Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma l-prodotti li ma nipproduċux lokalment u jekk hux se jkollhom protezzjoni ta' special safeguards meta jiġu impurtati wara April tas-sena d-dieħla?
Response (DALLI, JOHN)
Peress li nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-iSpecial Safeguard Clause li ġiet negozjata ma’ l-Unjoni Ewropea għas-settur ta’ l-Agrikoltura, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli minn dan is-settur.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 3407 u cioe' jista' jinforma lill-Kamra jekk il-prezz tal-ħobża ta' kuljum wara l-ewwel ta' Mejju li ġej huwiex se joħros jew jogħla u dan fid-dawl tal-bidla li se ssir f'dak li huwa l-qmuħ u ċ-ċereali? Kemm hu f'persentaġġ (%) li jista' jogħla jew jorħos il-ħobż f'Malta u f'Għawdex wara l-ewwel ta' Mejju li ġej?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-prezz tal-hobż f’Malta s-sena d-dieħla jogħla jew jinżel skond ċirkustanzi u fatturi li m’għandhom x’jaqsmu xejn mad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 3396 u cioe' b'riferenza għas-sussidju ta' 7 miljun imħabbra fil-Budget sabiex ma jogħlewx il-prezzijiet bħal fil-każ taz-zokkor, jista' jinformani jekk b'dawn is-sussidji l-prezz taz-zokkor għall konsumaturi huwiex se jibqa' dak ta' 15c-il kilo? F'każ li se jiżdied, jista' jindika l-persentaġġ taż-żieda?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi ghat-twegiba li tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3422, Seduta 85.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3689 u cioe' jgħid kemm-il fabbrika temmet l-operazzjonijiet tagħha minn pajjiżna tul is-sena 2003? Kemm kienet timpjega nies kull waħda minnhom?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3689, Seduta 91.
Jista' il-Ministru jgħid il-Borża ta' Malta kemm irreġistrat xogħol fl-2003 u jagħti dettalji? Jidhirlux il-Ministru li dan il-livell ta' ativita' huwa wieħed allarmanti u jgħid x'beħsiebu jagħmel biex jerġa jagħti stimolu lill-Borża ta' Malta?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li it-tabella hawn mehmuża wieħed jista' jasal għal dawn il-konklużjonijiet:
i) filwaqt li kien hemm tnaqqis ta’ ftit aktar minn Lm5 miljun fin-negozju ta’ l-ishma, kien hemm fl-istess żmien żieda ta' kważi Lm3.4 miljun fi transazzjonijiet fil-Bonds kemm tal-Gvern kif ukoll ta' kumpaniji privati. Dan is-sentiment favur investimenti bir-rata ta’ interess fiss ikompli mis-sena ta’ qabel.
ii) Minkejja tnaqqis fil-volum totali ta’ negozju ta’ 2.2% jidher minn-numru totali ta’ transazzjonijiet li l-interess fin-negozju żdid tant li kien hemm żieda ta’ 20% minn 7774 transazzjoni fl-2002 għal 9303 fl-2003.
iii) Ix-xejra pożittiva fl-andament ta’ l-indiċi tal-prezzijiet sostniet matul is-sena kollha b’zieda totali ta’13.6% fuq kif għalqu l-prezzijiet fl-2002.
Madankollu wieħed jista' jgħid li ma kienx hemm l-ammont ta’ kwotazzjonijiet ġodda fuq il-Borża li wieħed jixtieq, b’ħames instrumenti ġodda biss jiġu kkwotati fl-2003. Waħda mir-raġunijiet possibbli għal dan hi li fi klima monetarja ta’ rati baxxi ta’ interess u likwidita għolja, kumpaniji qed jersqu aktar lejn il-banek milli lejn il-Borża għal bżonnijiet tagħhom ta’ kapital ġdid.
