Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #27925 Sitting 563 2007-10-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Proġetti turistiċi

Question

Jista' issa l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 27289 u 27091 u 27806 u jgħid liema proġetti turistiċi hemm maħsuba din is-sena għall-inħawi ta' Buġibba, Qawra, San Pawl il-Baħar u x-Xemxija? Kull proġett meta se jinbeda, kemm se jiswa u meta se jitlesta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-proġetti turistiċi li hemm maħsuba li jibdew din is-sena għall-inħawi ta’ Buġibba, Qawra u San Pawl il-Baħar huma dawn: · Tisbiħ tat-triq tul il-baħar f’San Pawl il-Baħar 1,550,000 Euros · It-titjieb tal-bajja fil-Qawra 912,000 Euros · Faċilità edukattiva, ġnien promenade fil-Qawra relata 7,477,000 Euros mad- diving u l-patrimonju li għandna fil-baħar · L-iżvilupp tal-bajja Ix-Xtajta tal-Qawra f’San Pawl il-Baħar 2,400,000 Euros L-ewwel tnejn minn dawn il-proġetti huma proġettati li jibdew għall-bidu tas-sena 2008 u jispiċċaw qabel is-sajf 2008. It-tielet proġett jibda għall-bidu tas-sena 2008 u jieqaf qabel is-sajf 2008, ikompli wara s-sajf u jispiċċa qabel is-sajf 2009. Però, dawn huma suġġetti għall-permessi mill- MEPA, li qed jiġu pproċessati kif ukoll il-proċess tat- tender fl-isfond ta’ l-applikazzjoni għall- fondi strutturali ta’ l-UE. Fir-rigward tal-bajja qed jiġu konklużi studji xjentifiċi biex jiddeterminaw l-aħjar mudell għall-bajja biex hekk l- MTA tipproċedi l-applikazjoni mal- MEPA skond ir-riżultati ta’ dawn l-istudji. Il-proġett għandu jibda fix-xitwa 2008.

Turiżmu u Kultura — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu impjegati fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 li għandhom 'il fuq minn 61 sena, min huma, x'pożizzjonijiet għandhom u fejn qegħdin jaħdmu, humiex full jew part time, x'salarju jew x'rata jitħallsu biha u minn liema distrett elettorali jiġu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-impjegati li għandhom 'il fuq minn 61 sena matul Jannar, Frar u Marzu 2007 fil-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, dekasteru u enti tiegħu kien kif ġej: Entita' Pożizzjoni Salarju/Rata (Lm) Distrett Elettorali Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti Kap Eżekuttiv Skala 3 11 Teatru Manoel Theatre Supervisor 258.39 fix-xahar 1 Dar il-Mediterran għall-Konferenzi Security Officer 4,945 p.a. 1 Dar il-Mediterran għall-Konferenzi Electrician 4,945 p.a. 1 Awtorita’ tat-Turiżmu Konsulent 9,466 p.a. 2 Ministeru għat-Turiżmu u Kultura Communications Coordinator Skond kif indikat fil-Guidelines għall-Impjiegi f’Segretarjati Ministerjali 5 Dawn il-persuni huma kollha impjegati full time.
Leg 10 PQ #27842 Sitting 562 2007-10-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Flus iżjed mill-budget

