Legislature:
Category:
Reset
Active:

Spiżjara jaħdmu mal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm spiżjara mal-gvern illum? Jista' jgħid meta tibda l-iskema tal-POYC? Kemm se jkollu bżonn spiżjara? X'inhi l-ispispiża totali li l-gvern iħallas għall-ispiżjara tiegħu? Kemm kienet l-ispiża totali tal-gvern tal-mediċini li ta taħt schedule II u V kull sena fl-2005 u fl-2006?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta oħra.

Bormla Home

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha l-aktar applikazzjoni antika li hemm fil-waiting list għall-home ta' Bormla?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-aktar applikazzjoni antika li hemm fil-waiting list għad-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla hija datata 9 ta' Frar 1999. Minn kuntatti li saru ma din il-persuna mis-Social Workers tad-Dipartiment min mindu applikat jirriżulta li din uriet ix-xewqa li tibqa tgħix fid-dar tagħha. Riċentament l-applikazzjoni ġiet riveduta u kienet approvata mill-Admission Board fis-7 ta' Diċembru 2006 bħala Low Priority.

Dar ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni, ġaladarba dawn tittieħdilhom 60% tal-pensjoni, ma għadhiex ttieħdilhom ordni ta' l-ikel preferit kull ħmistax bħalma kien jiġri qabel f'ċertu punt? X'inhi r-raġuni li, għad li d-diriġenti huma għal kurrent tal-fatt li l-maġġor parti ta' l-ikel li jiġi servut jintrema' tant kemm hu ħażin, ma jagħmlu xejn sabiex din is-sitwazzjoni titranġa? X'inhi r-raġuni li l-imwjjed ta' l-ikel ma jiġux imnaddfa b'mod regolari?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peres li dan it-tip ta' lment ma jirriżultalniex, jista l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema dar qiegħed jirreferi.

Sptar Mater Dei — Direzzjonijiet

Question

Peress li dawk li qed jużaw l-Isptar Mater Dei ta' spiss qed jintilfu u ma jkunux jafu fejn iridu jmorru, jista' l-Ministru jara li jitpoġġew persuni f'pożizzjonijiet differenti tal-grounds tal-bini ta' l-Isptar biex jindikaw u jagħtu direzzjoni fejn iridu jmorru n-nies?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirringrazzja lill-Onor Interpellant tas-suġġeriment. Nixtieq ninfurmah pero li kull filgħodu qiegħed ikun hemm erba' voluntiera fl-entratura prinċipali ta' l-isptar u erba' fl-entratura ta' l-Outpatients. Dawn qed jgħinu l-pazjenti u l-viżitaturi jaslu fid-destinazzjoni meħtieġa. Dan barra l-uffiċjali tal-Customer Care u tas-Sigurta'. Minn nhar it-Tnejn 26 ta' Novembru se jiżdied is-servizz tal-voluntiera fl-entratura prinċipali minn erba' għal tmien vouluntiera. Barraminhekk, se jkun hemm tliet voluntiera bejn it-3 u s-6 ta' filgħaxija waqt il-ħin tal-parlatorju li se jgħinu l-viżitaturi fis-swali.

Sptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li biex isiru appuntamenti għall-Isptar Mater Dei l-persuni qed ikollhom imorru personalment l-isptar u ma jistgħux jinqdew minn fuq it-telephone jew b'xi mezz ieħor?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Hemm tliet modi kif wieħed jista jagħmel appuntament ma' professur fi Sptar Mater Dei. 1. It-tabib taċ-Ċentri tas-Saħħa jew dak privat (li jkun qed jirreferi pazjent għall-isptar) jista jagħmel użu mill-online service. It-tabib jimla formola ta' riferiment u jibgħatha dak il-ħin stess b'mod eletroniku. 2. It-tabib jista' jagħti l-formola mimlija lill-pazjent, u jitlob lill-istess pazjent biex jew (a) jibgħatha bil-posta jew (b) iwassalha personalment l-isptar. Meta il-formola ta' riferiment tasal fil-klinika fejn il-pazjent ikollu bżonn jattendi, din tiġi murija lill-konsulent responsabbli biex dan ta' l-aħħar jiddeciedi b'mod professjonali jekk dak il-każ huwiex urġenti jew le. Wara jintbagħat l-appuntament bil-posta lill-pazjent. Dawn il-proċeduri ġew stabbiliti biex b'hekk jiġi assigurat li: a) il-pazjent jingħata kura skond il-bżonnijiet mediċi tiegħu u mhux fuq first come first served basis. b) ma jsirux żbalji bħal per eżempju li jingħata appuntament ma' konsulent minflok ieħor.

