Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Affarrijiet Barranin — Tenders

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid mill-5.9.98 sal-1.12.98: a) Kemm-il tender ta' valur aktar min Lm1,000 ġiet approvata mid-dekasteru tiegħek; b) il-valur ta' kull tender; c) lil min ġiet awarded; u d) in-natura (provvista, xogħol, servizz) ta' kull tender?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Ma ġiet approvata ebda sejħa għal offerti mill-Ministeru tiegħi fil-perijodu indikat mill-Onorevoli Membru.

Gvern Amerikan — Taħdidiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid ma' liema uffiċjali tal-Gvern Amerikan saru taħdidiet s'issa? X'laqgħat hemm ippjanati għall-ġejjieni qarib?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-perijodu indikat, saru taħdidiet ma' Mr. Thomas Pickering, Sotto Segretarju tad-Dipartiment ta' l-Istat, fid-19 ta' Settembru fi New York, ma' Ms. Carolee Heilemann, Direttriċi tal-Western European Affairs tad-Dipartiment ta' l-Istat, fil-23 ta' Settembru f'Malta u ma' Ms. Sandra Willet Jackson, Senior Director u Coordinator Business Affairs tad-Dipartiment ta' l-Istat, fit-8 ta' Ottubru f'Malta. Huwa previst illi fil-futur qrib, uffiċjal mill-qasam tal-Kummerċ fid-Dipartiment ta' l-Istat għandu jagħmel żjara f'Malta biex jistudja l-possibilta' ta' tkattir tal-investiment Amerikan f'Malta u d-Desk Officer għal Malta fid-Dipartiment ta' l-Istat għandha wkoll tagħmel żjara ta' familjarizazzjoni.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Aġenziji tar-reklamar

Question

B'riferenza għall-perjodu mill-5 ta' Settembru, 1998 sa l-10 ta' Novembru, 1998 u għad-dikasteru li għalih il-Viċi Prim Ministru huwa responsabbli, jista': a) jagħti lista ta' aġenziji tar-reklamar użati; b) jagħti indikazzjoni tal-kampanji afdati lilhom; c) jgħid kemm intnefaq ma' kull aġenzija; d) jgħid kemm intnefaq f'kull waħda mill-mezzi tal-media li hawn Malta; e) jagħti lista ta' l-istamperiji (minbarra dik tal-Gvern) li ġew użati; f) jagħti indikazzjoni ta' x'ġie stampat u l-kwantita' ta' l-istampar; g) jgħid kemm intnefaq ma' kull stamperija; u h) jagħti lista tal-kumpanniji ta' l-iscanning li ġew użati u jgħid kemm intnefaq ma' kull kumpannija? Kemm kien hemm persuni/ditti li kienu joffru s-servizzi ta' reklamar lill-istess dikasteru/Ministeru qabel il-5 ta' Settembru, 1998 u twaqqfu mill-Gvern preżenti? Liema kienu? Għalfejn twaqqfu? Min tqabbad flokhom?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Il-Ministeru tiegħi ma kienx jeħtieġ li jingaġġa s-servizzi ta' aġenziji ta' reklamar fix-xahrejn bejn il-5 ta' Settembru u l-10 ta' Novembru 1998.

Ġermanja — Żjara tal-Prim Ministru

Question

Billi waqt iż-żjara tal-Prim Ministru fil-Ġermanja jidher li huwa ma ltaqa' ma' l-ebda ministri tal-Gvern Ġermaniż, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'taħdidiet hemm skedati ma' dan il-pajjiż fil-ġejjieni qarib?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Il-programm tal-Prim Ministru waqt iż-żjara tiegħu f'Munich kien sabiex jindirizza il-Hans Friedrich Foundation fuq stedina tal-Foundation. Ma kienx pjanat biex imur Bonn għal laqgħat fuq livell Ministerjali. Taħdidiet ta' din in-natura huma maħsuba li jsiru hekk kif iż-żewġ naħat jiftiehmu fuq data konvenjenti.

