Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Minn Settembru, 1998 sa Frar, 1999 separatament: 1) jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies jaħdmu meta kienu wkoll qed jirreġistraw għax-xogħol? Fl-istess żmien, kemm inqabdu barranin jaħdmu Malta meta dawn ma kellhomx permess ta' xogħol? 2) X'kien ix-xogħol li kienu qed jagħmlu? Fil-każ ta' (1) x'passi ttieħdu? Fil-każ ta' (2) x'passi ttieħdu kontra l-barranin u kontra dawk li mpjegawhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 27.4.99

Impjiegi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' persuni li huma reġistrati li jaħdmu biss bħala part-time? Kemm minnhom huma nisa? Kemm hemm persuni li minbarra x-xogħol prinċipali tagħhom jagħmlu wkoll xogħol part-time?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-Numru ta' persuni li kienu reġistrati li jaħdmu biss bħala part-time fl-aħħar ta' Jannar 1999 kien ta' 13,756. Minn dawn 8,404 kienu nisa. Kien hemm ukoll 16,323 persuna li minbarra x-xogħol prinċipali tagħhom kienu jagħmlu wkoll part-time. 27.4.99

Djar — Allokazzjoni ta' dar

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-każ ta' housing soċjali tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jaf il-Ministru bir-rapporti li saru mill-pulizija u mill-perit tal-Works Department dwar il-periklu imminenti li hemm?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-persuna ndikata m'għandha l-ebda applikazzjoni mad-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali. 27.4.99

Sigurta' Soċjali — Għajnuna għall-mard

Question

Jaf il-Ministru b'każ ta' familja li applikat għall-għajnuna tal-mard, minħabba li r-raġel (il-breadwinner) marad serjament tant li miet, u din l-għajnuna tant meħtieġa waslet għand l-armla seba' xhur wara li ġie midfun żewġha? Jaf il-Ministru li l-armla kompliet fetħet il-ferita meta ċ-ċekk mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali wasal għandha ndirizzat fuq żewġha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Onor. Interpellant hija ġentilment mitluba tgħaddi b'mod konfidenzjali d-dettalji tal-każ imsemmi sabiex jiġu vverifikati ċ-ċirkostanzi kollha li wasslu għad-dewmien allegat. 27.4.99

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'hemm maħsub min-naħa tal-gvern rigward akkomodazzjoni soċjali f'Għawdex għal familji b'ġenitur wieħed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F'kull ħarġa għall-allokazzjoni ta' postijiet ġodda, l-Awtorita' tad-Djar tirriserva ammont minnhom għall-familji b'ġenitur wieħed. Barra minn hekk tirriserva wkoll postijiet oħra għall-familji b'ġenitur wieħed li hu jew xi membru mill-familja tiegħu jkun ibati minn xi diżabilita'. 27.4.99

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li dawk l-extras li ġew imsejħa biex jieħdu sehem fil-ġbid tal-film "gladiators" u li qed jirreġistraw għax-xogħol, jistgħux jinqatgħu mir-reġistru tax-xogħol minkejja li dan ikun xogħol ta'ftit ġimgħat/ġranet biss? Jaħseb il-Ministru li huwa ġust li f'tali każijiet jintilef il-perijodu ta' kemm kien ilu jirreġistra tali individwu? Għalkemm forsi huwa aċċettabbli li jieqaf il-ħlas tal-benefiċċju għal tali perijodu lill-persuna involuta, jista' jitqies illi l-perijodu preċedenti ta' reġistrar ikun biss sospiż u mhux mitluf għal kollox?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kull min għal xi raġuni jew oħra jieqaf jirreġistra, jinqata minn fuq ir-Reġistru. Meta dan ikun lest li jerġa jibda jirreġistra, skond ir-raġuni li għaliha jkun qatgħa mir-reġistrar jistaż jingħata lura il-priorita'. Fil-każ ta' dawk l-"extras" imsejha biex jieħdu sehem fil-ġbid tal-film 'Gladiators' u li qed jirreġistraw għax-xogħol, l-istess proċedura trid tintuża. Dan ifisser li meta xi ħadd minnhom jibda jieħu sehem fil-'filming', dan irid jieqaf jirreġistra. Malli jispiċċa mil-'filming u jrid jibda jirreġistra, kemm jitla Hal Far u jkun jista' jerġa' jibda. Persuna ma titlifx il-prijorita'jekk il-perjodu tax-xogħol ikun anqas minn tlettax il-ġimgħa. 27.4.99

ETC — Korsijiet

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5458 dwar korsijiet biex jgħinu lin-negozjanti ż-żgħar fit-tmexxija tan-negozji tagħhom, jwieġeb il-partijiet tal-mistoqsija li ma weġibx partikolarment b'riferenza għas-6 korsijiet li elenka fit-tweġiba tiegħu ċioe': 1) kemm qed jattendu għal kull kors; u 2) meta ġie ntrodott kull kors imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-sitt korsijiet differenti li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ torganiżża fil-qasam tat-tmexxija ta' negozji żgħar u li għalihom saret referenza fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru. 5458 ġew introdotti f'daqqa fl-1996. Bħalissa m'hemm l-ebda wieħed minn dawn il-korsijiet għaddejjin. 27.4.99