Fost proġetti ippjanati jew kurrenti biex jitjieb in-negozju fuq il-Borża wieħed jista jsemmi:
i) Tisħiħ fil-qafas regolatorju.
ii) Titjib fis-sistemi biex jkun jista' jsir negozju għal ħin itwal, f’instrumenti u swieq ġodda u b’mod aktar mifrux.
iii) Tibdil fir-regolamenti u proċeduri ta’ Clearing & Settlement biex jiġu konformi ma’ standards Ewropej u internazzjonali.
iv) Programm ta’ edukazzjoni għal pubbliku fuq l-operat tal-Borża.
v) Proġetti ta’ kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet internazzjonali fil-qasam tas-swieq kapitali biex jinfetaħ is-suq Malti għall-investituri barranin.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm ITCs reġistrati f'Malta mal-MFSA fl-2002 u 2003? Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm nominee companies fl-2002 u 2003 u kemm kumpanija ġew struck off mir-reġistru?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi :
(a) Ġew reġistrati 526 ITC's fl-2002, u 839 fl-2003
(b) Fl-aħħar tal-2002, kien hemm115 kumpanniji awtorizzati jaħdmu bħala nominees, fil-waqt li fl-aħħar tal-2003, kien hemm 119.
(c) Matul l-2002, ġew struck off 225 kumpanniji, u matul l-2003, ġew struck off 309.
Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-uffiċċju tiegħu milli jawtorizza f'dipartimenti differenti tal-gvern it-trasferimenti tal-ħaddiema tal-MDC, METCO u IPSE li ma ntgħażlux mal-Malta Enterprise u qed jitħallew f'kamra ma' jagħmlu xejn?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħaddiema li ma ntgħażlux mill-Malta Enterprise ser jinstabilhom xogħol alternattiv.
Preżentament, il-ħaddiema li ma ntgħazlux tqassmu fi gruppi u qegħdin jattendu diversi korsijiet fil-
kompjuter; u personal development.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-kuntratt ta' l-apparat mediku u s-servizzi relatati miegħu għall-isptar Mater Dei ngħatax lill-INSO spa ta' l-Italja billi hu applika klawsola 4(4) tal-public service (procurement) regulations 1996?
Response (DALLI, JOHN)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti li għaddejt lill-ġurnalisti fil-press conference li tajt fil-31 ta' Diċembru 2003 u li fiha hemm l-informazzjoni li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant.
Ta' min jgħid li hu fl-interess tal-pajjiż li d-deċizjonijiet li jkun hemm bżonn jittieħdu fil-fatt jiġu meħuda biex proġetti ta' fejda ma jitwaqqfux la bi xkiel ta' nteressi kummerċjali u lanqas bi xkiel ta' nteressi politiċi li jkollhom l-aġenda tagħhom.
Wara proċess twil li nvolva ħafna nies ta' l-affari tagħhom, baqa' l-fatt li l-offerta magħżula għall-fornitura tal-apparat mediku għall-isptar Mater Dei kienet l-irħas u l-aħjar minn dawk li kellhom jiġu magħzula.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsijiet parlamentari 3349 u 1721, jista' il-Ministru jaġġornani dwar l-iżviluppi ta' kwestjoni fid-dawl tal-laqgħat li Pascal Lamy kellu ma' G20 dwar il-kontrolli tal-kwoti, dazji u tariffi ta' l-Unjoni Ewropea fuq il-prodotti tal-biedja?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Group of 20 għadhom għaddejjin. Ovvjament, nisperaw li nkunu nistgħu nirrappurtaw żviluppi b'mod iktar konkret fil-futur qarib.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma l-prodotti li ma nipproduċux lokalment u jekk hux se jkollhom protezzjoni ta' kwota meta jiġu impurtati wara April tas-sena d-dieħla?
Response (DALLI, JOHN)
L-Onorevoli Interpellant japprezza li l-prodotti li ma nipproduċux lokalment huma estensivi ħafna f'termini ta HS codes. Għaldaqstant, anke fil-kuntest tal-fatt li t-TARIC tispeċifika jekk prodott partikolari hux suġġett għal xi forma ta' kwota, l-Onorevoli Interpellant jista' jirreferi għall-web site tal-Kummissjoni li tipprovdi aċċess għat-TARIC, liema ndirizz elettroniku diġa kellna l-opportunita nispeċifikawh f'risposti riċenti li tajna.
B'riferenza għas-Lm7 miljun li l-Gvern ivvota fil-Budget sabiex jissussidja l-prezzijiet għoljin tal-prodotti ta' l-ikel li se jogħlew wara s-sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE, jista' il-Ministru jgħid kemm minnhom se jmorru biex jissussidjaw it-3,500 tunnellata ta' "Semolina (groats and meal of durum wheat " skond "Special Temporary State Aid to Support Processors & Recognised retailers of Imported Products"?