Pajjiżi barranin — Akkordji bilaterali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid: (a) kemm ġew konklużi akkordji bilaterali bejn il-5 ta' Settembru, 1998 u l-1 ta' Diċembru, 1998; u (b) jagħti lista ta' l-akkordji li għadhom pendenti u li bħalissa qed jiġu negozjati ma' pajjiżi barranin?

Response (MARCO, GUIDO DE)

B'risposta għall-mistoqsija numru 2155 qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' akkordji li huma fi stadju ta' negozjati. Mill-5 ta' Settembru l'hawn ġew iffirmati żewġ ftehim fil-5 u l-21 ta' Ottubru. L-ewwel wieħed ma l-Indja dwar is-Servizzi bl-Ajru u t-tieni mal-Kroazja li jittratta l-Ħelsien mit-Taxxa Doppja.

Ambaxxati — Estimates of expenditure

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti għal kull ambaxxata: (a) l-estimates of expenditure għas-sena 1998; u (b) l-infiq attwali matul dik is-sena?

Response (MARCO, GUIDO DE)

L-infieq previst minn kull ambaxxata Maltija għal matul l-1998 huwa dak dettaljat f'pagni 108 sa 112 ta' l-Estimi Ġenerali tal-Gvern fil-pubblikazzjoni uffiċċjali ta' l-Istamperija tal-Gvern. Ma nistax nagħti l-infieq attwali ta' kull ambaxxata ta' l-1998 peress li s-sena finanzjarja għadha ma ngħalqitx.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Kuntratti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru, għall-perijodu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-1 ta' Diċembru, 1998, jagħti lista tal-kuntratti li ngħataw b'direct order u għal kuntratt: (a) jindika x'kien il-kuntratt; (b) min għamel l-ispecifications; (ċ) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (d) lil min intalbu l-quotations; (e) kemm kienet kull quote; (f) min rebaħ il-kuntratt; (g) ingħataw extensions fuq il-kuntratt oriġinali; u (h) kemm kien il-valur totali tagħhom?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Ma ngħata ebda kuntratt, b'ordni diretta jew xort'ohra, mill-Ministeru tiegħi fil-perijodu ndikat mill-Onorevoli Membru.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Vetturi ta' l-art u tal-baħar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il vettura (ta' l-art u tal-baħar) għandu reġistrat f'isem il-Ministeru u f'isem id-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment? Jista' jgħid kemm-il vettura ġiet mixtrija għall-Ministeru jew għal xi wieħed mid-dipartimenti mis-6 ta' Settembru, 1998 sat-28 ta' Ottubru, 1998?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Ma nxtrat ebda vettura mill-Ministeru bejn is-6 ta' Settembru u it-28 t'Ottubru 1998. Għalhekk il-karozzi li hemm reġistrati huma dawk li kien hemm reġistrati fil-5 ta' Settembru 1998. Dawn jikkonsistu f'27 karozza li huma f'isem il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin f'Malta u 25 vettura ohra li jintużaw fl-Ambaxxati Maltin ta' Barra. Fit-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari Numru 1347, tajt aktar tagħrif dettaljat dwar il-vetturi li jidhru fuq isem il-Ministeru f'Malta.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Karozzi tal-kiri

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu karozzi tal-kiri mal-Ministeru u mad-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment? Jista' jgħid ukoll min huma l-kerrejja ta' dawn il-karozzi u jekk il-kirjiet humiex isiru permezz ta' kuntratt li għalih ħarġu l-offerti jew permezz ta' direct orders? Jista' jgħid kemm qed tlaħħaq l-ispiża kuljum għall-kiri ta' dawn il-karozzi?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Fil-preżent, erbgħa uffiċjali fil-Ministeru tiegħi, li għandhom dritt kontrattwali li jkollhom l-użu ta' karozza mħallsa mill-Gvern, qed jikru vettura biex taqdihom fix-xogħol tagħhom. Tnejn minn dawn il-vetturi qed jinkrew mingħand il-Bjorn Garage, waħda mis-Civic Rentals, u waħda mill-John's Garage. Ir-rata tal-kiri hija ta' Lm5 kuljum. Qed tinkera karrozza oħra mill-John's Garage, ukoll bir-rata ta' Lm5 kuljum, għall-użu ġenerali tad-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea. F'kull każ, l-arranġament tal-kirja huwa wieħed temporanju, sakemm jittieħdu ċerti deċiżjonijiet amministrattivi dwar il-provvista ta' vetturi uffiċjali.

