Legislature:
Category:
Reset
Active:

Imwiet Traġiċi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm mietu nies traġikament is-sena l-oħra? X'kienet il-kawża tal-mewt u x'eta' u x'sess kellhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li tilfu ħajjithom traġikament matul is-sena 2006 kien kif ġej: Kawża tal-mewt Irġiel Nisa Total Inċidenti tat-traffiku 11 0 11 Suwiċidju 20 4 24 Overdose 4 2* 6 Oħrajn 20 8 28 *Il-kawża tal-mewt f'każ minnhom għad trid tkun konfermata. L-eta' tal-vittmi kienet bejn is-sentejn u t-tlieta u tmenin sena.

Pulizija — Rapporti dwar serq ta' vetturi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm insterqu vetturi jew serqiet minn vetturi s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari bin-numri 17124, 18971, 18973, 18975, 19492, 20089, 20644, 20646, 22412, 22415, 23463 u 23465.

Karozzi uffiċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għal manutenzjoni/repairs tal-karozza uffiċjali tiegħu u tas-second car tiegħu matul is-sena 2006?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ispiża għal manutenzjoni/repairs tal-karozza uffiċjali tiegħi u tas-second car tiegħi matul is-sena 2006 kienu ta' Lm1,451.54 u Lm258.06 rispettivament.

Mosta — Biċċa art fi Triq Dawriet il-Wied

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex quddiem it-Triq Dawriet il-Wied, il-Mosta biċċa art żdingata tħalliet hekk għal diversi snin u għadha hekk sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-art in kwistjoni fil-fatt hija tal-Gvern u sa issa għadu ma ġiex deċiż x'għandu jsir minnha għaliex ma saret l-ebda talba lit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern dwar din l-istess art li fuqha jidher li hemm xi fdalijiet storiċi.

Belt Valletta — Likwidu tossiku

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid jekk ġiex stabbilit x'kien il-materjal li ntefa' fl-isprall il-Belt waqt iċ-ċerimonja ta' l-ordinazzjoni ta' l-Arċisqof il-ġdid? Billi ntqal li dan il-likwidu li ntefa' fl-isprall kien tossiku u seta kkawża splużjoni , saru testijiet biex jiġi stabbilit x'kien dan il-materjal? Intbagħat sample f'laboratorju u jekk iva, x'kien l-eżitu? Qed isiru investigazzjonijiet mill-pulizija u jekk iva, minn min qed jitmexxew?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi nhar il-Ġimgħa 26 ta' Jannar 2007 għal xi s-7.00pm, waqt li kienet għaddejja l-Ordinazzjoni Episkopali, il-Pulizija u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kienu ġew infurmati mic-chief security officer tal-KonKattidral ta' San Ġwann, li minn sprall li hemm fil-ġenb ta' Pjazza l-Assedju l-Kbir mal-ġenb tal-KonKattidral, kienet tiela' rieħa, x'aktarx ta' petrol. Immedjatament li sar magħruf dan, il-Pulizija, ħadet il-prekawzjonijiet meħtieġa sabiex il-pubbliku ma jersaqx lejn dak l-isprall, filwaqt li membri tal-Protezzjoni Ċivili, analizzaw l-arja li kienet tiela' mill-isprall permezz ta' strumenti apposta, fejn dan indika li l-arja kienet tossika. Hekk kif spiċċat iċ-ċerimonja, il-KonKattidral ġie spezzjonat bir-reqqa minn membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Pulizija, fejn ma rriżultax li kien hemm xi periklu. Nell'frattemp, bl-assistenza ta' l-executive director tal-Kumitat ta' Rijabilitazzjoni tal-Belt, infetaħ ukoll il-bokkaport, li jagħti għall-ġibjun taħt l-istess pjazza. Billi r-riħa kienet qawwija ħafna u setgħet tkun ta' periklu, ġie deċiż li l-ġibjun ikun spezzjonat l-għada, filwaqt li tħalliet għassa mill-Pulizija u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. L-għada filgħodu, wara li l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili niżlu fil-ġibjun, dawn infurmat lill-Pulizija li l-arja kienet ikklerjat u ma kienx hemm aktar periklu. Ma nstab xejn li jindika minn fejn kienet ġejja dik ir-rieħa tal-lejl ta' qabel. L-investigazzjonijiet li saru s'issa biex jiġi stabbilit minn fejn kienet ġejja din ir-riħa, irriżultaw fin-negattiv. Skond it-testijiet li saru fuq il-post permezz ta' strumenti li għandu d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, irriżulta li l-'vapours' li kienu ħerġin mill-isprall in kwistjoni kienu kkawżati minn prodotti magħrufa bħala VOCs (volatile organic compounds) bħal petrol, thinner etc. Billi ma nstab l-ebda likwidu li seta' kkawża dan il-'vapour', ma setax jiġi elavat kampjun sabiex jiġi analizzat f'xi laboratorju.