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hu l-valur globali li se joħroġ il-Gvern Malti u kemm hu l-valur globali li se toħroġ l-EU sabiex ikun issussidjat il-prezz għoli ta' dan il-prodott?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3477, Seduta 87
B'riferenza għas-Lm7 miljun li l-Gvern ivvota fil-Budget sabiex jissussidja l-prezzijiet għoljin tal-prodotti ta' l-ikel li se jogħlew wara s-sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE, jista' il-Ministru jgħid kemm minnhom se jmorru biex jissussidjaw l-2,500 tunnellata ta' "Malt of other cereals excluding wheat flour " skond " Special Temporary State Aid to Support Processors & Recognised retailers of Imported Products"?
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hu l-valur globali li se joħroġ il-Gvern Malti u kemm hu l-valur globali li se toħroġ l-EU sabiex ikun issussidjat il-prezz għoli ta' dan il-prodott?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3477, Seduta 87
B'riferenza għas-Lm7 miljun li l-Gvern ivvota fil-Budget sabiex jissussidja l-prezzijiet għoljin tal-prodotti ta' l-ikel li se jogħlew wara s-sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE, jista' il-Ministru jgħid kemm minnhom se jmorru biex jissussidjaw it-3,000 tunnellata ta' "ross" skond " Special Temporary State Aid to Support Processors & Recognised retailers of Imported Products"?
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hu l-valur globali li se joħroġ il-Gvern Malti u kemm hu l-valur globali li se toħroġ l-EU sabiex ikun issussidjat il-prezz għoli ta' dan il-prodott?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3477, Seduta 87
Jista' il-Ministru jgħid kif qed isir il-kontroll fuq il-ħwienet, meta l-prezzijiet għolew saħansitra b'aktar minn 10% minn Jannar 2004, fejn ma kienx il-lok li dan iseħħ, fosthom fil-qasam ta' l-ikel?
Il-konsumatur u finalment dawk kollha li huma u li kienu jikkontribwixxu fil-ħlas tat-taxxa, kif se jkunu protetti u nformati bl-indiċi tal-prezzijiet? Jekk kien hemm abbuż, kif se jiġi nfondut il-konsumatur u min se jerfa' ir-responsabbilta'?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-sistema ta’ ‘price control’ kif kienet titħaddem meta s-suq ma kienx liberizzat m’għadhiex tgħodd ghaż-żminijiet tal-lum.
Id-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni isegwi l-prezzijiet fis-suq biex kemm jista’ jkun jassigura li l-prezzijiet ikunu dawk ġusti u mhux riżultat ta’ xi ftehim bħal kartell jew abbuż ta’ dominanza.
Meta tqabbel il-prezzijiet ta’ l-ispezzjonijiet li saru fl-aħħar xhur tas-sena l-oħra ma' dawk li saru fl-ewwel xahar ta’ din is-sena, jirriżulta li l-prezzijiet jirriflettu il-kompetizzjoni fis-suq billi għalkemm il-maġġoranza tal-prezzijiet għolew sa 3% kien hemm numru ta’ prodotti li baqgħu l-istess. Kien hemm ukoll numru ta’ prodotti li għolew bejn 3% u 5%. Każijiet fejn il-prodotti għolew iżjed minn 10% kienu minimi u qed jiġu nvestigati.
L-indiċi tal-prezzijiet jiġi regolarment ippubblikat mill-Awtorita’ ta’ l-Istatistika.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw sensji xahar b'xahar mill-1 ta' Jannar 1999 sa l-aħħar ta' Diċembru 2003? Kemm għalqu fabbriki xahar b'xahar mill-1 ta' Jannar 1999 sa l-aħħar ta' Diċembru 2003? X'isimhom il-fabbriki li għalqu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond informazzjoni miġbura mingħand il-Malta Industrial Parks Ltd. il-fabbriki li għalqu fis-sena 1999 kienu (6) sitta.
Minn barra dawn kien hemm 3 kumpaniji oħra, li l-operat tagħhom ġie amalgamat ma kumpaniji oħra.
Informazzjoni rigward in-numru ta’ fabbriki li għalqu fis-snin 2000, 2001, 2002 u 2003 ingħatat fir-risposti li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 72, Seduta 7 u 3689, Seduta 91.