Laqgħat ma' l-ex Deputat Dom MIntoff

Question

Jista' l-Viċi Prim MInistru jgħid x'tip ta' laqgħat u kuntatti saru mis-6 ta' Settembru, 1998 sal-lum ma' l-ex Deputat Dom Mintoff? Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid: (1) fuq liema livell saru; (2) meta saru; u (3) x'suġġetti politiċi nazzjonali u internazzjonli ġew diskussa?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Irrid nattira l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant kif ukoll ta' l-iskrivani tal-kamra li din l-interpellanza mhix konformi ma' l-ordni 26 ta' l-ordnijiet Permanenti tal-kamra.

U.E. — Kwestjonarju

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 1235, jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn dan il-kwestjonarju ma jiġix impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra meta hemm fin-nofs l-interess nazzjonali?

Response (MARCO, GUIDO DE)

L-interess nazzjonali jitlob li l-kwestjonarju jigi mpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra meta jkun il-waqt.

Scholarships fuq l-agrikoltura

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qattx bagħat xi persuni fuq foreign scholarships fuq studju agrikolu? Meta kienu ngħataw dawn l-ischolarships? Hemm xi pajjiż jew entita' barranija li bħalissa qiegħda tirċievi applikazzjonijiet għal scholarships fuq agrikoltura?

Response (MARCO, GUIDO DE)

a) Iva ntbagħtu persuni fuq foreign Scholarships fuq studju agrikolu. b) Dawn ingħataw kif ġej: Ċipru: 1989/91: 1997 Greċja: 1993/94: 1995/98 Israel*: 1995: 1998 Spanja*: 1995: 1996 Sirja*: 1995 c) Israel* * Dawn offerti taħt ko-operazzjoni teknika lill-dipartimenti konċernati u mhux lill-pubbliku.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Delegazzjonijiet - Żjarat barra minn Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il delegazzjoni mill-Ministeru kkonċernat, inkluż is-Segretarjat Parlamentari, żaru barra minn Malta għal diskussjonijiet dwar ir-riativazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' Malta fi ħdan l-Unjoni Ewropea? Fejn żaru d-delegazzjonijiet konċernati u ma' min iltaqgħu prinċipalment? Min kien jifforma d-delegazzjonijiet imsemmija? Kemm intnefqu flus għal dawn iż-żjarat? Xi frott u żvilupp ħallew dawn iż-żjarat?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Mill-elezzjoni 'l hawn, kien hemm erba' delegazzjonijiet li żaru barra minn Malta għal taħditiet dwar ir-riattivazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' Malta fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Id-dettalji huma: 14 ta' Settembru ---------------- Vjenna mal-President tal-Kunsill tal-Ministri, Wolfgang Schussel. Il-Viċi Prim Ministru, Saviour Falzon, Kap tad-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea u Walter Balzan, Assistent tal-Ministru. 15 ta' Settembru ---------------- Ruma mal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin, Lamberto Dini Nefqa: LM2,357 ------- 29 ta' Ottubru -------------- Ministru ta' l-Istat għal-Affarijiet Barranin u l-Commonwealth, Joyce Quin. Is-Segretarju Parlamentari, Dr. Joe Borg, John Inguanez mid-Direttorat tal-Unjoni Ewropea u Elvia Agius, Assistent tas-Segretarju Parlamentari. Nefqa: Lm438 (eskluż spejjeż tal-biljett ta' l-ajru) ----- 5 ta' Novembru -------------- Il-Kummissarji tal-Unjoni Ewropea Marcelino Oreja, Franz Fischler, Emma Bonino u Mario Monti. Il-Viċi Prim Ministru, Saviour Falzon, Kap tad-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea u Charles Cremona, Assistent tal-Ministru 6 ta' Novembru: ---------------- Il-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea, Hans Van den Broek Nefqa: Lm1,400 (eskluż spejjeż tal-biljetti ta' l-ajru) ------- 11 ta' Novembru ---------------- Dublin mal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin, David Andrews. Il-Viċi Prim Ministru, Saviour Falzon, Kap tad-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea u David Casa, Assistent tal-Ministru Nefqa għadha mhiex stabbilita L-iskop ta' dawn iż-żjarat huwa li tiġi mfiehma l-posiżżjoni tal-Gvern Malti fil-kuntest tar-rijativazzjoni tal-applikazzjoni ta' Malta għas-sħubija fi ħdan l-Unjoni Ewropea u sabiex Malta tikseb l-appoġġ meħtieġ għar-reinseriment tagħha fil-proċess ta' sħubija fl-iqsar żmien possibli.

