Park Nazzjonali tal-Inwadar – ġbir ta’ skart u radam
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabar skart u radam illegali fil-konfini tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar fuq inizjattiva li ħa l-Bord tal-Governanza flimkien mad-Dipartiment tat-Tindif?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa kkalkulat li fuq 15-il ġurnata ta' xogħol, wara inizzjattiva tal-Bord tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar fi ħdan il-Ministeru tiegħi u flimkien mad-Dipartiment tat-Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura, inġabru madwar 400 tunnellata skart u radam illegali li jikkonsisti f'materjal tal-kostruzzjoni, kif ukoll fi skart domestiku.
Park Nazzjonali tal-Inwadar – rimi ta’ skart u radam
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi u x’kontrolli ser jittieħdu biex jiġi kkontrollat ir-rimi ta’ skart u radam milli jibqa' jseħħ fil-konfini tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Kif forsi jaf l-Onor Interpellant jiena ħtart Bord ta’ Governanza sabiex jara li titwettaq l-istrategija tal-Gvern għal park in kwistjoni. Dan il-bord beda jaħdem u fil-fatt sal-lum twaħħlu tliet kameras CCTV li jaħdmu lejl u nhar u joperaw b'sistema ta' iffukar 360 degrees. Il-ħsieb huwa li fil-futur jitwaħħlu iktar minn dawn il-cameras ta’ sorveljanza sabiex jiġi mrażżan ir-rimi ta' skart u radam u jinqabdu dawk li jiksru l-liġi. Il-ħsieb huwa wkoll li jkunu impjegati numru ta’ ħaddiema sabiex jissorveljaw il-konfini tal-park. Barra minn hekk permezz tal-media diġitali u ta’ tabelli mifruxin fuq il-post il-viżitaturi tal-park ser ikunu mgħarrfa dwar il-preġji naturali u storiċi li fiħ il-park, apparti li dawn ser iservu wkoll sabiex il-pubbliku jkun imfakkar dwar il-protezzjoni legali li għandu bħala park nazzjonali.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Spejjeż ta’ mobile phones u fuel għall-karozzi
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi spejjeż saru minn uffiċjali fil-ministeru tiegħu ta' mobile phones u fuel għall-karozzi tiegħu matul ix-xhur minn April 2013 sa Diċembru 2016?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ispiża ta mobile phones u fuel għall-karozzi mill-uffiċjali tal-MSDEC matul ix-xhur April 2013 sa Diċembru 2016 kien ta’ ftit aktar min €600,000. Din il-figura tkopri d-dipartimenti u taqsmiet li jappartjenu, fost l-oħrajn lill-oqsma tal-iżvillupp rurali, s-sajd, il-ħarsien tal-annimali, regolazzjoni veterijana u s-saħħa tal-pjanti.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 30790, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se jkun hemm xogħol strutturali fuq it-tined tal-istess Pitkalija, u faċilitajiet oħra fl-istess Pitkalija? X’kien ix-xogħol li sar f'dan il-post minn Marzu 2013 sal-lum, u kemm sewa, f'kull każ?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li matul din is-sena ser isiru xogħlijiet fuq it-tined tal-pitkalija u għal dan il-għan, bħalissa qed tigi ppreparata s-sejħa għall-offerti.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni ta’ proġetti lesti u oħrajn li hemm ippjanati għal din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid x'tipi ta' bebbux edibbli jitħalla jidħol f'Malta? Jista’ jikkonferma jekk il-Helix Muller Aspersa snail jiffurmax parti minn din il-lista? Jista’ jgħid jekk hawnx interess fl-isnail farming hawn Malta? Jista’ jgħid jekk il-Helix Muller Aspersa snail qegħedx jitkabbar diġà hawn Malta jew inkella hemmx interess li jibda jitkabbar hawn Malta?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma l-Onor Interpellant li tal-Awtoritá għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tikkontrolla kwalunkwe importazzjoni ta’ annimali jew partijiet minnhom permezz ta’ awtorizzazzjonijiet għad-dħul mid-dwana. Il-bebbux li jistgħu jiddaħħlu f’Malta huma dawk li ma jinsabux imniżżla bħala speċi protetti taħt liġijiet nazzjonali u internazzjonali. Bebbux ikkunsidrat bħala speċi invażiva, u li allura jagħmel ħsara lill-bebbux ta’ Malta, l-ambjent u l-biedja huwa ukoll mhux permess li jitħalla jidħol f’Malta.