Informazzjoni rigward fabbriki li għalqu mhijiex possibbli li tiġi miġbura xahar b’xahar.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-projections ta' l-economic planning division tal-gvern dwar il-prospetti tal-qgħad fix-xhur li ġejjin? Mistenni jitrażżan, jirranka jew jiġi stabilizzat sa tmiem is-sena li qegħdin fiha?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-aħħar informazzjoni u xejriet fil-qasam tal-impjiegi, ir-rata tal-qgħad għal Diċembru 2003 hija stmata għal 5.3 fil-mija, filwaqt li hu mistenni li din tkun ta' 5.5 fil-mija għas-sena 2004.
Billi d-diriġenti tal-Malta Enterprise qalu li għandhom it-tir li joħolqu 10,000 impjieg ġdid f'medda ta' żmien relattivament qasir, dan sar abbażi ta' xi studju xjentifiku jew skond diktat tal-ministeru konċernat? Jekk sar abbażi ta' studju, jista' il-Ministru jippubblika l-istudju jew executive summary tiegħu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ċ-ċifra ta’ 10,000 impjiegi ġodda li jeħtieġ li jinħolqu fuq medda ta’ ħames snin hi l-mira li l-Malta Enterprise qed taħdem għaliha u hi bbażata fuq statistika ta’ ċaqliq fis-suq tax-xogħol f’dawn l-aħħar snin, fejn jeħtieġ li jiġu maħluqa madwar 2,000 impjieg fis-sena. Dawn ikopru postijiet ġodda tax-xogħol li jridu jinħolqu għal dawk li qed ifittxu xogħol għall-ewwel darba, kif ukoll għal dawk l-impjegati li jeħtieġ li jinstabilhom xogħol alternattiv.
Ta’ min jinnota li l-Malta Enterprise hi responsabbli għal kull tip ta’ intrapriża bl-eċċezzjoni tat-Turizmu u s-Servizzi Finanzjarji, għaldaqstant l-impjiegi l-ġodda iridu jkunu maħluqa f’dawk l-oqsma li l-Malta Enterprise hi responabbli għalihom.
B'riferenza għas-Lm 7 miljun li l-Gvern ivvota fil-Budget sabiex jissussidja l-prezzijiet għoljin tal-prodotti ta' l-ikel li se jogħlew wara s-sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE, jista' il-Ministru jgħid kemm minnhom se jmorru biex jissussidjaw it-62,000 tunnellata ta' "Maize (corn) excluding seeds " skond " Special Temporary State Aid to Support Processors & Recognised retailers of Imported Products"?
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hu l-valur globali li se joħroġ il-Gvern Malti u kemm hu l-valur globali li se toħroġ l-EU sabiex ikun issussidjat il-prezz għoli ta' dan il-prodott?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3477, Seduta 87
B'riferenza għas-Lm7 miljun li l-Gvern ivvota fil-Budget sabiex jissussidja l-prezzijiet għoljin tal-prodotti ta' l-ikel li se jogħlew wara s-sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE, jista' il-Ministru jgħid kemm minnhom se jmorru biex jissussidjaw il-52,000 tunnellata ta' "Common wheat and meslin seed " skond "Special Temporary State Aid to Support Processors & Recognised retailers of Imported Products"?
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hu l-valur globali li se joħroġ il-Gvern Malti u kemm hu l-valur globali li se toħroġ l-EU sabiex ikun issussidjat il-prezz għoli ta' dan il-prodott ?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3477, Seduta 87
Tista' l-MFSA tagħmel investigazzjoni serja dwar stockbrokers li allegatament inkoraġġew lill-investituri Maltin biex xi żmien ilu jinvestu flushom fil-Parmalat - kif irrappurtat fil-Malta financial & business times?
Response (DALLI, JOHN)
Is-suġġeriment magħmul mill-Onorevoli Interpellant ser ngħaddih lil awtorita' kompetenti sabiex teżamina jekk hux ġustifikat li ssir tali investigazzjoni. Izda, ta' min wieħed jiftakar, li sa ftit gimgħat ilu, l-ishma u bonds tal-Grupp Parmalat kienu meqjusa internazzjonalment bħala investimenti tajbin ħafna. Apparti dan, jiena konvint illi l-Interpellant jinsab aġġornat bl-aħħar żviluppi barra minn Malta dwar Rating Agency partikolari in konnessjoni ma' dan l-istess każ.