UE — Kwestjonarju

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta mistenni jintbagħat il-kwestjonarju ta' l-Unjoni Ewropea lura lill-Kummissjoni Ewropea bit-tagħrif mitlub?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru qed jippjana li jibgħat lura il-kwestjonarju ta' l-Unjoni Ewropea bit-tagħrif mitlub fl-iqsar żmien possibli, ċertament f' dawn il-ftit ġimgħat li ġejjin.

Unjoni Ewropea — Applikazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi jfissru eżatt għad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea is-sentejn ta' friża (ta' l-applikazzjoni) tal-Gvern Laburista? Fejn kienet il-pożizzjoni ta' Malta qabel id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li jiffriża din l-applikazzjoni? X'inhi issa l-pożizzjoni ta' Malta fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jerġa jkompli miexi bl-applikazzjoni ta' Malta? F'dawn is-sentejn ta' friża tal-Gvern Laburista, x'ġara ma' pajjiżi oħra applikanti? X'laqgħat kellu l-Ministru f'dawn l-aħħar ġimgħat, kemm reġa' ilu f'din il-ħatra, vis-a-vis l-applikazzjoni ta' Malta għall-Unjoni Ewropea?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Is-sentejn ta' 'friza' ta' l-applikazzjoni ta' Malta għad-dhul fl-Unjoni Ewropea fisser li Malta fil-konfront ta' l-Unjoni giet konsiderata bħala 'third country' jigifieri dik ta' pajjiz, mhux interessat li jsir membru ta' l-Unjoni Ewropea, u trattat bħala tali. Id-deċizjoni tal-Gvern Laburista li ffriża d-dħul ta' Malta ifisser li dak kollu li kienet kisbet Malta, ġie mwaqqaf. Fil-fatt kien ġie dikjarat fil-Kunsill Ewropew ta' Corfu', (Ġunju 1994) u konfermat fil-Kunsill ta' Essen (Diċembru 1994) li Malta kienet ser tkun involuta fl-ewwel tkabbir li jmiss (wara dak tal-1995) ta' l-Unjoni Ewropea. F'April 1995, il-General Affairs Council ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda li n-negozjati ma' Malta, kienu ser jibdew sitt xhur wara li tintemm l-Inter Governmental Conference. Din id-deċiżjoni ġiet konfermata fil-Kunsill Ewropew ta' Cannes (Ġunju 1995), Madrid (Diċembru 1995) u Firenze (Ġunju 1996). L-Inter Governmental Conference intemmet f'Ġunju 1997. Peress li Malta kienet iffriżat id-domanda tagħha, meta fil-Kunsill ta' Lussemburgu ġie deċiż ma liema pajjiżi applikanti, kienu ser jinbdew in-negozjati, Malta lanqas biss ma ġiet konsiderata u dan peress li b'riżultat ta' l-iffriżar ta' l-applikazzjoni, mill-Gvern Laburista, Malta kienet sempliċiment 'a third country'. Permezz ta' ittra datata 10 ta' Settembru informajt il-Presidenza Awstrijaka ta' l-Unjoni Ewropea, li Malta kient qegħda tirriattiva d-domanda tagħħa għad-dħul fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk il-posiżżjoni ta' Malta llum hija dik ta' pajjiż li jrid jirriattiva l-applikazzjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea. F'dawn is-sentejn ta friża, sitt pajjiżi jiġifieri ir-Repubblika Ceka, il-Polonja, l-Ungerija, is-Slovenja, l-Estonja u Ċipru ġie deċiż li magħhom għandhom jinbdew in-negozjati għad-dħul fl-Unjoni Ewropea. Il-Latvia, il-Litwanja, is-Slovakkja, ir-Rumanija u l-Bulgarija qegħdin jistennew li jkunu konsiderati bħala pajjiżi li magħhom jistgħu