Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Spezzjoni f'residenza privata
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta il-housing inspector tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali se jagħmel spezzjoni fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-fond in kwistjoni mhuwiex taħt ir-responsabilita’ tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Appartament tal-gvern — Stallazzjoni ta' lift fi blokk tal-gvern
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jiġi stallat lift fi blokk tal-gvern li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u li hu okkupat minn persuna b'diżabilita' u diversi anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ tad-Djar ma għandha ebda applikazzjoni għal installar ta’ lift fl-entratura indikata mill-Onor. Interpellant. Għalkemm saret applikazzjoni għal installar ta’ lift fl-istess blokk din tirrigwarda entratura differenti minn dik ta’ fejn tgħix il-persuna ndikata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-awtorita' tad-djar għandhiex nutara mpjegati magħha u fil-każ li iva, min huma? Jekk le, x'inhi r-raġuni li diversi persuni li kkwalifikaw biex jakkwistaw proprjeta' mmobbli mingħand l-awtorita' qed jiġu mistoqsija jekk iridu jużaw is-servizzi "tan-nutara tagħna" għall-kuntratt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ tad-Djar għandha żewġ nutara mpjegati magħha b’kuntratt għal tlett snin liema ngaġġ sar wara sejħa pubblika. Dawn huma Dr Angele Rapa u Dr Tania Farrugia.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond proprjeta' tal-gvern li d-detalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex allokat legalment jew inkella ġiex żgassat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-fond indikat huwa okkupat mill-kerrej legali. Dan ġie allokat il-post fl-1997.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm mobile phones fid-Dikasteru tiegħu? Minn min qed jintużaw u kemm tħallsu f'kontijiet ta' dawn il-mobile phones matul is-sena 2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar u Tweġiba ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Dipartiment ta' l-artijiet — Anzjani li huma kerrejja ta' fond tal-Gvern
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern fir-rigward ta' dawk l-anzjani li huma kerrejja ta' fond tal-gvern iżda huma residenti f'home għall-anzjani? Għaliex fżċerti każi qed ikun hemm stop payment tal-kera? X'jiġri f'każ ta' anzjan li jqatta' il-perjodu matul il-ġurnata fir-residenza tiegħu u l-gvern jiddeċiedi li jagħmel stop payment tal-kera? Kif jiġi deċiż li jsir hekk?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ma kienx hemm każijiet ta’ kerrejja ta’ postijiet tal-Gvern li sarilhom stop payment tal-kera għax ikunu residenti f’Dar għall-Anzjani.
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Djar/appartamenti
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm baqa' djar/appartamenti taħt il-kontroll tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali? Jista' jgħid kemm ħarġet fondi għall-kiri jew għall-bejgħ l-awtorita' tad-djar fis-snin 2000, 2001, 2002 u 2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 9,600 post li huma rekwiżizzjonati u madwar 9,000 oħra li huma propjeta’ tal-Gvern.
Ninsab infurmat ukoll li bejn is-sena 2000 u 2003, l-Awtorita’ tad-Djar ħarġet għall-bejgħ, permezz ta’ sitt avviżi separati, 369 maisonette, 10 djar, 633 appartament u 4 cluster houses f’diversi lokalitajiet. Matul l-istess perijodu, l-Awtorita’ għaddiet 177 post lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jiġu allokati b’titolu ta’ kera mill-istess Dipartiment.
Kummissjoni għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa — Applikazzjonijiet għal chief executive officer
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-pożizzjoni ta' chief executive officer mal-kummissjoni għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u jagħti dettalji dwar: meta u fejn ġiet ippubblikata s-sejħa min u kemm applikaw; kienx hemm short listing; min igħajjat għall-intervista; min kienu l-membri tal-bord tas-selezzjoni; meta saru l-intervisti; liema kriterji ntużaw għall-għażla; ipoġġi kopja tar-rapport tal-bord; ir-rwol tal-kummissjoni dwar is-servizz pubbliku f'din l-għażla; meta u fejn tħabbar ir-riżultat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-ħatra ndikata mill-Onor. Interpellanti hi regolata bil-provedimenti ta’ artikolu 13 ta’ l-Att ta’ l-2003 dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa u mhux bil-proċeduri tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Kummissjoni għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu t-track record fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa taċ-chief executive officer, tal-commissioner u ta' kull membru li nħatar/inħatret fuq il-kummissjoni għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kummissarju u l-Membri tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa huma kkunsidrati bħala persuni adatti biex jokkupaw dawn il-karigi kif jitlob l-Att li jirregola l-ħatra tagħhom.
Id-Direttur Esekuttiv tal-Kummissjoni għandha esperjenza wiegħsa u twila fl-amministrazzjoni. Minkejja li skond l-istess Att, id-Direttur Esekuttiv mhux meħtieġ li jkollha xi track record fil-qasam ta’ l-ugwaljanza, il-persuna maħtura għandha wkoll esperjenza fis-suġġett bħala president ta’ NGO li tirrappreżenta lin-nisa.