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm flus iżjed mill-budget ivvutati minn din il-Kamra ngħatat l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Awtorita’ tat-Turiżmu ngħatat Lm1,000,000 (miljun Lira Maltin) iżjed mill-budget ivvutat mill-Kamra. Dawn il-fondi qed ikunu mgħoddija lill-Awtorita’ xahar b’xahar, skond l-eżigenzi ta’ l-istess Awtorita’.
Leg 10 PQ #27674 Sitting 561 2007-10-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kiri ta' teatri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw flus rikurrenti u kapitali separatament lit-Teatru Manoel, l-MCC u St. James Cavalier? Kemm tiswa biex tikri serata f’kull teatru?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi matul l- 2006 u l-2007, Dar il-Mediterran għall-Konferenzi ma rċievitx l-ebda sussidju kemm għan-nefqa kapitali kif ukoll għal dik rikorrenti. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija minħabba li din l-informazzjoni hija ta’ natura kummeċjali u għalhekk sensittiva, il-Bord iħoss li din m’għandiex tiġi svelata pubblikament. Lm170,000 flus rikurrenti għas-sena 2007 ingħataw lill-Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattivita’ ta’ San Ġakbu skond il-Budget għas-sena 2007. It-teatru ta’ St James Cavalier Centre for Creativity, jinkera skond it-tip ta’ serata, jekk tkunx kulturali, edukattiva u skond il-prezz tal-biljett ta' dħul. Il-prezz jista` ivarja minn Lm35 sa Lm50 u Lm100, (kollha exc VAT). Iżda jkun hemm okkażżjonijiet fejn it-teatru jinkera aktar jew jingħata b’xejn. Fir-rigward tat-Teatru Manoel, ninsab infurmat illi l-inofrmazzjoni mitluba hija kif ġej: Flus rikurrenti matul ghas- sena 2007 - Lm27,500 kull tlett xhur. Flus kapitali s'issa ghas- sena 2007 - Lm69,126 Il-prezz ta' kemm jinkera it-teatru jiddependi fuq l-attivita' li tkun ser issir fih. Ġeneralment lill- kumpaniji teatrali lokali jinkera ghall- Lm300 il-lejl pero il-prezz jista' jkun iktar jew inqas skond in-numru ta' ljieli li tkun ser tintwera il-produzzjoni.
Leg 10 PQ #27752 Sitting 561 2007-10-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Teatru Rjal — Armar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-infiq għall-armar fir-rovini tat-Teatru Rjal u l-postijiet oħra fejn sar il-Festival ta' l-Arti matul dan is-Sajf? Kemm kien l-infiq u min ħa t-tender għall-armar tad-dawl u l-ħoss? Kemm qam l-overtime globali u għal kull attivita? Kemm kien l-infiq fejn għandu x’jaqsam stampar, bħal programmi, tickets u ħwejjeġ oħra? Kemm kien l-infiq għall-pubbliċita` u kif ingħatat it- tender għall-pubbliċita'? Kif ingħatat it- tender għall-Public Relations u kemm kienet l-ispiża totali? Kemm tħallsu u min kienu d-disinnjaturi, tekniċi u organizzaturi ġenerali li ma kenux parti minn kumpanniji li organizzaw is-serati? Jista’ l-Ministru jghid ukoll kemm qamet is-sistema ta’ ticket sales u min hadimha kemm thallas? Kemm kienu s-sussidji minn entitajiet differenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #27840 Sitting 561 2007-10-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Awtorita' Maltija tat-Turiżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn Jannar sa Settembru 2007 kemm nefqet l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu? Kemm ikkommettiet ruħha li tonfoq iżda li għadha ma nefqitx?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi L-Awtorita' tat-Turiżmu ta' Malta bejn Jannar u Awwissu 2007 nefqet is-somma ta' Lm 7,882,528 li minnhom Lm 5, 818,805 intefqu fuq pubbliċita' u promozzjoni. Sa l-aħħar tas-sena l-Awtorita' ikkomettiet infieq ieħor li jammonta għal Lm 4,208,439 li minnhom Lm 2,932,196 se jkunu għal promozzjoni.
Leg 10 PQ #27841 Sitting 561 2007-10-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Media Consulta

Question

Jista' l-Ministru jgħid fhiex waslu n-negozjati mal-Media Consulta mill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu? Ġie ffirmat xi ftehim ma' din il-kumpannija Ġermaniża? Jekk iva, jista' jpoġġi kopja fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Wara li saru negozjati, l-kuntratt bejn l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta u Media Consulta wasal biex ikun konkluż u ffirmat fil-jiem li ġejjin. Minħabba raġunijiet ta’ natura kummerċjali, ma nħossx li dan il-kuntratt għandu jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #27844 Sitting 561 2007-10-09 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Bormla — Public convenience