Il-bebbuxu msemmi fil-mistoqsija Parlamentari huwa dak imsejjaħ bħala l-bebbuxu l-komuni, magħruf ukoll bħala l-għakrux, bl-ismijiet xjentifiċi ta’
Cantareus aspersum
jew
Helix aspersa
. Dan jikber fis-selvaġġ u diġà jittiekel.
Minn mindu ġiet fis-seħħ l-ERA, l-Awtorità irċeviet applikazzjoni waħda għall-importazzjoni ta’ bebbux (l-għakrux, Helix aspersa) li joriġinaw mill-Unjoni Ewropea, għat-tkabbir tagħhom ġewwa Malta, u għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea. Il-permess NP 0037/16 ġie approvat għall-validità ta’ sena sa Settembru tal-2017 b’kundizzjoni li l-bebbux imrobbi ma jitħalliex jaħrab fis-selvaġġ.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet huma mistennija li jsiru fil-Pitkalija ta’ Ta’ Qali u li għalihom hemm diġà permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA), u li huma mistennija li jinbdew din is-sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li xogħlijiet li mistennija jsiru fil-Pitkalija Ta'Qali jinkludu l-għoti ta' tarmac madwar il-perimetru u t-toroq ta' ġewwa l-Pitkalija. Is-sejħa għall-offerti diġa’ saret u x-xogħol mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'livelli ta' rwejjaħ qed jiġu rrekordjati mill-ministeru għal dak li jikkonċerna l-miżbla tal-Magħtab?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li s-siti tal-Wasteserv fiż-żona tal-Magħtab huma suġġetti għall-permessi ambjentali li jobbligaw lill-WasteServ Malta Ltd li żżomm Odour Monitoring Log regolari kemm fuq is-siti tagħha fil-Magħtab, kif ukoll fil-madwar immedjat. Dan il-Log jieħu inkonsiderazzjoni l-kundizzjonijiet atmosferiċi li jistgħu jagħmlu mpatt fuq l-intensita’ u t-tip ta’ riħa li tiġi ġġenerata mis-siti tal-WasteServ fil-lokalita’ tal-Magħtab. Ir-records ta’ Jannar 2017 jindikaw li filwaqt li kien hemm livell għoli ta’ riħa gol-kumpless tal-WasteServ innifsu, kif mistenni minħabba n-natura tal-operat li jsir fil-lok, ġie rreġistrat livell baxx ta’ riħa fiż-żona ta’ Triq il-Kosta, għajr għal okkażjoni waħda, filwaqt li ma ġiet irreġistrata l-ebda riħa fiż–żona ta’ Baħar iċ-Ċagħaq.
Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet li jinħtieġu rapport/sottomissjonijiet mill-ERA
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) li għalihom kien meħtieġ rapport/sottomissjonijiet mill-Awtorita' tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), minn meta twaqqfu? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati, u kemm ġew rifjutati? Fejn kienu l-każi li ġew approvati fejn jikkonċerna l-ERA u fejn kienu dawk li ġew rakkomandati għal refusal?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Segretarjat Privat – Safar
Question
Jista’ l-Ministru jindika, għal kull membru tas-Segretarjat tiegħu, l-ispejjeż ta’ vvjaġġar, id-destinazzjonijiet u r-raġunijiet għal tali vvjaġġar mill-2014 ‘l hawn?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Billi l-Ministru, waqt laqgħa ma’ diversi NGOs fejn qassam ukoll xi flus għall-proġetti li se jieħdu ħsiebhom l-istess għaqdiet ambjentali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'se jkunu dawn il proġetti li se jwettqu dawn l-istess għaqdiet? Xi proġetti oħra se jitwettqu mal-kunsilli lokali kif imħabbar waqt l-istess okkażjoni?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proġetti li se jwettqu l-għaqdiet ambjentali u li qed ikunu ffinanzjati mill-Iskema tal-Fond Ambjentali tal-Gvern huma:
Din l-Art Ħelwa li ser jaħdmu fuq proġett sabiex jirabilitaw u jirrestawraw il-foss li hemm madwar it-Torri l-Abjad fil-Mellieħa. Ser ikunu qed jneħħu il-ġebel li akkumula u mela l-foss, u jirranġaw il-ħitan tal-foss sabiex ikun hemm aċċess aħjar għal dan it-torri u sabiex isaħħu l-valur ambjentali, storiku u kulturali tas-sit kollu.