jinbdew negozjati. Kemm ili Ministru ta' l-Affarijiet Barranin, wara l-elezzjoni tal-5 ta' Settembru 1998 kelli okkażżjoni li in-konnesjoni mar-riattivazzjoni, niltaqa mal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Austria (presidenza) ta' l-Italja, tal-Grecja, ta' l-Irlanda, ta' l-Olanda, ta' Lussemburgu, tal-Portugal, tal-Finlandja, ta' Franza (Ministru ghall-Affarijiet Ewropej) tal-Isvezja (Segretarju ta' l-Istat għall-Affarijiet Barranin); għandi appuntament ġia ffissat mal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Spanjol. Irrid ngħid ukoll li l-Prim Ministru ltaqa għall-istess skop mal-Prim Ministru ta' l-Italja, ta' Lussemburgu, tal-Belġju u ta' Spanja, filwaqt li s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħi Dott Joe Borg ltaqa mas-Sotto Segretarju għall-Istat tar-Renju Unit. Jien nistenna li jkolli appuntamenti oħra fi żmien qasir. Kif joħroġ minn din ir-risposta t-triq tar-riattivazzjoni li twassal ghal bidu tan-negozjati u għad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea hija triq mhux għal wita izda nispera li bil-ħidma ta' kulhadd ir-riżultat li għalih qegħdin nitħabtu, nilħquħ.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin li bħalissa qegħdin fuq leave fit-tul għal skopijiet ta' studju? Min huma dawk l-impjegati, fuq liema korsijiet qegħdin, Malta jew barra u min minnhom qegħdin fuq paid leave u min fuq study leave bla ħlas? X'inhuma l-kriterji li fuqhom jiġi deċiż min jingħata paid study leave fit-tul u min ma jingħatax?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Bħalissa, seba' uffiċjali tal-Ministeru qedgħin fuq 'leave' fit-tul għal skopijiet ta' studju. Dawn huma: 'Leave' bi ħlas 1. Joseph Bugeja Kors ta' LL.D Universita' ta' Malta 2. John Paul Grech Ph.D fi Studju dwar l-OSCE Universita' ta' Malta 3. Fiona Jayne Cilia Master fid-Diplomazija Akkademja Mediteranea għal-studji Diplomatiċi (Universita' ta' Malta) 'Leave' bla ħlas 1. Arsalan Alshinawi Ph.D fl-Ekonomija Politika Internazzjonali Universita' ta' Nijmegen, Olanda 2. Alfred A. Farrugia Ph.D Universita' ta' George Mason, USA 3. Mark Anthony Pace Master fix-Xjenza Soċjali Universita fl-Olanda 4. Colin Scicluna Master fir-Relazzjonijiet Internazzjonali Universita' fil-Belġju L-applikazzjoni ta' uffiċjal ieħor, Kevin James Fenech, li xtaq isegwi kors għall-MBA fl-Universita' ta' Malta, qiegħda fil-proċċess li tiġi awtorizzata dalwaqt. Id-deċiżjoni dwar jekk l-uffiċjal jingħatax 'leave' għal studju bi ħlas jew le hija prinċipalment dipendenti fuq jekk il-qasam ta' l-istudju kienx identifikat mill-Ministeru inkella mill-individwu. Dan, infatti, huwa l-każ fit-tliet każijiet imsemmija hawn fuq fejn il-'leave' għal studju ġie awtorizzat bil-ħlas. Irrid ngħid li m'inhiex konvint li dan huwa l-iktar kriterju tajjeb biex jiddistingwi bejn 'leave' bi hlas u 'leave' bla hlas ghal skop ta' studju. Għalhekk ser nagħti istruzzjoni lis-Segretarju Permanenti għal reviżjoni fil-kriterji in kwestjoni, kriterji li jinvolvi kemm jista l-Ministeru jippermetti l-assenza ta' uffiċjal tiegħu, ir-relazzjoni ta' studju magħżul ma l-esiġenzi u l-interessi tal-Ministeru u aspetti oħra rilevanti

