Jista' il-Ministru jgħid jekk jaqbilx ma' dak li jsostni l-Kunsill Lokali ta' Marsaskala u r-residenti ta' Marsaskala, li l' hekk imsejħa Għassa tal-Pulizija hija waħda antika u mhux tajba għaż-żminijiet tal-lum u mhux aċċessibbli la għall-anzjani u lanqas għall-persuni bi bżonnijiet speċjali? Jaqbel ma dan, jista' jgħid jekk hux qed jittieħdu passi jew hemmx il-ħsieb li jibni Għassa tal-Pulizija ġdida f'post ċentrali f'dan il-lokal?
Response (BORG, TONIO)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant jaqbel miegħi li huwa fatt magħruf li l-bini fejn hemm l-Għassa tal-Pulizija ta` Wied il-Għajn huwa wieħed antik. Għaldaqstant kif diġa` spjegajt fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 38001, il-possibilita` illi l-Għassa tal-Pulizija ta` Wied il-Għajn tkun traslokata għal post ieħor għadha qed tkun mistħarrġa, pero` dan jiddependi fuq meta jinstab post li jkun addatat sabiex jaqdi l-ħtiġijiet aħjar mill-Għassa preżenti. Sadanittant qed ikun maħsub kif jista` jitjieb l-aċċess għal din l-Għassa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sidien tal-ħwienet li se jitwaqqgħu ġo Valley Rd, Msida humiex se jingħataw post alternattiv?Jekk iva, fejn u kemm se tkun il-kera? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-policy dwar evictees tgħoddx għalihom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-proġett tal-bini ġo Valley Road l-Imsida, ser isir mill-Awtorita` tad-Djar u għalhekk l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament huwiex se jieħu post alternattiv fejn jipparkja l-iscammels tiegħu wara li l-għalqa tteħditlu biex jitkompla l-proġett ta' l-isptar il-ġdid?
Response (BORG, TONIO)
Għalkemm kull meta tiġi esproprjata proprjeta` il-Gvern mhux obbligat jagħti post alternattiv ħlief fejn il-proprjeta` tkun waħda residenzjali, it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern tikkunsidra kull talba għal post alternattiv li ssirilha anke jekk il-proprjeta` esproprjata ma tkunx residenzjali. Kull każ iżda jiġi trattat skond il-merti u ċ-ċirkostanzi tiegħu. Fil-każ tal-persuna imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ma jidhirx li dan għamel xi talba għal post alternattiv lit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati jaħdmu fil-Ministeru tiegħu u fis-Segretarjat Parlamentari? Xi grad għandhom u x'funzjoni jaqdu? Kemm hemm on loan minn xi dipartiment ieħor? Kemm hemm bil-kuntratt? X'inhu s-salarju tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ta l-Prim Ministru għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 38415.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-applikazzjonijiet ta' l-ispetturi tal-pulizija, x'ġara mir-riżultati ta' dawn l-applikazzjonijiet u fejn jinsabu bħalissa dawn ir-riżultati? Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk il-kandidati kollha li kienu eliġibbli u dawk li ma kienux u jgħid għaliex ir-riżultati għadhom ma marrux il-PSC, meta l-interviews spiċċaw fl-10 ta' Diċembru, 2002 u meta r-regolamenti dwar il-bordijiet ta' l-għażla jgħidu li r-riżultati għandhom jintbagħtu ''as soon as possible" lill-PSC? Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jibda l-kors peress li dawn l-applikazzjonijiet ilhom li għalqu mit-2 ta' Awissu, 2002?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma naħseb japprezza l-Onoreoli Interpellant, l-operat ta` Bord ta` Għażla maħtur mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, ma jaqax taħt l-iskrutinju tal-Ministeru. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-kors ta` taħriġ jibda wara li jkun ġie ippublikat ir-riżultat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-riżultati għall-kors ta' l-ispetturi intbagħtux il-PSC u jekk iva, meta ntbagħtu? Jekk ma ntbagħtux, x'inhi r-raġuni u meta se jiftaħ il-kors l-Universita'? Peress li l-applications għall-kors ta' l-ispetturi fl-Universita' għalqu fil-15 ta' Jannar, 2003, jista' l-Ministru jgħid għaliex dan id-dewmien kollu?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 38311 f`din l-istess Seduta.
Jista' il-Ministru jara li l-pulizija li daħlu l-aħħar fis-servizz jingħataw raincoat kif suppost peress li ħafna minnhom qegħdin ibatu minn dan in-nuqqas propju issa fix-xuhur tax-Xitwa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-raincoat provduta lill-membri tal-Korp tal-Pulizija kienet qed tiġi evalwata sabiex ikun hemm titjib fil-kwalita` u sabiex tkun tinkludi safety standards bħal ma huma high visibility features kif ukoll sabiex tidentifika lill-persuna bħala Pulizija. Ninsab infurmat ukoll illi sejħa għal offerti skond dawn l-standards mistennija li toħroġ dalwaqt.
