Legislature:
Category:
Reset
Active:

Belt — Koppla/Knisja tal-Ġiżwiti

Question

Peress li l-koppla tal-knisja tal-Ġiżwiti l-Belt tinsab fi stat ħażin ħafna, jista' jiġi kkunsidrat li ssir rijabilitazzjoni tagħha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-proġett tal-Knisja tal-Ġiżwiti, huwa mferrex fuq numru ta' snin. Matul l-2003 se jitlestew l-aħħar żewġ artali u se jsir r-restawr tal-kampnar. Il-koppla, li veru hi fi stat ħażin, għandha ssir fl-2004.

Tarxien — Triq Sorġiet/Triq Santu Wistin

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga x'inhi r-raġuni li l-bankina li tinsab fil-kantuniera bejn Triq is-Sorijiet u Triq Santu Wistin, f'Ħal Tarxien nofsha saret u tranġat filwaqt li l-oħra baqgħet fi stat ħażin u bżonnjuż ta' tiswija? Jista' jara li tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Membru hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali nteressat.

Victoria lines — Restawr

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol tar-restawr tal-Victoria lines? Hemm xi pjan kif se jsir dan ix-xogħol, kemm sar s'issa u meta se jispiċċa? Jekk fl-affermattiv jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-pjan?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ix-xogħol ta' restawr fuq il-Victoria Lines qiegħed fl-istadju tat-tieni fażi tal-Proġett Pilota ta' Bingmma Gap fejn bħalissa qiegħed tiġi rrestawrata medda ta' madwar 250 metru ta' ħajt li twassal minn Bingemma Gap sax-Xagħra ta' Bingemma. Saru u għadhom qegħdin isiru diversi studji bil-għan li jitfassal pjan dettaljat tax-xogħol meħtieġ. Huwa ppjanat li jibda proġett ieħor ta' restawr fuq ir-riħ ta' Ħal Għargħur. Għal dan l-iskop saret talba lid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex jiġi allokat bini antik tas-servizzi biex iservi bħala depot għall-ko-ordinazzjoni u l-immaniġġjar ta' dawn ix-xogħolijiet. Dawn ix-xogħolijiet jibdew jitwettqu hekk kif jiġu allokati r-risorsi umani meħtieġa. Minħabba esiġenzi oħra tad-Dipartiment, mhux presentament possibli li jsiru interventi fuq iżjed minn lant wieħed ta' dan il-monument storiku li fih madwar 12-il kilometru ta' ħitan.

Xogħlijiet — Imdina

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol tat-tneħħija tal-wires minn mal-ħitan fl-Imdina? Kemm intefqu flus fuq dan il-proġett s'issa? Meta se jibda x-xogħol tal-pavimentar tat-toroq, kemm se jiġi jiswa u meta hu pjanat li se jitlesta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-proġett ta' tneħħija tal-wires minn mal-ħitan ta' l-Imdina huwa miexi skond kif kien ppjanat. Ix-xogħol kollu konness mas-sistema ġdida ta' servizzi taħt l-art tlestiet kollha u għaddew il-cables u servizzi kollha. Il-fażi tal-house connections hi fil-final tagħha. Diġa bdew jitneħħew il-wires minn mal-ħitan, l-ewwel tal-Melita Cable, umbagħad tal-Maltacom u umbagħad tal-Enemalta. S'issa dan il-proġett sewa' mat-Lm380,000 u dan jinkludi s-sistema ġdida ta' pillar boxes taħt l-art. Għar-rigward tal-pavimentazzjoni propju ta' l-Imdina bħalissa qed jiġu ffinalizzati t-tenders li jridu joħorġu. Il-proġett huwa stmat li jibda fi Frar 2003, jdum mas-sentejn u jiswa' man-nofs miljun lira. Il-Proġett għar-Rijabilitazzjoni ta' l-Imdina qed jieħu ħsieb li l-proġett isir f'fażijiet sabiex ikun ta' l-anqas inkonvenjent għar-residenti u għall-pubbliku u turisti li jżuru l-Imdina.