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Vetturi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm karozzi fil-Ministeru? Lil min huma assenjati u xi grad għandu kull min għandu karozza tal-Ministeru? Kemm hemm karozzi li huma maqfula u ma jintużawx? Kemm hemm karozzi mikrija fuq bażi regolari? F'dan il-każ, għal min ġew mikrija dawn il-karozzi, minn liema garage u x'inhi r-rata ta' kiri kuljum?

Response (MARCO, GUIDO DE)

In-numru ta' karozzi li hemm fil-Ministeru huwa dak li kien hemm fil-5 ta' Settembru, 1998. Ser nagħti risposta dettaljata kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant f'seduta ohra.

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin — Designate secretariat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif inhu ffurmat id-designate secretariat tal-Ministru u tas-Segretarju Parlamentari? Min huma l-membri li jiffurmaw dawn is-segretarjati u x'funzjoni huwa maħsub li jingħatalhom?

Response (MARCO, GUIDO DE)

L-istruttura flimkien mal-karigi taż-żewġ Segretarjati Privati fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin huma dawk spjegati dettaljatament fid-dokument li kien approvat mill-kabinett, u li l-Prim Ministru kien poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ftit ilu. Peress li l-proċess ta' mili tad-diversi karigi għadu għaddej, inkun f' pożizzjoni li nagħti tweġiba għat-tieni parti tal-mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant aktar tard.

Malta/Libja — Relazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'tibdil sar f'linji ġenerali, jekk fil-fatt sar, fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja matul l-Amministrazzjoni Laburista bejn l-1996 u l-1998?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Ma jirriżultalix li sar xi tibdil partikolari; naturalment l-istorja hi dinamika u l-politika trid dejjem tirrispondi għall-avvenimenti li jkunu qegħdin jiġru.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Ingaġġar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm nies ġew ingaġġati fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998? Jista' jagħti l-ismijiet tan-nies li ġew ingaġġati? X'karigi ngħataw fil-ministeru? X'karigi kellhom qabel ma ġew ingaġġati? Min minnhom kien jaħdem mal-gvern u f'liema dipartiment kien jaħdem? X'inhuma l-kwalifiki akkademiċi ta' dawn? X'kondizzjonijiet ingħataw? Jista' jpoġġi l-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid x'karigi kull wieħed minnhom kellu fil-Partit Nazzjonalista?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Qed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għas-Segretarjat Privat. Ninsab infurmat li l-ebda kuntratt jew ftehim ma għadu ġie ffirmat ma' l-individwi konċernati, u nkun f'qagħda li nwieġeb għall-mistoqsijiet magħmula f' xi seduta oħra, wara li dawn jiġu ingaġġati formalment. Nirreferi ukoll lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru b' risposta għal Mistoqsija Parlamentari Numru 81/9/1.