Jista' il-Viċi Prim jgħid kemm intnefqu flus fuq il-proġett scoops sena b'sena minn mindu twaqqaf? Huwa minnu li dan l-aħħar dan il-proġett ingħata b'offerta biex jitmexxa minn ħaddieħor? Jekk fl-affermattiv, lil min ingħata biex imexxih u kemm qed iħallas il-ministeru għal dan ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija.
Fis-sena 2000 il-Bord tal-Koperattivi ħareġ sejħa għall-offerti għat-tmexxija tal-proġett li ntrebħet mill-Koperattiva Outlook.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4091 f’Seduta Nru. 98.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm qed jonfoq il-bord tal-koperattivi fuq il-proġett scoops fl-iskejjel? Bħalissa kemm hemm skejjel li qed jipparteċipaw u kemm hemm li m'humiex jipparteċipaw f'dan il-proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Nru. 4133 f’din l-istess Seduta.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Nru. 4092 f’Seduta 98.
Koperattiva linen services — Ħaddiema tal-laundry ta' l-isptar Monte Carmeli
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati fil-koperattiva Linen services li tħaddem il-laundry ġewwa l-isptar Monte Carmeli?
X'kien l-ammont ta' flus li ħallas il-gvern lil din il-koperattiva fis-snin 2000, 2001, 2002 u 2003 għas-servizz li tat fl-isptarijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm 51 membru msieħeb fil-Koperattiva Linen Services.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferiha lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Viċi Prim MInistru jgħid x'inhu l-programm ta' appartamenti tal-gvern b'kiri ssussidjat għas-sena 2004?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għat-tqassim ta’ postijiet mibnija mill-Awtorita’ tad-Djar li jingħataw b’kera, ninfurmah li dan jiddependi mill-progress tal-proġetti ta’ urban renewal u n-numru ta’ familji li jkunu ser jiġu effettwati minn dawn il-proġetti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tqassmu units matul is-sena 2003 sal-lum lill-applikanti li ħarġu minn istituzzjonijiet jew djar residenzjali bħall-isptar Monte Carmeli jew inkella djar residenzjali fejn jgħixu tfajliet u ġuvintur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li matul l-2003 id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali alloka 7 postijiet lil persuni li kienu residenti f’postijiet tat-tip indikat mill-Onor. Interpellant.
Djar — Għajnuna lil persuni li m'għandhomx dar tagħhom
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif l-awtorita' tad-djar tinvesti f'għaqdiet volontarji li jaħdmu biex jgħinu lil dawk il-persuni li m'għandhomx dar tagħhom jew għaqdiet oħra li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita’ tad-Djar tgħin lill-Non Government Organisations permezz ta’ għoti ta’ appartamenti b’ titolu ta’ kera sussidjata sabiex persuni bi problemi ta’ diżabilita’ fiżika kif ukoll mentali jiġu ri-integrati fis-soċjeta’. Barra minhekk l-Awtorita’ tad-Djar tagħti għajnuna finanzjarja lill-diversi Non Government Organisations li jipprovdu servizz ta’ akkomodazzjoni lill-persuni bi problemi soċjali. Din l-għajnuna sservi biex jiġi mmeljorat tali bini.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-iskema ta' l-awtorita' tad-djar right to buy?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-iskema ta’ l-Awtorita’ tad-Djar ‘Sir Sid Darek’ hi maħsuba biex inkwilini b’ kera fi propjeta’ tal-Gvern jixtru l-post li jgħixu fih bi prezz issussidjat. Din l-iskema ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tat-18 ta’ Diċembru 2001.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se titwaqqaf l-iskema shared ownership u x'inhu l-ħsieb ta' din l-iskema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-iskema li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant għadha fi stadju ta’ diskussjoni kemm fil-Bord ta’ l-Awtorita’ tad-Djar kif ukoll bejn il-Bord u l-banek kummerċjali.
Il-ħsieb li titwaqqaf din l-iskema hu li tagħti l-opportunita’ li wieħed iħallas sehem mill-valur tad-dar, bil-possibilita’ li jħallas għall-kumplament tas-sehem li jifdal aktar il-quddiem.
Jista' il-Ministru jagħti breakdown tal-konferenzi li attendiet għalihom il-KNPD u min kienu r-rappreżentanti? Jista' jagħti breakdown ta' kif intefqu l-Lm100,000 allokati għas-sena Ewropeja Persuni b'Diżabilita'? Jista' jagħti breakdown tal-pagi, allowances u overtime tal-ħaddiema tal-KNPD, in-numru ta' ħaddiema u partimers?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni mitluba dwar l-ewwel u l-aħħar parti tal-Mistoqsija. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3057, f’Seduta Nru. 84 fis-16 ta’ Diċembru 2003.