Flimkien Ghal Ambjent Ahjar ser jaħdmu fuq progett ’Seeding the City’ fejn ser jippromwovu spazji ħodor għall-għajxien aktar sostenibbli. Dan ser ikun proġett pilota fejn ser jistudjaw l-aħjar mod għal vertical gardening bl-użu ta oġġetti riċiklati. Ser ikunu qed jintroduċu wkoll il-kunċett ta vertical urban gardens.
Nature Trust ser jaħdmu fuq proġett sabiex itejbu it-trattament ta fkieren tal-baħar li jiġu salvati u jinstabu li jkunu belgħu snanar. B’dan il-proġett ser ikunu qed jixtru endoscope li jgħin meta joperaw fuq il-fkieren tal-baħar sabiex ikollhom anqas riskju ta’ kontaminazzjoni u jfiequ aktar malajr.
Friends of the Earth ser jahdmu fuq proġett ‘Enhancing wellbeing – therapy through nature: training and eco-therapy activities’. B’dan il-proġett ser ikunu qed jagħqdu issues ambjentali ma’ dawk soċjali. Ser jaħdmu fuq nature therapy f’komunita’ li tissapportja klijenti bi problemi fiżiċi u mentali. Ser jieħdu ħsieb ukoll il-manutenzjoni ta ġnien sostenibbli.
Genista Foundation ser jaħdmu fuq proġett ta’ konservazzjoni u rijabilitazzjoni tar-Rinella Biodiversity Park. Ser jaħdmu biex jirestawraw u jipproteġu il-wirt naturali fil-wied tar-Rinella billi jagħmlu clean-up biex jitnaddaf is-sit. Ser iħawlu wkoll siġar jew arbuxelli indiġeni fis-sit. Ser iwaħħlu wkoll pannelli fotovoltajċi fuq iċ-ċentru ta’ taħrig li hemm fis-sit. Dan kollu ser iwassal għal spazju miftuh ghar-rikreazzjoni tal-pubbliku.
Sustainable Built Environment Malta ser jagħmlu survey relatat mal-gassijiet serra. Ser ikunu qed jevalwaw azzjonijiet li jistghu jittieħdu sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Dan is-survey ser ikun miftuh għall-stakeholders li huma involuti fil-produzzjoni ta’ materjali li jintużaw għall-bini, stakeholders involuti fid-diżinjar ta’ binjiet, fl-infrastruttura, fost oħrajn.
Heritage Parks Foundation ser jaħdmu fuq proġett biex titwaqqaf nursery għall-propogazzjoni ta’ flora selvaġġi indiġeni, xiri ta’ pjanti u tagħmir u restawr ta’ binja biex jaħżnu t-tagħmir. Dawn il-pjanti ser jiġu mħawwla fil-Park tal-Majjistral. Dan kollu ser iwassal għall-esperjenza edukattiva għall-vizitaturi tal-Park, kif ukoll biex itejbu is-sit u jirrabilitaw partijiet tal-Park li huma degradati.
Greenhouse Malta ser jahdmu fuq progett ‘Wild for Orchids’. Ser ikunu qed jahdmu biex jikonservaw l-orkidej f’Malta billi jiġbru informazzjoni xjentifika kif għandhom jiġu kkonservati, u billi jħarrgu lill-pubbliku u jinkorraġġuhom biex jinvolvu ruħhom f’dan il-proġett. Ser issir kompetizzjoni artistika u workshops fuq dan is-suġġett. Fl-aħħar tal-proġett ser joħorġu ktieb dwar l-Orkidej ta’ Malta.
Proġetti ambjentali li se jitwettqu ma’ kunsilli lokali huma dawk ta’ tħaddir tal-komunitajiet permezz ta’ tħawwil ta’ siġar u arbuxelli, fejn wara li fl-aħħar sentejn saru proġetti ta’ din in-natura fi ħmistax-il lokalita’ f’Malta u f’Għawdex, issa qed jiġi ppjanat li aktar lokalitajiet jibbenefikaw minn proġetti simili.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-pożizzjoni Ewropea għal dak li jikkonċerna l-użu tal-glysophate? Jista' jagħti tagħrif dwar x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar dan?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proposta oriġinali tal-Kummisjoni Ewropea fuq dan is-suġġett kienet biex jiġi estiż il-permess tal-glyphosate għall-hmistax-il sena. Din il-proposta kienet ġiet diskussa fl-iStanding Committee tal-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fih ir-rappreżentant ta’ Malta hija l-Awtorita’ tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni. Wara dawn id-diskussjonijiet il-Kummissjoni Ewropea irrevediet il-proposta. Din kienet tinkludi estenzjoni ta’ 9 snin u kienet tirreferi espliċitament għall-evalwazzjoni karċinoġenika min-naħa tal-Agenzija Ewropea tal-Kimika fuq din is-sustanza kif ukoll tirreferi fuq l-evalwazzjoni tal-użu ta’ din is-sustanza minn non-professional users. Peress li l-anqas din il-proposta riveduta ma ntlaqet tajjeb mill-maġġoranza tar-rappreżentanti fl-iStanding Committee, il-Kummissjoni Ewropea ssuġġeriet li l-permess jiġi estiż sa Diċembru 2017 jew sakemm ikollha l-opinjoni tal-Agenzija Ewropea tal-Kimika skont liema tiġi l-ewwel.