Pilloli

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Lescol 40 mg aktar iva milli le qed ikun nieqes mill-ispiżeriji tal-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Lescol 40 mg l-aħħar li tqassam mis-Servizzi Farmacewtici tal-Gvern kien fid-9 ta' Novembru. Permezz tac-cirkulari DH 234/2006 il-pazjenti li kienu jiehdu il- Lescol (Fluvastatin) 80mg bdew jinghataw medicina gdida Zocor (Simvastatin). Ġara li filwaqt li il-Gvern m'ghadux jixtri il-Lescol 80mg, xi pazjenti bdew jieħdu żewġ pilloli tal-Lescol 40 mg biex jkomplu bil-kura, u b'hekk qiegħed jiżdied il-konsum b'mod irregolari. Filwaqt li l-ordni ta' Lescol 40mg li tmiss mistennija tidħol sa' nhar il-Erbgħa 28 ta' Novembru, sadanittant tista' tintuża d-doża ta' Lescol 20mg bħala alternattiva.

Disposable nappies

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28786 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u issa ġiet riferuta lilu u jivverifika ilmenti li qed jasluli ta' spiss minn għadd ta' ġenituri ta' persuni diżabbli li d-disposable nappies li qed jingħatawlhom mill-gvern għax huma ntitolati għalihom huma ta' kwalita' ħażina u mhux qed iservu l-iskop tagħhom? Jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa biex id-disposable nappies ikunu ta' kwalita' tajba?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-nappies huma provduti minn żewġ kuntratturi, skond id-daqs ta' nappies li jkunu meħtieġa. Il-kuntratturi kienu mitluba jissottomettu samples ta' dawn in-nappies lid-Dipartiment. Dawn in-nappies għaddew mit-testijiet tal-laboratorju.

OOPS — Operazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28937 u jikkonferma jekk ma sarux operazzjonijiet ġo OOP3 fl-iSptar San Luqa minħabba li ma kienx hemm bolts ta' l-istainless steel?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Jista l-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku u jindika għal liema perjodu qed jirreferi?

Imwiet b'kanċer tas-sider

Question

Jista l-ministru jgħid kemm kellna mwiet kawża tal-kanċer tas-sider fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005 u 2006, sena b'sena? Jista' jagħti l-informazzjoni skond l-etajiet u l-lokalitajiet li ġejjin minnhom il-vittmi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.

Trabi minn single mothers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellna twelid ta' trabi minn single mothers fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005 u 2006, sena b'sena? Jista jagħti l-informazzjoni skond l-etajiet u skond il-lokalitajiet li ġejjin minnhom l-ommijiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Sptar San Luqa — Każ ta' Ċiniż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hux qed issir inkjesta dwar il-persuna, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li l-ġimgħa l-oħra ddaħħal fl-emerġenza fl-10p.m. u li wara xi siegħa telaq minn hemmhekk u nstab f’xi s-siegħa ta’ filgħodu ħdejn il-kamra mortwarja?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma kienx hemm ħtieġa ta' inkjesta. Dan il-kaz jirrigwarda persuna ta` nazzjonalita` barranija impjegata ma kuntrattur Malti li giet licenzjata mill-isptar taħt ir-responsabilita` ta` min kien iħaddimha. Wara ftit siegħat barra mill-isptar, din il-persuna giet abbandunata fl-isptar minn nies mhux magħrufa. Instabet fl-inħawi tal-Kamra Mortwarja u reġgħet ġiet ammessa fil-ward minn fejn kienet ġiet licenzjata. Nhar il-Ħadd 25 ta` Novembru 2007, din il-persuna irritornat lura pajjizha.