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni nisa u rġiel li qed jirreġistraw għax-xogħol u għandhom aktar minn 45 sena? X'inhija l-policy tal-gvern sabiex dawn il-persuni jsibu x-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fl-aħħar ta' Jannar 1999 in-numru ta' persuni, nisa u rġiel il-fuq minn 45 sena li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol hu ta' 1,814. Bħal kull persuna oħra, dawk ir-reġistranti li għandhom il-fuq minn 45 sena, jiġu sottomessi għall-intervisti meta jkun hemm vakanzi ta' xogħol li huma jkunu qed jireġistraw għalih. Aktar minn hekk iżda, dawn il-persuni jkunu jistgħu jibbenefikaw minn skema ta' xogħol u taħriġ 'l-Employment Training Placement Scheme'. Din l-iskema taħseb biex fejn jinstabilhom xogħol u jkun meħtieġ xi taħriġ, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tkun tista toħroġ sussidju fuq il-paga għal matul dak it-taħriġ. 27.4.99

Ministeru għall-Politika Soċjali — Hospitality vote

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa globali mill-hospitality vote mis-safar tal-ministeru u tas-segretarjat parlamentari nkluż tad-dipartimenti li jaqgħu taħt il-ministeru għall-perijodu mill-5 ta' Settembru, 1998 sa Frar, 1999?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 5762 li titratta l-istess suġġett. 27.4.99

Kontribuzzjnijiet soċjali — Ħlas ta' bolol

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna tirreġistra għax-xogħol, hijiex obbligata li tħallas bolol tas-sigurta' soċjali fil-perjodu li tkun bla xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Persuna li tirreġistra għax-xogħol normalment għandha dritt għal kontribuzzjoni akkreditata u għalhekk ma hemmx obbligu għal ħlas ta' bolla. Biex tikkwalifika għal din il-kontribuzzjoni akkreditata persuna trid tissodisfa dawn iż-żewġ kondizzjonijiet:- a) ikollha ħamsin kontribuzzjoni mħallsa minn mindu bdiet taħdem l-ewwel darba; u b) (i) ikollha għoxrin kontribuzzjoni mħallsa jew akkreditati fis-sentejn li jiġu immedjatament qabel id-data meta jibda jirreġistra; jew (ii) ikollha għoxrin kontribuzzjoni imħallsa fl-aħħar 26 ġimgħa ta' qabel bdiet tirreġistra. 27.4.99

Sigurta' Soċjali — Kartuna roża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bħalissa persuni fuq il-kartuna roża awtorizzata mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-karta r-roża għall-mediċini b'xejn tingħata wara li ssir dikjarazzjoni finanzjarja. Jekk persuna tissodisfa t-test tal-mezzi tingħata l-karta roża li tkun valida għal sitt xhur, u f'każ ta' pensjonanti u familji fuq l-Għajnuna Soċjali tkun valida għal sena. Għaldaqstant ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika li turi kemm hu n-numru ta' dikjarazzjonijiet validi f'xi żmien partikolari. B'danakollu tinżamm statistika dwar in-numru ta' talbiet li jkunu saru ġodda kull sena. Matul is-sena 1998 saru 5,018 talba għall-karta roża li minnhom 4,822 ġew aċċettati filwaqt li 196 ġew miċħuda. 26.4.99

Saħħa — Servizzi ta' inkontinenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqdew persuni ġodda mis-servizz ta' inkontinenza mil-5 ta' Settembru sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Persuni ġodda li qed jagħmlu użu mis-servizz ta' l-inkontinenza, f'Malta u Għawdex, mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-25 ta' Jannar, 1999 jammontaw għal 204. 26.4.99

Anzjani — Sigurta' fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Ministru jieħu azzjoni biex fit-toroq jkun hawn aktar sigurta' f'dak li għandhom x'jaqsmu l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Ministeru tal-Politika Soċjali permezz tad-Dipartiment għall-Anzjani qiegħed f'konsultazzjoni ma diversi dipartimenti u organizzazzjonijiet oħra biex ikun hemm aktar sigurta' fit-toroq speċjalment fejn għandhom x'jaqsmu l-anzjani. 26.4.99

Sigurta' Soċjali — Adozzjoni ta' tfal

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' l-applikanti li qed jistennew biex jadottaw it-tfal? Hemm minnhom jixtiequ tfal Maltin? Hemm minnhom jixtiequ tfal barranin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fid-Dipartiment Ħarsien tal-Familja hemm 107 applikazzjoni għal adozzjoni. Fil-maġġoranza tal-każi l-adozzjoni ssir minn pajjiż barrani peress li in-numru ta' adozzjonijiet lokali li jinġiebu a konjizzjoni tad-Dipartiment huwa żgħir ħafna. 26.4.99

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jara li l-każ fid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali dwar akkomodazzjoni alternattiva, tiġi kemm jista' jkun mogħtija l-attenzjoni mmedjata u dan peress li l-imsemmija applikanta qegħda tgħix f'post verament substandard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali. 26.4.99

Djar — Requisition order

Question

Jista' l-Ministru jara li l-fond, li t-tagħrif dwaru qed nibgħathom separatament, li huwa kolpit b'Requisition Order Numru 44876 jiġi derequisitioned u dan peress li sidha qed ibati ħafna konsegwenzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi dak li qed jitlob l-Onor. Interpellant ma jistax isir peress li l-post huwa okkupat. 26.4.99