F’dan ir-rigward, Malta kienet ivvutat kontra din l-proposta a bażi tal-prinċipju prekawzjonali.
Wara l-proċess ta’ votazzjoni kemm fl-iStanding Committee kif ukoll fl-Appeals Committee, il-Kummisjoni Ewropea harġet Deċiżjoni biex testendi l-permess tal-glyphosate sa l-aħħar ta’ Dicembru 2017 jew sakemm toħroġ l-opinjoni tal-Agenzija Ewropea tal-Kimika skont liema tiġi l-ewwel. Fl-stess Deċiżjoni il-Kummissjoni Ewropea harget dawn il-kundizzjonijiet:
- Projbizzjoni tal-uzu tal-
co-formulant
POE-tallowamine imħallat mal-Glyphosate fi prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti peress li nstab li dan il-
co-formulant
jaffettwa is-saħħa tal-bniedem
- Tħeġġiġ tal-iStati Membri biex jagħmlu restrizzjonijiet tal-użu ta’ prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-glyphosate sabiex jitnaqqas l-użu fi spazji pubbliċi u l-użu fi stadju
pre-harvest
Wara dan kollu, Malta bdiet timplimenta d-Deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea u pprojbixxiet l-użu ta’ certu prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom glyphosate u POE-tallowamine inkluż il-prodotti Hopper Blu, Round Up, RoundUp Max u Seccherba Respect. Sadanittant, qed nikkonsidraw liema restrizzjonijiet jistgħu jiġu kkontemplati biex nirrestrinġu mill-ispazji pubbliċi l-użu ta’ prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-glyphosate.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — persuni li m’għadhomx fis-Segretarjat
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ dawk il-persuni li għal xi raġuni jew oħra m’għadhomx jaħdmu fis-Segretarjat minn April 2013?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li minn meta nħtart Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima sal-lum, ma kien l-ebda uffiċjal li telaq mis-Segretarjat tiegħi.
Siġar taż-Żebbuġ – il-marda magħrufa bħala Xylella Fastidiosa
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jieħu passi tanġibbli biex ma jħallix il-marda qerrieda li qed taħkem is-siġar taż-żebbuġ fl-Italja magħrufa bħala Xylella Fastidiosa tidħol f'Malta mas-siġar u l-pjanti li qed jiġu importati? U jekk qed jittieħdu dawn il-passi, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-miżuri li qed jittieħdu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari 24266 tat-3 ta’ Mejju, 2016. Id- Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qed jimxi mar-regoli maħruġa taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE “Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2015/789 UE tat-18 ta’ Mejju 2015 u l-ammendi tagħha, dwar miżuri biex jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-batterju Xylella fastidiosa (Well u Raju) ġewwa l-pajjizi tal-UE. F’dan ir-rigward ġie mħejji Abbozz ta’ Avviż Legali “Kontroll tal-Xylella fastidiosa (Wells et al.) Regolamenti, 2016” li wara li saret konsultazzjoni pubblika għalih, dan l-abbozz issa qiegħed fi stadju finali qabel jiġi ppublikat.
It-Taqsima tas-Sorvelljanza u l-Infurzar fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti tagħmel spezzjonijiet regolari fuq konsenji ta’ pjanti li ġejjin minn pajjiżi tal-UE fejn jinstab dan il-batterju, u jittieħdu kampjuni każwali ta’ pjanti li jidħlu Malta sabiex jiġu ttestjati għal dan l-organiżmu ta’ ħsara. Isiru wkoll spezzjonijiet fil-portijiet fejn jidħlu l-Catamaran u l-Grimaldi Ferries.