Żieda fin-numru ta' karozzi — Mill 1996 l-hawn

Question

Kemm żdiedu n-numri ta' karozzi, vetturi, etc mikrija u jew ġodda mill-1996 l'hawn sena b'sena sal-lum fil-Ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet etc, li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-Ministeru?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

In-numru aktar ta' vetturi mikrija mill-Ministeru u d-Dipartimenti li jaqaw taħt id-dekasteru tal-Ministeru, fuq is-sena bażi ta' l-1996 huma kif murija hawn taħt: 1997 1998 1999 2000 2001 2002 -------------------------------------------------------------------------- Karozzi 14 9 2 2 8 14 Vannijiet 16 16 16 20 15 21 Iċ-ċifri murija hawn fuq jirreferu għall-medja ta' vetturi mikrija tul is-snin imsemmija. Dan għaliex in-numru ta' vetturi mikrija jvarja minn żmien għal żmien skond l-esiġenza tas-servizz. In-numru ta' karozzi, vetturi u nġenji oħra ġodda fil-Ministeru u d-Dipartimenti li jaqaw taħt id-dekasteru tal-Ministeru tul is-snin imsemmija, kienu jammontaw kif jidher hawn taħt: 1996 1997 1998 1999 2000 2001 2002 -------------------------------------------------------------------------- Karozzi 2 8 7 1 4 4 2 Vetturi w Inġenji oħra 0 4 19 24 1 3 2

Laptop Computers — Ministeri

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm lap top computers għall-użu tal-uffiċjali u mpjegati fil-Ministeru u entitajiet taħt id-dikasteru tiegħu? Jista' jgħid min qed jagħmel użu minnhom u meta nxtraw? X'mudell huma u meta u kemm inxtraw?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Sakemm ma ningħatax raġuni konvinċenti 'l għala qed tintalab din l-informazzjoni dettaljata ma nara l-ebda skop li nitlob li jinħela ħafna ħin biex tinġabar.

Paola — Triq Għajn Dwieli

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq Għajn Dwieli, Paola titnaddaf regolarment peress li dan l-aħħar daħlu ħafna ilmenti li qiegħda tiġi traskurata?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Tariffi amministrattivi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37208, jista' l-Ministru jgħid b'kemm żdiedu dawn it-tariffi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

It-tariffa għall-bennejja fil-Building Industry Consultative Council żdied minn Lm20 fl-2001 għall-Lm45 din is-sena peress li kien hemm żieda fl-ispejjes biex isir dan il-kors wara li nbidlet l-istruttura ta' l-istess kors. Rigward il-liċenzja fis-settur tal-bunkering fl-Awtorita ta' Malta dwar ir-Riżorsi, din għadha mhix deċiża, iżda t-tariffa ser tieħu in konsiderazzjoni s-servizz li l-Awtorita ser tagħti fl-amministrazzjoni ta' din il-liċenzja.

Drenaġġ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 35327 fejn il-Ministru nformani li t-tender tad-dipartiment se tiġi ppubblikata dalwaqt, jista' l-Ministru jgħidli: 1) jekk din it-tender ħarġitx; 2) meta ħarġet; u 3) meta hu maħsub li jibda x-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Iva, din it-tender ħarġet u ġiet ippublikata. Ħarġet fit-12 ta' Novembru 2002. Għalqet fis-26 ta' Novembru 2002. Issa qegħda fil-proċess ta' aġġudikazzjoni. Ix-xogħol mistenni jibda fil-bidu tas-sena li ġejja.

Bieb il-Bombi — Poster

Question

Jista' il-Ministru jgħid min kien responsabli għal-printing tal-poster kbir li twaħħal ma Bieb il-Bombi? Kemm ġie jiswa dan il-posteri?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol tal-printing tal-poster imsemmi ġie mogħti lil 'The Fotografer' tal-Fgura għas-somma globali ta' Lm7,486 wara sejħa għal offerti (tender) li saret għal dan l-iskop.

GIS

Question

Breferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 37053 jista' il-Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni li qegħdin jitħallsu ta' l-overtime? Dawn il-persuni ingħataw xi taħriġ fuq is-sistema tal-GIS jew xogħol relatat mas-sezzjoni fejn qegħdin illum, matul dawn l-aħħar erba' snin kemm Malta kif ukoll barra? Jekk fl-affermattiv, kemm ġie jiswa dan it-taħriġ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-taħriġ taż-żewġ persuni li qegħdin jaħdmu fuq is-sistema tal-GIS kien jifforma parti ntegrali tar-Raba' Protokoll Finanzjarju bejn Malta u l-Italja, u kien jinkludi kemm taħriġ f'Malta, kif ukoll taħriġ ta' ġimgħatejn ġewwa Bologna fl-Italja. L-overtime, li sar fuq xogħol li jirrigwarda s-sistema tal-GIS sar minn persuna waħda u ma nħossx li għandi nagħti l-isem ta' din il-persuna. Pero', jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq, jiena lest li ngħaddilu dan l-isem b'mod privat.

Benefiċċji u allowances

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema dipartiment u x'inhu il-grad tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? X'inhuma l-benefiċċji u l-allowances li jitħallas lil din il-persuna, inkluż l-użu tal-karozza jekk hu l-każ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-persuna msemmija jokkupa l-grad ta' Supervisor fid-Dipartiment tad-Drenaġġ. Il-ħaddiem in kwestjoni għandu dawn il-benefiċji: drainage allowance, shift allowance, extra hours tal-ħdud u l-festi kif ukoll overtime u użu ta' karozza.