Pulizija — Proċeduri kontra s-sidien ta' Cafe' Jubilee
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proċeduri fil-Qorti kontra s-sidien ta' Cafe' Jubilee li jinsab fi Triq Santa Luċija, il-Belt minħabba inkonvenjent lir-residenti ġewx konklużi? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija hux qegħda tieħu passi meta jsirulha rapporti dwar storbju esaġerat f'ċertu ħinijiet, speċjalment matul il-lejl bħal għajjat barra tan-nies, ħoss ta' mużika għolja u tisbit tax-shutters wara s-1.00 a.m.?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent ma hemmx proċeduri kriminali mill-Pulizija pendenti quddiem il-Qorti kontra s-sidien ta` l-istabbiliment imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Madankollu is-sena li għaddiet proċeduri li inbdew mill-Pulizija kontra s-sidien tal-fond imsemmi kienu deċiżi mill-Qorti. Infurmat ukoll illi l-Pulizija tinvestiga kull rapport li jkollha u tieħu passi skond dak li jirriżulta.
Mdina — Torri li kien iservi bħala għassa tal-pulizija
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir minnu t-torri li kien jintuża mill-Kummissarju tal-Pulizija bħala l-għassa tal-pulizija uffiċjali ta' l-Imdina f'St. Publius Square, Mdina?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm il-ħsieb li fil-ġejjieni dan it-torri, li qabel kien jintuża bħala Għassa tal-Pulizija, jiġi devolut favur il-Kunsill Lokali Mdina flimkien mal-ġnien magħruf bħala Ġnien is-Sindku.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-kmamar magħluqa li hemm fl-area ta’ Couvre Porte, Birgu, jinħarġu għall kiri sabiex inħajru li jinfetħu ħwienet għat-turisti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, f`Couvre Porte, il-Birgu, hemm post wieħed biss li huwa vojt. It-Taqsima bħalissa qed tikkunsidra l-aħjar użu li jista` jsir minn din il-proprjeta` u l-proposta tal-Onorevoli Interpellant ser tiġi ukoll ikkunsidrata.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tas-sidien li l-indirizz tagħhom qed jintbagħat separatament, peress li sa minn Settembru 1976 dan il-fond intqal li kien meħtiġ għal iskop pubbliku pero’ minn dak inhar qatt ma sar xejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sidien tal-fond li dettalji tiegħu ntbagħtu separatament jiġu infurmati iktar il-quddiem bil-kumpens dovut lilhom meta d-Dipartiment ta` l-Artijiet jagħmel l-accertazzjonijiet neċessarji li juru li huma s-sidien tal-fond.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex legali li persuna li għadha ma għalqitx is-sittax (16)-il sena titħalla torganizza discos fejn jiġi servut u / jew jinbiegħ xorb alkoħoliku? Il-pulizija kellha xi rapporti li żgħażagħ taħt l-eta’ organizzaw dan it-tip ta’ avveniment f’ dawn l-aħħar tlett xhur?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond ir-Regolamenti dwar il-Liċenzji tal-Pulizija, ma għandiex tingħata liċenzja maħruġa mill-Pulizija lil dawk in-nies li ma jkunux laħqu l-eta` ta` tmintax-il sena. Infurmat ukoll illi matul dawn l-aħħar tlett xhur il-Pulizija kellha rapport wieħed, li sar reċentement, dwar disco organizzat minn żagħżagħ taħt is-sittax-il sena, liema rapport qed ikun investigat.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kein hemm magni tal-logħob illegali li nstabu mill-pulizija fl-2002? F’liema nħawi nstabu? Jista’ il-Ministru jgħid kontra kemm-il persuna ttieħdu passi fil-qorti? Kien hemm min kien riċediv?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2002, il-Pulizija qabdet 27 kaxxa tal-logħob illegali fil-lokalitajiet ta` San Ġiljan, San Ġwann, Buġibba, il-Belt, M`Xlokk, Ħaż Żabbar u M`Scala. Ninsab infurmat ukoll illi 15-il persuna tressqu l-Qorti dwar dawn l-abbużi.
