi mnaddaf sewwa u rranġat b'mod aħjar mid-dipartiment konċernat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tindif u l-irranġar tal-ambjent huma r-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali. Dan japplika ukoll fil-Kaz tal-Housing Estates. 16.11.98

Isla — Dockyard Terrace

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk fil-futur qarib hemmx il-ħsieb li Dockyard Terrace ġewwa l-Isla jiġi rranġat mid-dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali sabiex il-post ikun denju fejn joqogħdu il-bnedmin u t-tieni li jerġa' jirkupra ftit mill-isbuħija tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm f'dan l-istadju m'hemmx ħsieb li jsir xi xogħol qawwi ta' restawr f'Dockyard Terace, il-Kunsill Lokali ta' l-Isla qed jgħin lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar fi studju ta' xi spiża jenħtieġ li ssir biex tiġi restawrata l-faċċata. Ta' min isemmi li ftit tas-snin ilu d-Dipartiment kien bidel diversi soqfa perikolużi tal-verandi ta' dan il-blokk u b'hekk elimina problema li r-residenti kienu ilhom jilmentaw dwarha għal diversi snin. 16.11.98

Djar — Appartamenti tal-Gvern - Lifts

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru lifts tal-flats tal-Gvern fi Blocks I,II,III, IV u V Triq Ħal Luqa, Tarxien? Hemm il-ħsieb li daħla komuni tingħata ż-żebgħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Rigward l-istallazzjoni ta' Lifts f'bini tal-Gvern, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta' PQ Nru. 409. Rigward it-talba li d-daħla komuni tinżebagħ, għaddejt il-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiwsija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa. 16.11.98

Anzjani — Servizz ta' CSA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-anzjani li qegħdin jistennew is-servizz ta' CSA? Kemm inqdew mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum? Jista' l-Ministru jipprovdi l-ismijiet ta' dawk li nqdew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' Anzjani li qed jistennew is-servizz tas-CSA huwa 55. Mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum (11/11/98) ingħataw is-servizz 119 persuna. Mhux etika li tingħata lista bl-ismijiet kif mitlub fil-mistoqsija. 16.11.98

Furjana — Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali

Question

Peress li fil-Furjana joqogħdu ħafna anzjani, jista' l-Ministru jara li jinfetah uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali f'din il-lokalita' fejn il-gvern għandu ħafna uffiċini, imqar darbtejn fil-ġimgħa f'ħinijiet ristretti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Napprezza l-interess ta' l-Onor. Membru u nifhem li jista' jkun hemm inkonvenjent għall-anzjani mill-Furjana li jkollhom jinqdew mill-Uffiċċju Distrettwali tal-Belt, bħal ma jista' jkun hemm f'distretti oħra fejn m'hemmx Uffiċċju Distrettwali. Il-Politika tal-Gvern il-ġdid hi waħda li fejn hu possibli jiżdied is-servizz tal-'Customer Care' li jingħata mill-Ufficcju Distrettwali sew bħala numru ta' lokalitajiet, u aktar importanti, fil-livel li jingħata f'dan is-servizz. Inħoss li din il-problema trid tiġi studjata sew biex jiġu stabiliti l-prioritajiet skond in-numru tar-residenti u d-distanza li dawn għandhom biex jaslu sa l-Uffiċċju Distrettwali li jservi dik il-lokalita'. F'dan l-istudju naħseb li jkun xieraq li fiħ jieħdu sehem il-Kunsilli Lokali biex b'hekk wieħed ikun jista' jara wkoll, jekk dawn jistgħux, jagħtu servizz f'dan il-qasam. 16.11.98

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol qiegħed isir bħalissa fid-dar il-ġdida ta' l-anzjani f'Bormla? Jista'l-Ministru jgħid lill-Kamra meta hemm il-ħsieb li din titlesta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalissa fid-Dar ta' l-Anzjani f'Bormla hemm kuntratturi li qed jaħdmu fuq il-'mechanical and electrical services', fuq xogħol tal-bjut, fuq xogħol ta' titjib u tikħil u fuq xogħol ta' main ta' l-ilma u dranaġġ. Huwa ppjanat li din id-dar titlesta f'nofs is-sena d-dieħla. 16.11.98