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ini r-raġuni għaliex ma saritx public convenience fil-ġnien ġdid fi Pjazza St. Margerita, Bormla u dan meta fl-akkwata m'hemmx? Jista' jgħid jekk hux minnu li fil-pjanti oriġinali kien hemm pjanat li din issir u allura x'wassal sabiex inbidlet id-deċiżjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-proġett tar-riabilitazzjoni tal-ġnien Sta. Margerita, f’Bormla ġie mwettaq mill-Awtorita' tat-Turiżmu u l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura f’kollaborazjoni sħiħa mall- Kunsill Lokali ta’ Bormla. Nikkonferma, li la fil-pjanti oriġinali tal-Kunsill u lanqas fil-pjanti li saru mill-Awtorita' ma kien hemm pjanat li ssir public convenience f’dan il-ġnien f'dan l-istadju għalkemm saru l-kommunikazzjonijiet meħtieġa. Biss xorta waħda l-Ministeru qed jimpenja ruħu li issa issir din il-faċilita' ukoll.
Leg 10 PQ #27657 Sitting 560 2007-10-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Midsummer Nights Dream

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħadet flus il-Kumpannija Malta Amature Dramatic Company għall-kummiedja Shakesperjana “A Midsummer Nights Dream” li saret fil-Malta Summer Arts Festival ta’ din is-sena? Kemm kien in-numru ta’ seats mibjugha għal kull serata tal-Midsummer Nights Dream? Kemm kien il-qliegħ u t-telf fuq kull serata u globali? Ghaliex din is-sena x-xoghol Shakesperjan ma ġiex imtella’ fil-ġonna ta’ San Anton kif ilu jsir għexiren ta’ snin? Kemm kien hemm biljetti “complimentary” għal dan ix-show? Min ħallas l-ispejjeż ta’ dawl u ħoss għal dan ix-show, il-kumpannija jew il-Kunsill ta' l-Arti u Kultura?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ seats li nbiegħu għal Midsummer Night’s Dream kien kif ġej: Data tas-serata Numru ta’ seats Dħul (LM) Nru ta’ biljetti Complimentary 25 ta’ Lulju 2007 376 1,736 138 27 ta’ Lulju 2007 308 1,504 164 28 ta’ Lulju 2007 300 1,443 131 29 ta’ Lulju 2007 476 2,245 142 Id-dħul mill-biljetti kien jammonta għal Lm6,928 u kien kollu għall-Ministeru. Il-Ministeru ħallas is-somma globali ta’ Lm12,000 lill-produtturi għal din il-produzzjoni li b’din is-somma kellhom ikopru l-ispiża tal-produzzjoni. Il-produzzjoni ma saritx fil-Ġonna ta’ San Anton bħas-soltu fuq rikjesta tal-produtturi stess, li raw il-festival bħala opportunità ideali sabiex jwessgħu l-udjenza kemm Maltija kif ukoll barranija billi l-produzzjoni ssir parti mill-festival. Id-dawl u l-ħoss tħallas mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u kien komuni għall-attivitajiet kollha. Għal dan inħareġ tender .
Leg 10 PQ #27665 Sitting 560 2007-10-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Contemporary Art Exhibition