Tfal bid-dijabete

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex familji li għandhom tfal żgħar li qed isofru mill-marda tad-dijabete mhux qed jingħataw labar tas-siringi size 4mm iżda qed jingħataw sizes akbar li mhux addattati għalihom? Jista' jgħid għaliex dawn il-familji mhux qed jingħataw glucose sticks li huma meħtieġa għalihom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, Risposta titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ladarba tkun lesta.

Ħrieqi u mediċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex twaqqfet l-għajnuna lill-ommijiet li jkollhom numru ta' trabi f'daqqa aktar minn normali (bħal fil-każ ta' quadruplets) f'assistenza li kienet tingħata fi ħrieqi u mediċini lil dawn l-ommijiet? Ma jaħsibx li każijiet bħal dawn ikunu jeħtieġu din l-għajnuna?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Din il-materja ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ministeru tiegħi. Nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant jagħmel id-Domanda tiegħu lill-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali.

OOP3 — Operazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ma sarux operazzjonijiet ġo OOP3 fl-iSptar San Luqa minħabba li ma kienx hemm bolts ta' l-istainless steel?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u l-informazzjoni tingħata f'xi seduta oħra.

Spiżeriji ta' l-outpatients

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari 28462, jista' l-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li se jkun hemm reġistrati ma' l-ispiżeriji privati meta l-iskema tibda taħdem fit-total tagħha? X'inhu l-ħlas li l-gvern ser iħallas lill-ispiżeriji privati skond il-ftehim mal-GRTU?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Huwa stmat li l-benifiċjarji taħt l-iskemi ta' Schedule II u V ikunu madwar 110,000 klijent. L-ispiżeriji li jipparteċipaw taħt l-iskema POYC ser jitħallsu fis-sena għal kull persuna reġistrata kif jidher hawn taħt: L-ewwel sena Lm8 It-tieni sena Lm9 It-tielet sena Lm10 Ir-raba' sena Lm11 Il-ħames sena Lm12

Postijiet vakanti

Question

Jista` l-Ministru jgħid kemm kien hemm sejħiet għall-applikazzjoni biex jimtlew vakanzi fid-dekasteru kollu tiegħu f'dawn l-aħħar tlett snin? Kemm kien hemm applikanti għal kull post? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom irgiel? X'kienet l-eta` tagħhom? Jista' jagħti s-sess u l-eta` tal-persuna magħżula?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ferm voluminuża u għadha qed tinġabar. Ir-risposta ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta oħra.

Bormla

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa minħabba l-ammont kbir ta' firien li hemm fix-Xatt, Bormla, li qed jagħmlu ħajjet ir-residenti infern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat illi l-ħaddiema mid-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali għamlu trattament għal kontra l-ġrieden, illum 9 ta' Novembru 2007, fl-akkwati msemmija. Din iż-żona ser tibqa' taħt sorveljanza u trattamenti oħra jerġgħu jsiru l-ġimgħa d-dieħla.

Operazzjonijiet ta' kataretti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list għall-operazzjonijiet tal-kataretti? Kemm isiru operazzjonijiet fil-ġimgħa (tal-kataretti)? X'inhi l-possibilita li dawn jiżdiedu issa fl-isptar l-ġdid?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-waiting list għal operazzjonijiet tal-kataretti hija ta' 4830. Il-medja ta' operazzjonijiet tal-kataretti fil-ġimgħa hija bejn 25 u 29.