Persuni b'diżabilita — Reserved parking

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi sodisfatta l-applikazzjoni tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament għal keep clear/reserved parking bay quddiem ir-residenza tiegħu peress li għandu diżabilita' (sieq waħda) u jsuq karozza u qatt ma jsib post fejn ikun jista' jipparkja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Din il-persuna applikat għall-'Keep Clear' fit-13 ta' Jannar 1998. Fis-16 t'Ottubru 1998 saritilha żjara fid-dar tagħha. Fil-21 t'Ottubru ktibnilha biex ninfurmawha li l-każ tagħha jiġi deċiż meta l-bord li jieħu ħsieb dan is-servizz jerġa jiġi ri-appuntat. 16.11.98

ETC — Biedja/Sajjieda jirreġistraw

Question

Jista' l-Ministru jagħtina lista ta' nies reġistrati part-time fishermen u farmers, minn fejn huma u x'inhuma l-impjiegi l-oħra tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ ipprovdietli l-parti l-kbira ta' l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. B'danakollu, naħseb li din m'hijiex informazzjoni ta' natura pubblika u ma nħossx li jkun xieraq li tingħata fi Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari. 16.11.98

ETC — Persuni b'diżabilita'

Question

Jista' l-Ministru jagħtina kemma hemm persuni reġistrati bħala disabled mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', kemm hemm persuni reġistrati f'kull kategorija u kemm minnhom huma nisa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. Skond l-istatistika miġbura fir-Reġistru Nazzjonali ta' Persuni b'Diżabilita' joħorġu dawn il-fatti: (a) Numru globali ta' persuni rreġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita: 5596. (b) L-informazzjoni dwar in-numru ta' nies irreġistrati skond il-kategoriji ta' nuqqasijiet (impairments) qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. (c) Numru globali ta' nisa b'diżabilita' rreġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita': 2422. 16.11.98

Impjiegi — Casual workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex jiġu trattati l-applikazzjonijiet li kienu fetħu fi żmien Gvern Laburista biex jiġu mpjegati aktar casual workers fiċ-Ċentri ta' Taħriġ għal persuni b'diżabilita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li m'hemm l-ebda sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta' 'casual workers' fiċ-Ċentri ta' Taħriġ għal Persuni b'Diżabilita' li kienet ħarġet fi żmien l-Amministrazzjoni preċedenti u li għadha pendenti. 16.11.98

Persuni b'diżabilita' — Ċentri ta' taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' persuni b'diżabilita' li qed jattendu fiċ-Ċentri ta' Taħriġ f'Malta u Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni b'diżabilita' li qed jattendu fiċ-Ċentri ta' taħrig f'Malta u Għawdex huwa kif jidher hawn taħt: Iċ-Ċentru ta' Ħal-Far - 81 Iċ-Centru ta' Wied il-Għajn - 56 Iċ-Ċentru ta' l-Imtarfa - 104 Iċ-Ċentru ta' Fleur-de-Lys - 110 Iċ-Ċentru ta' l-Għomja, Santa Venera - 25 Iċ-Ċentru ta' Għajnsielem, Għawdex - 30 16.11.98

