Legislature:
Category:
Reset
Active:

Liġi tal-health and safety

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29212 u jgħid jekk sarx risk assessment fid-dipartimenti u d-dekasteru tiegħu skond kif titlob il-liġi tal-health and safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni? Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti sar tali risk assessment u tista' kopja tiegħu titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra? F'liema dipartimenti ma sarx?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartimenti li fihom sar risk assessment huwa kif indikat hawn taħt - fil-każi l-oħra, għalkemm jien infurmat li ma kienx hemm ilmenti f'dan ir-rigward, tali assessments se jsiru fil-futur qarib. F'dan l-istadju ma nħossx li kopja ta' l-assessments li saru s'issa għandhom jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Permanent Secretariat (House of Catalunya) Land Registry / Public Registry / Passport Office / Probation Services Citizenship & Expatriates Civil Protection Government Property Division (Auberge de Baviere) Local Government Courts of Justice Division Office of the Attorney General.

Għawdex — Post

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fuq liema kriterju l-post 16/17, Emanuele de Vilhena Street, Mġarr Għawdex ngħata mil-Lands meta dan huwa suġġett ta' kawża mhux deċiża fil-Qorti t'Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kirja tal-fondi 16/17, Triq Emanuel De Vilhena, Mġarr, Għawdex, ilha li ngħatat mill-1972 lill-familja li għada tgawdi din l-istess kirja sal-lum. Infurmat ukoll illi ma hemm l-ebda kawża kontra l-Gvern fuq din il-kirja.

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm vakanzi fir-ranks differenti fil-Korp tal-Pulizija? Kemm suppost ikun in-numru ta' pulizija f'kull rank? Meta se jsiru l-eżamijiet għal surġenti u għal spetturi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent fil-Korp tal-Pulizija hemm vakanzi ta’ 2 Supretendenti, 20 Spettur, 3 Surġenti Maġġuri u 59 Kuntistabbli. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm 30 kandidat li qegħdin jattendu lectures fl-Akkademja tal-Pulizija bi tħejjija għall-eżami ta kwalifika fil-grad ta’ Spettur fil-Korp tal-Pulizija, skond kif rikjest fis-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post ta’ Spettur fil-Korp tal-Pulizija kif pubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ l-20 ta’Marzu 2007, filwaqt illi għalissa mhux maħsub li jkun hemm applikazzjonijiet għall-promozzjonijiet għall-grad ta’ Surġent. Dalwaqt jibda kors għal dħul ta' 50 kuntistabbli ġdid.

Vjolenza domestika

Question

Jista' l-Vici Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni li nstabu ħatja ta' vjolenza domestika f'dawn l-aħħar tlett snin? Jista' jelenka x'weħlu dawn in-nies li wettqu din il-vjolenza domestika? Kemm minn dawn il-vittmi kienu minorenni? Kemm kien hemm ukoll każijiet f'dan il-perijodu li l-partnerħafret lill-partner l-ieħor li kien uża vjolenza domestika fuqha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika kompjuterizzata.

Żgħażagħ taħt l-eta' jixorbu

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid mill-1 ta' Lulju ta' din is-sena s'issa kemm inqabdu żgħażagħ taħt l-eta' jixorbu u/jew f'postijiet ta' divertiment? Jista' jagħti l-figuri xahar b'xahar u f'liema lokalitajiet inqabdu? Ittieħdu passi kontra dawn iż-żgħażagħ u kontra s-sidien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Lulju u Novembru ta’ din is-sena kien hemm każ wieħed ta’ bejgħ ta’ xorb alkoħoliku lil persuna taħt l-eta’. Dan kien f’Lulju ġewwa Wied il-Għajn u ittieħdu proċeduri kriminali kontra l-persuna responsabbli mill-ħanut. Infurmat ukoll illi matul l-istess perijodu kien hemm 11-il persuna taħt l-eta’ li nstabu f’postijiet ta’ divertiment ġewwa San Giljan – 1 f’Settembru; 3 f’Ottubru u 7 f’Novembru. F’dawn il-każi wkoll inbdew proċeduri kriminali kontra l-persuni responsabbli mill-postijiet.

Xiri ta' ċens

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li biċċa art li kienet tal-knisja u issa ġiet tal-gvern u s-sid irid jixtri din il-biċċa art, li llum huma garaxxijiet, mingħand il-gvern? Jista' jgħid jekk dan l-individwu għandux dritt li jixtri ċ-ċens, li d-dettalji tal-garaxxijiet qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat mid-dipartiment kkonċernat li ma jirriżultax li saret xi talba formali biex jinfeda ċens tal-garaxxijiet indikati fid-dettalji mogħtija.

Liġi tal-health and safety

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarx risk assessment fid-dipartimenti u d-dekasteru tiegħu skond kif titlob il-liġi tal-health and safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni? Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti sar tali risk assessment u tista' kopja tiegħu titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra? F'liema dipartimenti ma sarx?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba ser tingħata f'xi seduta oħra.