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-ispiża biex saret il-Contemporary Art Exhibition u kemm tħallas il-kuratur tagħha? Kemm kien tħallas il-kuratur ta’ l-esebizzjoni ta' l-arti s-sena ta’ qabel? Jista’ jghid ukoll kemm kienet l-ispiża totali tal-Brazilian Clowns li ħadu sehem fil-Festival tas-Sajf ta’ din is-sena? Kemm kienu l-ħinijiet li għamlu jiġru mat-toroq tal-Belt? Kemm kienet l-ispiża għall-American 6th Fleet Combo Band u kemm hu kkalkulat li kienet l-udjenza li attendiet? Kemm swiet is-serata The Music of Sousa and Glen Miller u kemm kienet l-attendenza? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-attendenza għall-Caroons, Teatro Proskenian u kemm kienet l-ispiża globali biex saret din is-serata, inkluż il-vjaġġi, l-lukandi u ħlasijiet oħra? Kemm kienet l-ispiża tal-Puerto Flamenco u kemm kienet l-attendenza? Kemm kien is-sussidju lil SUPA u kemm swiet is-serata Risk El Riesgo de laq Reina, u kemm kienet l-attendenza? Kemm kienet l-attendenza għall-kunċert Love is in the Air ? Kemm kienet l-udjenza għal A Dolls House u kemm kienet l-ispiża għas-serata? Kemm kienet l-ispiża biex inġabet Malta l-kumpannija teatrali Odin Theatre, inkluz spejjeż marbuta mal-biljetti ta’ l-ajru, hotels etc? Kemm kienet l-udjenza għat-tlett serati separati? X’inhi r-raguni li ma ser ebda Teatru bil-Malti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #27670 Sitting 560 2007-10-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kunċerti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali għall-Public Lecture ta’ Eugenio Barba? X’inhi r-raġuni li ma sarx il-Festival tad-Drama? Kemm sewa’ l-kunċert ta’ Enrico Dindo u Pietro De Maria u kemm kienet l-udjenza? Kemm ġiet tiswa s-serata New Adventures of the Baron Munchausen u kemm kienet l-udjenza? Kemm kellha udjenza s-serata Sayed Darwish u kemm kienet l-ispiża globali? Kemm kienu l-ispejjeż totali għall-Collectif: Contemporary Dance Performance u kemm kienet l-udjenza? Kemm ġie jiswa l-Kuncert ta’ Ricardo Muti u kemm kienu s-sussidji? Kemm kienet l-attendenza għal dan il-kunċert u kemm minnhom kienu complementary tickets ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #27673 Sitting 560 2007-10-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kunċerti — Spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi spejjeż kien hemm għall-kunċert stupend ta’ Gianni Morandi, Claudio Baglioni u Ricardo Cocciante?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Gvern Malti ħareġ madwar Lm 25,000 biex ikopri xi spejjeż tal-produzzjoni fosthom il-vjaġġi, l-lukandi u ikliet ta’ l-artisti, organizzaturi, ġurnalisti u nies involuti fil-produzzjoni. Lm 10,000 minn dawn il-Lm 25,000 ġew mill-Good Causes’ Fund. Kunċert ta’ dan il-livell normalment iġorr spejjeż li jilħqu il-Lm 150,000 (mingħajr l- artists’ fees). F’dan il-kaz il-parti l-kbira mill-ispejjeż ġew imħallsa mill- Fondazione O’Scia’ grazzi għall-ftehim li għamlet mal-Gvern Taljan. Nixtieq nirringrazzja lill- NnG Promotions Limited għas-sehem tagħhom biex inġieb dan il-kunċert f’pajjiżna.
Leg 10 PQ #27786 Sitting 560 2007-10-08 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Persuna li ser tirtira

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi drittijiet/allowances/leave hija ntitolata għalihom l-impjegata li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatment, peress li din il-persuna ser tirtira?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-persuna indikata għandha dritt għall-pensjoni tagħha. Hija ma tikkwalifikax għal pre-retirement leave jew xi allowance li jissostitwih minħabba l-fatt li hi utilizzat is-sick leave kważi kollu tagħha kull sena matul is-snin kollha li ilha fis-servizz.
Leg 10 PQ #27808 Sitting 560 2007-10-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Ħlas ta' kumpannija