Kalkara — Fortizza tar-Rinella

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil-Kamra x'xogħol ta' restawr qiegħed isir fuq il-fortizza tar-Rinella fil-Kalkara u kemm dan huwa proġettat li se jiswa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Fil-preżent mhux qed isir l-ebda xogħol ta' restawr fil-Fortizza tar-Rinella mill-Minsteru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Dan il-Ministeru kien għamel xogħol fuq is-soqfa tal-Fortizza li kien qed jiġrilhom ħsara minħabba dħul ta' ilma. Dan ix-xogħol pero' twettaq is-sena l-oħra, u sewa Lm20,000.

Manoel Island — Xogħol ta' restawr

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x-xogħol ta' restawr qiegħed isir fuq Manoel Island ai termini tal-ftehim u kemm dan huwa proġettat li se jiswa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi skond il-ftehim, il-konsorzju MIDI huwa obbligat illi jagħmel xogħlijiet ta' restawr fil-Forti Manoel hekk kif inhuma ddettaljati fil-'Heritage Studies Report', anness mal-Kuntratt bħala parti minn Skeda Nru. 14. L-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment infurmat illi l-informazzjoni rigward il-valur ta' dawn ix-xogħlijiet, tingħata f'xi seduta oħra.

Ħofor fit-Toroq

Question

Peress li fit-triq li mir-Rabat tagħti l-Mtarfa u cioe il-parti tal-bridge ta' l-Imtarfa, hemm ħofor kbar li tkisser karozza u imaġina x' periklu jikkawża lill-pedestrains, jista' l-Ministru jara li jawtorizza x-xogħlijiet immedjatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Xogħlijiet ta' Manutenzjoni

Question

Peress li fil-festi ta' l-Imnarja ma sarux ix-xogħlijiet ta' manutenzjoni fl-Lawrenti Rd, il-Buskett (Sqaq), jista' l-Ministru jara li japprova x-xogħlijiet meħtieġa sabiex it-turisti, pubbliku u residenti ta' l-inħawi jevitaw l-inkonvenjent li qed jikkawżalhom l-istat tas-sqaq?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Raħal Ġdid — Drenaġġ

Question

Jogħġbu l-Ministru jara għaliex qed inixxi d-drenaġġ mill-inspection box li hemm fil-kantuniera bejn Triq iċ-Ċimiterju u Triq it-Tarzna f' Raħal Ġdid u jara wkoll li jittieħdu dawk il-miżuri sabiex dan id-drenaġġ ma jibqax ħiereġ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ħaddiema mid-Dipartiment intbagħtu fuq il-post biex jinvestigaw u titranġa l-problema.

MIDI Project

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu kumpens u meta mistennija joħorġu minn Manoel Island, ta' Baldacchino Yacht minħabba l-MIDI project?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ta' Baldacchino Yacht ma tħallsu ebda kumpens u hu mistenni li dawn jitilqu minn Manoel Island fix-xhur li ġejjin.

Tariffi Amministrattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdiedu tariffi u fees amministrattivi f'dipartimenti/awtoritajiet/organizazzjonijiet/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fis-sena 2002? Kien hemm xi għoli fil-prezzijiet ta' xi servizzi li jagħtu dawn id-dipartimenti, awtoritajiet jew organizazzjonijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Kien hemm żidiet fit-tariffi għall-Kors għall-Bennejja fil-Building Industry Consultative Council u għal-liċenzja fis-settur tal-bunkering fl-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi.

Dipartiment tad-drenaġġ — Drainage allowance

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 37100 jista' il-Ministru jagħti l-persentaġġ ta' drainage allowance kull xahar separatament għal dawn l-aħħar erba' snin li ġie mħallas dan l-uffiċjal kif ġie mitlub fil-mistoqsija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-uffiċjal imsemmi tħallas dawn l-ammonti fi drainage allowance: Xahar 1999 2000 2001 2002 Lm Lm Lm Lm Jannar 29.81 71.06 57.73 64.71 Frar 34.78 67.63 94.86 96.23 Marzu 25.32 75.77 94.86 85.29 April 32.07 68.55 90.55 61.23 Mejju 20.26 72.16 77.62 74.36 Ġunju 90.05 119.06 90.55 87.48 Lulju NIL 72.15 77.65 83.10 Awissu 138.74 72.16 94.91 NIL Settembru 74.45 72.16 94.91 NIL Ottubru 67.68 64.94 73.34 262.43 Novembru 67.68 68.55 64.71 Diċembru 58.80 61.34 77.65