Pulizija mara

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li pulizija mara li kienet għadha kemm ġiet reklutata u kienet qegħda tattendi l-Akkademja tkeċċiet mill-Korp għaliex ħarġet tqila?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi rekluta mara li kienet qed tattendi t-taħriġ bażiku fil-kors ta' kuntistabbli fl-Akkademja tal-Pulizija, kienet ippreżentat ċertifikat mediku li hija ma' setgħetx tkompli t-taħriġ fiżiku minħabba li kienet ħarġet tqila. Stante li t-taħriġ fiżiku kif ukoll taħriġ ieħor ta' strapazz huwa parti integrali mill-kors ta' taħriġ ta' kuntistabbli, din l-istess rekluta kienet twaqqfet milli tkompli r-reklutaġġ.

Xiri ta' ċens

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li biċċa art li kienet tal-knisja u issa ġiet tal-gvern u s-sid irid jixtri din il-biċċa art, li llum huma garaxxijiet, mingħand il-gvern? Jista' jara li dan l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jekk għandux dritt li jixtri ċ-ċens?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat mid-dipartiment ikkonċernat li ma jirriżultax li saret xi talba formali biex jinfeda ċens mill-individwu li joqgħod fl-indirizz indikat fid-dettalji mogħtija.

Drittijiet tat-tfal

Question

Fl-okkażjoni tal-jum dinji tat-tfal bil-ftaħir kollu tal-Gvern, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel favur it-titjib tal-qagħda tat-tfal f'dan il-pajjiż? Jista' jgħid meta l-Gvern beħsiebu jimplimenta permezz ta' leġislazzjoni bi provvedimenti tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tat-tfal?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat dwar il-qagħda tat-tfal in ġenerali. Dwar konvenzjonijiet internazzjonali infakkar lill-Onor Interpellant li l-Gvern ħabbar li se jirratifika Il-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Prostituzzjoni u Pornografija tat-Tfal, u l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-traffikar tat-tfal. Għal dan il-għan, dan il-Ministeru ippublika Abbozz Nru 110 dwar dawn il-konvenzjonijiet, fatt li donnu li sfuġġa lill-Onor Interpellant.

Tfal esportati barra

Question

F'realta' fejn jeżisti numru kbir ta' żweġijiet imħallta, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif sejjer il-Gvern Malti jassigura d-drittijiet ta' tant tfal Maltin li jiġu esportati mill-ġenituri tagħhom bħala riżultat ta' proċeduri meħudin fl-esteru li għaliha t-tfal Maltin la qatt ipparteċipaw u wisq anqas ingħataw l-opportunita' li juru x-xewqa tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Il-materja tad-domanda hi regolata bi strumenti internazzjonali bħar-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea magħrufa bħala Brussels II u l-Hague Convention On The Civil Aspects Of International Child Abduction. Dawn l-istrumenti it-tnejn jipprovdu għall-opportunita’ sabiex il-minuri jkun jista' juri lill-Qorti x-xewqa tiegħu, iżda dan ma jfissirx li neċessarjament li l-Qorti timxi skond ix-xewqa tal-minuri.

Ordnijiet minn barra

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif beħsiebu jirreaġixxi l-Gvern Malti għas-sitwazzjoni fejn minn banda irid jobdi u jesegwixxi tramite l-organi ġudizzjarji ta' l-Istat Malti, direttivi u liġijiet ta' l-Unjoni Ewropea, ordnijiet tal-qrati barranin li jaffettwaw it-tfal Maltin u l-ġenituri Maltin tagħhom, mingħajr ma dawn kellhom l-opportunita' li jikkontestaw fl-esteru dawn l-ordnijiet, u dan minħabba diversi raġunijiet, fosthom u forsi l-aktar mportanti l-kwestjoni finanzjara?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm xejn x’iżomm lil persuna Maltija li tkun f’sitwazzjoni finanzjarja ħazina milli tipparteċipa fi proċeduri quddiem Qrati ta’ Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea peress li teżisti Direttiva li permezz tagħha l-iStati Membri huma obbligati li joffru għajnuna legali b’xejn kemm -il darba dik il-persuna tikkwalifika għal tali għajnuna taħt il-liġi ta’ l-iStat Membru in kwestjoni.

San Ġiljan — Pub

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x’qed iżomm lill-pulizija duty fl-għassa ta’ San Ġiljan milli jċemplu regolarment lil tat-towing services billi kważi ta’ kull fil-għaxija, fil-ħinijiet wara li jintemm il-ħin tad-duty tal-wardens qed ikun hemm karrozzi pparkjati fuq il-yellow lines ħdejn pub li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, bil-konsegwenza li s-sidien ta’ madwar 30 garage space lanqas biss ikunu jistgħu jidħlu u joħorġu bil-liberta’ mill-garages tagħhom u dan minkejja t-telefonati ripetuti tar-residenti lill-għassa kkonċernata? Jista' jgħid x’passi qed jittieħdu regolarment mill-pulizija kull meta dan l-istabbiliment jibqa' għaddej bl-għajjat u bil-mużika sas-siegħat bikrin ta’ filgħodu speċjalment fi tmiem il-ġimgħa jew kull meta jkun hemm logħob kompetittiv fuq it-televiżjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel ronda fit-triq imsemmija għall kull ksur ta' liġi, inkluż kontravenzjonijiet tat-traffiku. Kull meta l-Pulizija kellha lment minn xi sid ta' garaxx li l-entratura għall-garaxx tiegħu kienet qed tkun ostakolata minn xi vettura oħra, il-Pulizija dejjem ħadet azzjoni billi ssejjaħ it-tow truck. Jekk sakemm jasal it-tow truck, jilħaq jasal id-driver tal-vettura li tkun qed tikkaġuna l-ostakolu, dan jitħalla jsuq il-vettura u tinħariġlu ċitazzjoni. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi anke' f'dan ir-rigward il-Pulizija tieħu passi skond il-liġi kull meta jkun il-każ.