Question

Jista' l-Ministru issa jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 27346 u 27135 u jgħid kif se jiġi finanzjat il-kuntratt bejn l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu u l-Media Consulta International Holding AG? Kif se jsir il-ħlas lill-kumpanija u kif se jsir marbut dan il-ħlas mar-riżultati li tikseb din il-kumpanija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Kuntratt ser jiġi ffinanzjat minn fondi pubbliċi. Saret applikazzjoni biex parti minn dawn l-ispejjeż jinħarġu mill-fondi strutturali. Din l-applikazzjoni daħlet tard u għalhekk jista’ jkun li din ma tintlaqax. F’dan il-każ l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta (l- MTA) ikollha terġa’ tapplika meta toħroġ sejħa oħra jew tkopri l-ispejjeż kollha mill-fondi li jagħtieha l-Gvern. Il-Kuntratt fih performance schedule li tispeċifika li 20% tal-ħlas annwali dovut lill-kumpanija huwa dipendenti fuq miri speċifiċi maqbulin bejn iż-żewġ naħat.
Leg 10 PQ #27554 Sitting 559 2007-10-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turisti li ħassru ż-żjara tagħhom

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi kalkoli jew stima kemm turisti ħassru ż-żjara tagħhom fil-gzejjer tagħna fix-xhur tas-sajf għax ma kienx hawn lukandi u akkomodazzjoni turistika biżżejjed għax għalqu? X'passi qed jittieħdu biex tiġi ndirizzata din il-problema?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-ammont ta’ turisti li attirajna lejn xtutna matul dan is-sajf kien fost l-ogħla li qatt żaru Malta matul dan il-perjodu. Huwa diffiċli li wieħed jipprova jistima jekk kienx hemm jew le xi turisti li ħassru ż-żjara tagħhom u għalxiex għamlu dan. Fir-rigward ta’ akkomodazzjoni, n-numru ta’ sodod ivarja minn sena għal sena hekk kif lukandi ġodda jiftħu, oħrajn jagħlqu u oħrajn ikabbru. Skond stastistika ppubblikata fis-26 ta’ Settembru mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, n-numru ta’ sodod f’Malta u Għawdex f’Lulju ta’ din is-sena kien ta’ 42,398, jiġifieri żieda ta’ 2,196 fuq l-istess xahar tas-sena l-oħra.
Leg 10 PQ #27555 Sitting 559 2007-10-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Port il-Kbir — Proġetti turistiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sehem kellu l-ministeru fit-tfassil ta' proposti ta' proġetti turistiċi fil-Port il-Kbir imħabbra mill-Ministeru ta' l-Investiment, Industrija u Informazzjoni tat-Teknoloġija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura kien ikkonsultat rigward it-tfassil tal-proġetti indikati preċiżament sabiex il-viżjoni li l-Gvern qed jipproġetta għall-Port il-Kbir tkun waħda b’enfasi qawwija fuq it-turiżmu u l-kultura.
Leg 10 PQ #27573 Sitting 559 2007-10-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Xogħol ta' kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma għamel il-ministeru matul din is-sena biex joħorġu regolamenti ġodda dwar il-kostruzzjoni u x-xogħol tal-bini li baqa' għaddej bl-addoċċ fl-aqwa ta' l-istaġun turistiku bi ħsara għat-turiżmu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-Awtorita' tat-Turiżmu ġew ikkonsultati fl-iffurmar ta' dawn ir-regolamenti.
Leg 10 PQ #27628 Sitting 559 2007-10-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Studenti barranin — Imġieba ħażina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti bejn Jannar u l-21 ta’ Settembru dwar imġieba ħażina ta’studenti barranin li kienu hawn biex jitgħallmu l-Ingliż? Jista’ jgħid jekk dawk li lmentaw kienux Maltin jew turisti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi mill-ewwel tas-sena kurrenti sal-21 ta' Settembru l-Awtorita' tat-Turiżmu rċiviet erbgħatax-ir rapport dwar imġieba ħażina ta' studenti li kienu hawn biex jitgħalmu l-Ingliż. Sitt rapporti saru minn turisti, sitt oħra minn Maltin u tnejn kienu anonimi.

Turiżmu u Kultura — Apparat energy saving

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq apparat energy saving matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu separatament u xahar b'xahar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi n-nefqa fuq apparat energy saving matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-enti li jaqgħu taħtu kienet kif ġej: Ministeru Lm117.92 f'Marzu 2007; Awtorita' tat-Turiżmu Lm25 f'Marzu 2007.