Jista' il-Ministru jikkonferma li r-riżultat tal-kwalita' tal-arja inkluż it-twaqqif ta' stazzjon mobbli biex jimmoniterja l-arja kollha huma ħerġin minn studji li saru mill-ex-Dipartiment tal-Ambjent u mhux mill-MEPA kif qed jiġi reklamat? Jista' il-Ministru jinfurmani x'kien l-involviment tad-direttur il-ġdid biex saru dawn l-istudji? Għaliex kemm ilu li sar il-merger mal-MEPA ir-riżultati tal-kwalita' tal-arja mill-istazzjon mobbli huma ħżiena għax kien hemm ħsarat serji li baqgħu ma ssewwewx? Ic-Chairman tal-MEPA u d-Direttur għal-ħarsien tal-Ambjent ħadu l-passi neċessarji bien jingħataw l-attrezzi meħtieġa u l-ħsara tissewwa u ma tibqax għal aktar minn 4 xhur?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li peress li l-programm ta` monitoraġġ tal-kwalita` ta` l-arja huwa programm kontinwu ħlief f`xi studju partikolari, ir-riżultati li ħarġu u dawk li ħerġin issa saru sew mill-ex Dipartiment ta` l-Ambjent kif ukoll mill-MEPA. Id-direttur il-ġdid ta` l-Ambjent (nassumi li qed tirreferi għalih) impjenja ruħu biex jara li l-monitoraġġ isir kontinwament kif ukoll li r-riżultati ta` l-istudji jiġu kkomnikati lill-pubbliku hekk kif ir-riżultati ta` l-analiżi jkunu lesti. Il-ħsarat li kien hemm ġew imsewwija sew mill-istess uffiċjali tal-Pollution Control Unit u fejn dan ma kienx possibli, it-tiswijiet ġew riferuti lil kumpaniji speċjalizzati. Matul l-erba` xhur indikati mill-Onorevoli Interpellant il-programm ta` monitoraġġ bil-passive tubes xorta baqa` għaddej normali. Ic-Chairman tal-MEPA u d-Direttur għall-Ħarsien ta` l-Ambjent ħadu l-passi kollha neċessarji biex ma jkunx hemm waqfien fil-programm ta` monitoraġġ.
Id-Direttur ta' l-Ambjent tal-MEPA għadu kif ħabbar li f'ċerti lokalitajiet ta' Malta instab li l-livell taċ-ċomb fl-arja huma għola mill-EU standards mitluba fl-2005. Veru li l-istandards rikjesti japplikaw minn issa u li hemm margin of tollerance biss sal-2005? Veru li dawn l-istandards qegħdin f'regolamenti tal-MEPA li dawn diġa ġew fis-seħħ? Veru li dan l-istudju kien pilot study u ma jikkonformax la mad-direttiva tal-Unjoni Ewropea u lanqas mar-regolamenti tal-MEPA? Jekk il-MEPA ser tkompli żżid il-kampjuni tal-arja f'dan ir-rigward, ħareġ xi tender jew call for application biex isir it-tieni sett ta' kampjunament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li:-
Ir-riżultati tal-livell taċ-ċomb fl-arja mħabbra riċentement mill-MEPA kienu riżultati preliminari biex jiġu identifikati lokalitajiet li qed ikollhom livell ta` ċomb għoli. Numru akbar ta` kampjuni ser jittieħdu fis-sitt xhur li ġejjin biex jiġi stabbilit jekk il-petrol bla ċomb introdott riċentement ikunx fattur determinanti fil-kwalita` ta` l-arja ta` dawn il-lokalitajiet. Il-margin of tolerance jagħtik ċans li tnaqqas l-emissjonijiet tiegħek sal-limit value sa l-ewwel ta` Jannar 2005. Ir-regolamenti ta` Malta għalkemm huma diġa` fis-seħħ jagħti ċans li nniżżlu l-livelli għolja li jista` jkun hemm sal-limit value tas-sena 2005. Il-programm ikopri tnax-il xahar ta` ġbir ta` kampjuni li bil-kompletament tiegħu jiddetermina il-konċentrazzjoni ta` ċomb fl-arja fid-diversi lokalitajiet. Il-kuntratt ingħata wara sejħa għall-applikazzjoni u jkopri ġbir ta` madwar 400 kampjun. Il-kuntratt kien ingħata biex jissodisfa l-ħtiġijiet tad-Direttiva rigward il-livelli taċ-ċomb fl-arja.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk baqax xi arkata minn ta’ Xatt ir-Riżq Birgu vakanti? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinħarġu għall-kiri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern hemm mina waħda li għad ma ġietx allokata. Qed isiru investigazzjonijiet neċessarji biex jiġi stabbilit jekk il-mina in kwistjoni għandhiex tinħareġ għall-kiri bl-offerti.
