Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kont tad-dawl u l-ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema rigward il-kont tad-dawl u l-ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ARMS għamlet kuntatt mal-klijent u spjegat il-kont b’mod dettaljat, u l-klijent fehem li ma kien hemm l-ebda problema fil-mod kif inħareġ il-kont.

Enemalta — ħlas għal konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 966 u jgħid il-Korporazzoni Enemalta kemm ħallset jew se tkun mitluba tħallas għall-konsulenzi legali u pariri legali mogħtija mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum? Min hija jew huma d-ditti legali li qed jipprovdu tali servizzi legali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-ilma — xogħlijiet lill-kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħolijiet ingħataw il-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2008 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid ix-xogħol fiex kien jikkonsisti u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma, l-ARMS Ltd, l-MRA u l-Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni ta’ l-Ilma ma taw l-ebda xogħol lill-kumpaniji li ICON u MUOVO. Filwaqt li l-Korporazzjoni Enemalta tat Direct Order lill-Kumpanija MUOVA fis-sena 2010 biex tiġi ingaġġata persuna fil-grad ta’ Integrated Solutions Manager. Il-ħlas għal dan ix-xogħol kien ta’ €5,192 (ħamest elef, mija u tnejn u disgħin ewro).

Impjant ta’ Delimara – karatteristika tal-gass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-impjant ta’ Delimara l-gass hux ħa jkun imħallat b’markers magħrufin bħala mercaptan biex jagħtu riħa karatteristika lill-gass, ħalli l-leaks jintgħarfu mill-ewwel bħalma jsir fil-gass tad-djar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant il-ġdid tal-gass se jkollu l-ogħla livelli ta’ miżuri ta’ ħarsien tas-saħħa u sigurta’, fosthom ‘gas detectors’ li se jkunu installati f’kull parti tal-impjant. Normalment, f’impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tal-gass jew faċilitajiet industrijali oħrajn li jużaw il-gass, ma jużawx ‘olfactory markers’ għaliex il-miżuri ta’ ħarsien tas-saħħa u sigurta’ li jintużaw ikunu biżżejjed biex f’każ ta’ ‘leak’, jiġi ddentifikat mill-ewwel u jiġi protett l-impjant. Madankollu, fl-impjant il-ġdid, hemm pjanijiet biex xorta waħda jintużaw ‘olfactory markers’ bħala prekwazjoni addizzjonali, biex l-impjant ikun dejjem aktar sikur.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — ingaġġ ta' ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fil-Ministeru u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-8 ta’ Marzu 2013? Jista’ jipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità, u xahar b’xahar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi ppreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra. F’dan il-perijodu ta’ qabel l-elezzjoni ġew impjegati total ta’ 84 (erbgħa u tmenin) ħaddiem. Barra minn hekk minn Jannar 2012 sa Jannar 2013 kien hemm 43 (tlieta u erbgħin) ħaddiem ieħor tal-Enemalta li ngħataw kuntratt indefinit minn definit.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjon tal-Ilma — top management position

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7500, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw kariga marbuta mal-ogħla skali fis-servizz pubbliku (skali wieħed sa ħamsa) u fl-entitajiet pubbliċi (skali ekwivalenti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marzu s’issa? Jista’ jipprovdi l-ismijiet ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Kont tad-dawl u l-ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-kont tal-individwu li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament jiġi rivedut peress li jidher li hemm żball?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ARMS għamlet kuntatt mal-klijenta fejn din ġiet infurmata li l-każ tagħha qed jiġi investigat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, permezz ta’ spezzjoni li se ssir fuq il-post sabiex jiġi determinat jekk il-meter tal-ilma huwiex jiffunzjona kif suppost u jekk il-qari li qed jinħareġ minnu huwiex korrett. Sussegwentament wara li tkun saret l-ispezzjoni, jekk ikun hemm bżonn ta’ xi reviżjoni, din ser issir hekk kif ikun meħtieġ minn dak li jkun irriżulta.

Enemalta — ħlas għal konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 966 u jgħid il-Korporazzoni Enemalta kemm ħallset jew se tkun mitluba tħallas għall-konsulenzi legali u pariri legali mogħtija mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum? Min hija jew huma d-ditti legali li qed jipprovdu tali servizzi legali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Enemalta – elettriku ġġenerat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm lill-Korporazzjoni Enemalta fil-preżent jiġiha l-prezz biex tiġġenera u tiddistribwixxi unit ta’ elettriku ġġenerat mill-impjant ta’ Delimara? Jista’ jgħid kemm hu l-prezz li bih jiġi mibjugħ kull unit?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' ideat u proġetti ġodda li se jitressqu mill-aġenziji, l-awtoritajiet, l-azjendi u l-kumpaniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jitwettqu minn fondi Ewropej?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jekk jgħoġobha tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Investigazzjoni fuq bozoz mitfija

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4290 u 4292, jista’ l-Ministru jgħid x’ħareġ mill-investigazzjoni li kienet saret, u li għamel referenza għaliha fl-istess żewġ tweġibiet?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul dawn l-aħħar xhur ġew installati sitt arbli fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Membru. Il-provvista għal dawn il-lampi kienet ġejja minn linja li tgħaddi minn Campra Lane fejn is-siġar kibru mal-linji u kienu qed jikkawżaw ħsarat fil-linja. Għaldaqstant partijiet minn din il-linja kellhom jiġu trasferiti fuq arbli ġodda. Minn meta sar dan ix-xogħol apparti li l-ħaddiema tal-Korporazzjoni iċċekkjaw li l-lampi kienu mixgħula, il-Korporazzjoni Enemalta ma rċeviet l-ebda rapport ieħor fuqhom. Fadal madwar 150m ta’ linji oħra x’jiġu trasferiti għal fuq arbli oħra bl-istess mod u b’hekk huwa maħsub li l-problema tissolva għal kollox.