Proprjeta

Question

B’referenza għat-tweġiba tad-Direttur Estate Management tal-Government Property Division lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li l-plot ta' ħamrija f’din it-triq f'San Gwann hija tal-gvern u vakanti, jista' l-Prim Ministru jgħid x’passi immedjati se jieħu l-gvern billi din qed tigi wżata minn terzi b’inkonvenjent għar-residenti tat-triq imsemmija? Site inspection mill-ewwel turi l-gravita’ u l-abbuż tas-sitwazzjoni.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-futur qarib it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ser toħroġ sejħa għall-offerti għall-kiri tal-biċċa art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant.

Esproprjazzjoni ta' art — Kumpens

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta hu mistenni li jingħata l-kumpens għall-esproprjazzjoni ta' art fi Triq Peditalwett, Swieqi meħud mill-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament sabiex issir estensjoni tat-Triq f'dik indikata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta' l-Artijiet ma kellu ebda talba minn xi Dipartiment tal-Gvern għal esproprijazzjoni ta' art fi Triq il-Pedalwett, Swieqi meħuda mill-familja li dettalji dwarha intbagħtu separatament. Sakemm ma ssir ebda talba għal espropriju ma jistax jitħallas kumpens.

Investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija bdietx tinvestiga l-akkużi ta' korruzjoni li għamel Dr Frank Portelli dwar il-bini ta' l-iSptar Mater Dei? Jista' jgħid fhiex waslu dawn l-investigazzjonijiet? Ma' kemm nies tkellmet il-pulizija dwar dawn l-investigazzjonijiet wara li bagħtet għalihom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija kellmet diversi persuni fl-investigazzjoni tagħha dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli, liema investigazzjoni għadha mhix konkluża.

Kappara — Sliema Road

Question

Billi f'partijiet ta' Sliema Road Kappara, inti u nieżel minn San Ġwann fuq ix-xellug, hemm parti fejn titwessa' sew il-bankina u r-residenti ġieli jipparkjaw fuqha minħabba li m'għandhomx fejn jipparkjaw fit-triq u din għandha wisgħa ta' żewġ karozzi u nofs, jista' l-Ministru jara li jingħataw struzzjonijiet biex l-istess kif il-wardens m'humiex jagħtu ċitazzjonijiet lir-residenti minħabba dan il-każ ġenwin, isir l-istess mill-pulizija tat-traffic li jkunu għaddejjin mill-area biex jitnaqqas l-inkonvenjent tar-residenti li ħafna minnhom kellmuni dwaru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-Regolamenti dwar Vetturi bil-Mutur jipprojbixxu l-ipparkjar ta' vetturi fuq il-bankina sakemm ma jkunx indikat xort'oħra b'sinjal addatt, ħlief jekk ma jiġix ordnat jagħmel xort'oħra minn uffiċjal tal-Pulizija jew minn Gwardjan Lokali.

Forti Sant'Iermu

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28781 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura u issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'se jiġri mill-Forti Sant'Iermu anke fid-dawl li l-Akkademja tal-Pulizija se tiċċaqlaq minn hemm? Meta se jibda jsir xi xogħol ta' restawr fih u x'użu se jkollu wara li jsir dan ix-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-iżvilupp futur tal-Forti ta' Sant'Iermu taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq. L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lil dan il-ministeru.

Kmamar tan-nar — Saħħa u sigurta'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapport imħejji mill-kumitat maħtur apposta biex ikun hemm sigurta' u ħarsien aħjar għas-saħħa fil-kmamar tan-nar?

Response (BORG, TONIO)

Dan ir-rapport ser ikun lest fil-jiem li ġejjin, u ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — Victoria

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-uffiċjali fid-Dipartiment ta' l-Artijiet qegħdin iħallu abitanti jgħixu fi Flat 6, HE, taċ-Ċawla, Victoria, Għawdex li qegħed f'perikolu imminenti li jiġġarraf u l-istess dipartiment ta' l-art lanqas jindenja ruħu jagħmel t-tiswijiet strutturali li hemm bżonn ġo fih?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-Housing Estate taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex hemm iżjed minn blokk wieħed u għalhekk hemm iżjed minn flat wieħed bin-numru sitta, u peress ukoll li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern m'għandha l-ebda rapport dwar perikolu imminent f'xi wieħed minn dawn il-flats, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħti iżjed informazzjoni dwar il-flat li qed jirreferi għalih.