Din is-sena hemm fis-seħħ regolamenti li jirridwardjaw il-livielli tal-ożonju u l-partiċelli PM 10 fl-arja speċjalment fl-abitat. Jista' il-Ministru jgħidilna kemm il-darba qabżu l-livelli tal-ożonju u PM 10 fl-arja matul dawn l-aħħar 13 il-xahar? Kemm-il ġimgħa kien hemm fejn sar moniteraġġ bl-istazzjoni mobbli u meta kien bil-ħsara jew ma joperax? Ittieħdu xi passi dixxiplinarji kontra min ma tax l-apporvazzjoni biex l-istazzjon mobbili jissewwa? Jista' il-Ministru jgħid jekk l-istazzjon mobbili għandux il-monitors jaħdmu kollha jew le? U jekk le għaliex ma ttieħdux passi urġenti biex dawn jissewwew? Kif ser jiġu mterpretati dawn ir-riżultati għas-sena 2002?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni dwar kemm-il darba nqabżu l-livelli fl-ożonju u l-PM 10 fl-arja għadhom qegħdin jiġu nterpretati u kkompilati.
L-istazzjoni mobbli ma ħadimx bejn Marzu u Lulju 2002, minħabba nuqqas ta` staff. F`Ottubru xi monitors kienu bil-ħsara u ingħatat l-ordni għal manutenzjoni. Ma kienx hemm bżonn azzjoni dixxiplinarja għax l-approvazzjoni biex l-istazzjoni mobbli issirlu mantenzjoni ingħatat. Bħalissa tlieta minn ħames monitors qegħdin jaħdmu u l-oħrajn qegħdin jiġu serviced u jkunu lesti fi żmien qasir.
Dawn ir-riżultati ser jiġu nterpretati bid-data li hemm storjata fil-computer u jinħarġu fir-rapport annwali.
Dipartiment għall-Ħarsien tal-Ambjent — Awdituri tal-Unjoni Ewropea
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 36344 fejn intqal li minħabba li l-awdituri tal-Unjoni Ewropea ma qablux ma kif ġew imħallsa l-konsulenti maltin; tant li d-dipartiment għall-Ħarsien tal-Ambjent kellu jirrifuża s-somma ta' 74,777.50 euro, jista' jgħid meta minn fejn ġiet rifuża din is-somma ta' flus? Mill-fondi li ngħataw minn Brussel taħt il-"LIFE" jew mill-Budget tad-Dipartiment li jħallas il-poplu? Min ta l-awtorizazzjoni biex titħallas din is-somma? Min kien id-direttur u l-kor-ordinatur ta' dan il-proġett? Kemm tħallsu tax-xogħol li għamlu? Għaliex dan l-Istate of the Environment Report 1994 qatt ma ssemma u qatt ma ġie ppubblikat mill-Gvern Nazzjonalista? Tista' kopja ta' dan ir-rapport titpoġġa mill-Ministru fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
L-ewwelnett ta` min jgħid li fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36344 ma ntqalx li "l-awdituri tal-Unjoni Ewropea ma qablux ma` kif ġew imħallsa l-konsulenti Maltin", iżda "l-Awdituri tal-Unjoni Ewropea ma qablux li r-rati li ġew użati biex jiġi valutat ix-xogħol ...ikunu fuq l-istess livell tar-rati li tħallsu lill-konsulenti barranin". Nerġa` ntenni li l-ebda uffiċjal pubbliku ma ħa flus bħala kumpens għal dan il-proġett.
Is-somma ta` flus in kwistjoni ġiet rifjuża fil-11 ta` Mejju 2000 u tħallset mill-flus allokati għad-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent u mhux mill-fondi li ngħataw minn Brussels taħt il-"LIFE".
L-awtorizzazzjoni biex isir dan il-ħlas ingħatat mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent wara li ġie konfermat mill-Ministeru tal-Finanzi illi l-awtorizzazzjoni tagħhom ma kienitx meħtieġa. Il-ko-ordinatur ta` dan il-proġett kien is-Sur Louis Vella, li kien ukoll id-Direttur għall-Ħarsien ta` l-Ambjent.
Skond dan il-proġett kellu jsir "An Eco-Audit and Preparation of an Environmental Action Plan". Dan ir-rapport kien baqa` dejjem bħala abbozz u għalhekk qatt ma ġie publikat.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlametnari numru 37999 u cioe' jista' il-Ministru jgħid fil-31 ta' Diċembru 2002 kemm kien hemm armi tan-nar reġistrati mal-pulizija? Jista' jagħti breakdown tat-tip ta' dawn l-armi? Kemm minn dawn l-armi huma meqjusa bħala antiki u għalhekk ma jistgħux jintużaw aktar? Kemm ġew reżġistrati għall-ewwel darba fl-2002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-31 ta` Diċembru 2002, in-numru ta` armi reġistrati mall-Pulizija li jagħqu taħt l-interpretazzjoni ta` "arma tan-nar" kif definit fl-Arms Ordinance (Chap 66) hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.