Problema ta’ three phase main – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li ilha li applikat biex tneħħi il-main tat-three-phase?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm dewmien minħabba li l-applikazzjoni ma kenitx kompluta min-naħa tal-klijenta. Għaldaqstant fil-ġranet li ġejjin il-Korporazzjoni Enemalta se tieħu l-passi meħtieġa biex ikun jista’ jinqala’ l-meter.

Arms Ltd – ċentri ta’ customer care

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ċentru ta’ customer care hawn tal-ARMS? Hemm xi pjanijiet sabiex dawn jiġu estiżi f’lokalitajiet ċentrali kemm fin-naħa ta’ fuq, kif ukoll fin-naħa t`isfel ta’ Malta sabiex il-pubbliku jinqeda aħjar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li apparti l-uffiċini li l-ARMS Ltd diġà għandha ġewwa Blata l-Bajda u Għawdex, qed tikkonsidra ukoll li topera minn fergħat oħra f’lokalitajiet differenti.

San Pawl il-Baħar – Tal-Veccia — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kien ix-xogħol li sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’Tal-Veccia, Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar? Meta sar dan l-istess xogħol u kemm sewa? Meta tlesta u x'passi ttieħdu biex ma jitħalliex periklu fl-istess triq wara li reġgħet infetħet għat-traffiku? Kemm sewa l-istess xogħol?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħolijiet imsemmija kienu jinkludu tiswijiet fuq is-sistema ta’ drenaġġ li damu minn nhar l-Erbgħa 29 ta’ Jannar sal-Ġimgħa 31 ta’ Jannar. Temporanjament il-wiċċ tat-triq qiegħed jiġi mantenut sakemm isir ix-xogħol b’mod permanenti mill-aktar fis possibli.

San Pawl il-Baħar – Tal-Veccia – trasport pubbliku

Question

B'referenza għax-xogħol li sar f’Tal-Veccia, Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'arranġamenti saru għal dak li jirrigwarda t-trasport pubbliku mix-Xemxija lejn San Pawl il-Baħar u viċe versa? Min ipprovda t-trasport u kemm ġie jiswa?Kemm dam jingħata dan is-servizz temporanju?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ikkomunikat ma’ Transport Malta, li għamlet arranġamenti neċessarji għat-trasport pubbliku tal-inħawi.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — top Management position

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw top management positions fid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marza s’issa? Jista’ jipprovdi lista ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal-liema management positions qed jagħmel referenza għalihom.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — lista ta' direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7054 u jagħti, sena b’sena, lista kollha ta’ direct orders li ngħataw mill-Ministeru, inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, minn Settembru 1998 sat-8 ta’ Marzu 2013?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Milord — bozza

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7273, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif mitlub fid-domanda u ċioè meta saret it-talba għal din il-bozza, u meta hu mistenni li l-istess bozza titwaħħal? Minbarra hekk, billi fir-risposta hemm indikat li l-bozza ġiet approvata mill-Korporazzjoni Enemalta, jista’ jagħti tagħrif dwar meta din il-bozza ġiet approvata mill-istess Enemalta? Jista’ jinforma lill-Kamra meta l-Enemalta infurmat lill-kunsill bl-approvazzjoni tal-istess bozza? Kemm normalment iddum bozza biex tiġi mwaħħla wara li tkun approvata mill-Enemalta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kien għamel it-talba għal din il-lampa fit-13 ta’ Mejju 2013. Din il-lampa ġiet approvata mill-Korporazzjoni Enemalta fit-22 ta’ Jannar 2014.

Enemalta – spezzjoni tal-arbli

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kull kemm żmien ikun hemm spezzjoni tal-arbli tal-Korporazzjoni Enemalta għal dak li jikkonċerna ħsarat fil-bażi tagħhom fejn dawn imissu mal-art? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk dawn l-istess arbli humiex inxurjati għal dawk li jistgħu jkunu ħsarat jekk dawn l-arbli jinqasmu u jagħmlu ħsara fuq proprjetà ta’ terzi, jew inkella jħallu wkoll xi vittmi minħabba li jaqgħu fuq persuni li jistgħu jkunu għaddejja mill-istess inħawi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li l-arbli li tuża l-Korporazzjoni (ħlief dawk li qegħdin jinbidlu) huma tal-azzar iggalvanizzat, dawn huma meqjusa ‘maintenance free’. Qabel ma jkunu se jitqabbdu xi linji mal-arbli li jkunu propjeta ta’ l-Enemalta, dawn l-arbli jiġu spezzjonati biex jiġi assigurat li dawn jkunu fi stat tajjeb. Il-Korporazzjoni Enemalta hija koperta bil-‘Public and Products Insurance Policy’.

Kont tad-Dawl – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għadu kif ħallas €9,000 kont tad-dawl u għad jonqsu jagħti €7,000 oħra, u qed jitolbuh biex iħallas il-kumplament inkella tinqatagħlu l-provvista tad-dawl?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-każ ġie investigat u nstab li f’Novembru 2013 l-ARMS Ltd baġħtet ittra fejn infurmat lill-klijent li kellu xi pendenzi magħha. F’Novembru 2013 sar ftehim bil-miktub li l-kumplament tal-ammont dovut kellu jitħallas f’rati mensili. Dan il-ftehim ma ġiex onorat u għalhekk intbagħtet notifika oħra, fejn il-klijent ġie mitlub sabiex iħallas l-ammont dovut.