Wied il-G]ajn — Ċentru ta' Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jissokta fuq il-pjanijiet ta' Gvern Laburista għaċ-Ċentru ta' Taħriġ ta' Wied il-Għajn, jiġifieri li jiżviluppah f'Ċentru ta' Respite, jaħdem biex isiru possibbli exchange visits u sabiex l-impjegati tal-kċina jibdew jaħdmu fuq skema koperattiva?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Iċ-Ċentru ta' Wied il-Għajn hu proġett tal-Gvern Nazzjonalista ta' qabel l-1996. Dan il-post kien ġie identifikat wara li sar ħafna xogħol mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita matul l-1995 u l-1996. Tant hu hekk li l-konvenju għax-xiri tal-post kien ġie iffirmat ftit qabel l-elezzjoni ta' l-1996 wara negozjati li ħadu fit-tul. Kien pass pożittiv li l-Gvern Laburista kompla b'dan il-proġett, anke jekk il-ħsieb oriġinali kien li f'dan iċ-Centru jittieħdu inizjattivi ġodda u innovattivi f'dak li għandu x'jaqsam ma l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilita' f'pajjiżna. Naċċerta lill Onor. Membru li se jsir l-aħjar użu minn dan iċ-Ċentru b'risq il-persuni b'diżabilita', u dan skond il-pariri li jingħataw mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'. Dwar l-impjegati tal-kċina, jien infurmat li kienu nbdew taħditiet mid-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi tal-Ministeru tiegħi u mal-Bord tal-Kooperattivi biex titwaqqaf kooperattiva. Sar ukoll abbozz ta' ftehim iżda l-ħaddiema konċernati kellhom xi dubbji u għalissa waqaf il-proċess. 16.11.98

Djar — Appartament tal-Gvern - Tank ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li toqgħod ġo flat tal-Gvern isfel (taħt il-livell tat-triq) li la għandha bitħa u lanqas shaft, ma ngħatatx permess tagħmel tank ta' l-ilma fuq il-bejt tal-flat tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan it-tip ta' permess jinkiseb mid-Dipartiment ta' l-Artijiet u għalhekk il-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru konċernat. 16.11.98

Sigurta' Soċjali — Koppji separati

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-istatistika tal-koppji li sseparaw fis-snin 1995, 1996, 1997 u 1998? Jista' jagħti wkoll statistika ta' dawk li f'Malta huma divorzjati jew annullati fis-snin 1995, 1996, 1997 u 1998? Jista' jgħid kemm huwa t-total ta' tfal li jikkonċernaw lil dawn il-koppji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Membru tagħmel il-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat. 16.11.98

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies qed ifittxu x-xogħol? Mil-liema lokalitajiet ġejjin? Hemm minnhom li ilhom jirreġistraw għal ħames snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' nies li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' Settembru 1998 kien ta' 7184. Dawn kienu ġejjin minn dawn il-Kunsilli Lokali: MALTA GħAWDEX Attard 60 Msida 127 Fontana 17 Balzan 38 Naxxar 119 Għajnsielem 57 B'Kara 407 Paola 183 Għarb 14 B'Bugia 171 Pembroke 21 Għasri 6 Cospicua 255 Pieta' 62 Kerċem 29 Dingli 40 Qormi 416 Munxar 17 Fgura 177 Qrendi 56 Nadur 74 Floriana 69 Rabat Malta 169 Qala 30 Għargħur 53 San Gwann 184 San Lawrenz 8 Għaxaq 104 Santa Lucia 73 Sannat 33 Gudja 70 Santa Venera 114 Victoria 110 Gżira 124 Senglea 115 Xagħra 84 Ħal Safi 29 Siġġiewi 127 Xewkija 53 Ħamrun 292 Sliema 142 Żebbuġ 47 Kalkara 68 St Julians 103 Kirkop 45 St Paul's Bay 164 TOTAL 579 Lija 26 Swieqi 33 Luqa 128 Tarxien 130 L-Iklin 25 Ta' Xbiex 36 Marsa 222 Valletta 250 Marsascala 109 Vittoriosa 75 Marsaxlokk 65 Xgħajra 17 Mdina 3 Żabbar 344 Mellieħa 41 Żebbug Malta 218 Mġarr Malta 22 Żejtun 263 Mosta 171 Żurrieq 184 Mqabba 66 TOTAL 6,605 Minn dawn hemm 596 li ilhom jirreġistraw għal ħames snin. 16.11.98

Djar — Akkomodazzjonijiet alternattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikanti għall-akkomodazzjoni alternattiva quddiem id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi mill-5 ta' Settembru 'l hawn daħlu 280 applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva. 16.11.98