Entitajiet u ndividwi li huma rreġistrati fil-Malta Official Register huma obligati li jiddikjaraw kull kummerċ tax-xtieli għat-taħwil li jsir fil-gżejjer Maltin skont l-Att ta’ Kwarantina tal-Pjanti, 2001 lid-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qabel ma jasal il-materjal, skont ir-Regolament 7 (2) tal-Leġizlazzjoni Sussidjarja 449.43. Ta’ min jgħid li dan ir-regolament jistipula li negozjant għandu jgħarraf lil dan l-imsemmi Direttorat dwar konsenji ta’ pjanti u li n-notifiki għandhom jingħataw lill-awtorita’ rilevanti 28 siegħa qabel ma’ l-konsenja tasal f’Malta jew qabel ma tiġi sottomessa d-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni. Permezz ta’ din in-notifika, id-Direttorat ikun f’ pożizzjoni li jispezzjona u jiġbor kampjuni qabel mal-materjal jidħol fis-suq.
Apparti minn hekk, id-Direttorat embarka fuq kampajna ta’ tagħrif u edukazzjoni, propju mmirata għall-vjaġġaturi biex meta jivjaġġaw ma jgibux lura magħhom pjanti jew xi materjal ta’ pjanti. F’dan ir-rigward sar u għadu qed isir riklamar fid-Departures Lounge fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dan id-Direttorat ipproduċa wkoll żewġ filmati li ntwerew fuq stazzjonijiet lokali ewlenin. Dawn il-filmati li ġew tradotti bl-Ingliż ntwerew ukoll fis-swali lokali taċ-ċinema. Sar ukoll riklamar fuq gazzetti online, billboards, fuq il-midja soċjali Facebook, ġew stampati fuljetti informattivi, u saret ukoll kitba ta’ artikli, saru preżentazzjonijiet waqt laqgħat u parteċipazzjoni fuq programm segwit tat-televizjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi wara l-mistoqsija parlamentari 28618 dwar ir-rilokazzjoni tal-irziezet in kwistjoni?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sussegwentament id-deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Appell (Sede Inferjuri), il-permess outlinereġa' mar quddiem it-Tribunal ta' Revizjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar għall-kunsiderazzjonijiet ulterjuri skont kif ġie ordnat mill-istess Qorti tal-Appell. Il-każ diġa' qed jinstema' quddiem l-imsemmi tribunal.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — person of trust u position of trust
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29921 u jgħid kemm-il person of trust u position of trust, elenkati separatament hemm fil-Ministeru tiegħu sal-jum li fih tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima hemm tnax-il (12) persuna f’position of trust u tlieta u ħamsin (53) person of trust. Ma’ dawn hemm inkluż dawk li ġew ingaġġati għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew.
Skema biex jiġi riċiklat plastik permezz ta’ magni
Question
Billi l-Ministru ta' qabel kien ta indikazzjoni li l-gvern kien qed ifassal skema li permezz tagħha jkun jista' jiġi riċiklat plastik permezz ta' magni li imbagħad jagħtu xi forma ta' vouchers li jħajru n-nies jiddisponu mill-plastik tagħhom, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslet din l-inizjattiva?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li din l-inizjattiva waslet f’fażi avvanzata ħafna u qegħdin jiġu ffinalizzati d-dokumenti ta’ konsultazzjoni.
Billi fir-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 5800 u 5990, kien ingħad li ser toħroġ sejħa pubbliku dwar biċċerija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm dwar dan is-suġġett?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li espressjoni t'interess għall-iżvilupp u mmaniġġar ta’ biċċerija għall-qatla tal-fniek kienet ġiet ippubblikata f’Ġunju 2014 u għaqlet nhar nhar it-18 ta’ Lulju 2014. Kien hemm sottomissjoni waħda. Sussegwentament, a bażi tal-informazzjoni li nġabret minn dik is-sejħa, id-Dipartiment tal-Artijiet kien ħareġ sejħa għall-offerti. Informazzjoni dwar din is-sejħa tista’ tintalab mill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Segretarjat Privat - lista aġġornata
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista aġġornata tal-membri tas-Segretarjat Privat tiegħu u s-salarji rispettivi tagħhom?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarjat Privat tiegħi huwa stabbilit fil-parametri li jipprovdi għalihom id-dokument Engagement of Staff for Ministers’ Secretariat li kopja tiegħu diġa' tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.