Xogħol ta' sprayer

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-garaxx li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jistax jagħmel xogħol ta' sprayer fil-pubbliku kif kien qed jagħmel illum 29 ta' Jannar, 2007 f'ħinijiet differenti tad-9.15 a.m. u t-3.30 p.m.? X'passi ttieħdu kontra din l-illegalita'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fuq il-garaxx imsemmi mill-Onorevoli Interpellant hemm liċenzja ta' welding, mekkanik u żebgħa bl-ispray. Għalhekk ix-xogħol irid isir ġewwa. Ninsab infurmat ukoll illi l-Pulizija indagat dwar l-allegat xogħol ta' spray li kien qed isir fil-pubbliku nhar id-29 ta' Jannar 2007, pero' is-sid kategorikament ċaħad li huwa għamel hekk, la dakinhar u lanqas qatt qabel. Għaldaqstant fin-nuqqas ta' provi għall-kuntrarju, il-Pulizija ma tistax tipproċedi aktar.

Pulizija Għawdxin

Question

Peress li qed isiru lamenteli minn membri tal-korp tal-pulizija Għawdxin li jsuqu lill-priġunieri mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin għal Għawdex u lura, għaliex l-ispejjeż tat-traġitt tagħhom u tal-vann qed joħorġuhom il-pulizija minn buthom u mhux qed jiġu rifużi lilhom? Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi filwaqt li kien hemm xi dewmien biex isir il-ħlas għall-ispejjeż li saru matul Diċembru, dan il-ħlas dovut issa sar kollu u ma fadalx pendenzi.

Pulizija Għawdxin — Ħlasijiet pendenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-ħlasijiet dovuti lill-pulizija Għawdxin tal-ħdud li għad hemm pendenti jitħallsu, peress li dawn ilhom dovuti diversi xhur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħlas tal-Ħdud lill-Pulizija normalment isir mat-tieni paga li taħbat wara x-xahar li fih ikunu nħaddmu l-Ħdud. Dan huwa meħtieġ sabiex issir il-proċedura ta' kif isir il-ħlas. Fil-każ tad-Distrett t'Għawdex ninsab infurmat illi l-ħlas dovut għall-Ħdud maħduma sa Settembru kien sar, pero' r-returns għax-xahar ta' Ottubru ma waslux fil-ħin sabiex jidħlu fil-paga ta' Diċembru u għalhekk ġew inklużi fil-paga ta' Jannar 2007, flimkien mal-Ħdud maħduma matul Novembru, biex b'hekk ma fadal l-ebda ħlasijiet b'lura aktar minn dak li hu normali.

Qorti ta' Għawdex — Proċessi ta' l-appelli

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk huwiex possibbli li l-proċessi ta' l-appelli deċiżi ta' kawżi Għawdxin jiġu rimessi fl-arkivju tal-Qorti f'Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-proċessi ta' l-appelli deċiżi ta' kawżi Għawdxin għandhom ikunu għand ir-Reġistratur tal-Qrati Maltin li għandhom ir-responsabbilita' taż-żamma ta' kull proċess ta' kawżi deċiżi fil-qrati ta' Malta. b'danakollu is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Membru qiegħed jiġi kkunsidrat sabiex possibilment ikun hemm kopja tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-konsulenti legali f'Għawdex fejn dawn jintalbu.

Qrati — Kawżi ta' separazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il kawża ta' separazzjoni kienet introdotta fl-aħħar sena fil-Qorti f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid ukoll xi żviluppi kien hemm fil-Qorti tal-Familja matul l-2005 u l-2006 u x'riżultati nkisbu partikolarment b'riżultat tal-medjazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi f'Malta fis-sena li għaddiet kien hemm 998 każijiet ta' separazzjoni li marru għall-medjazzjoni li minnhom 329 ġew b'abbozz ta' kuntratt li ġie approvat u 120 li pproċedew f'kawża quddiem il-Prim'Awla. Għar-rigward ta' Għawdex, kien hemm 47 każ ta' separazzjoni li marru għall-medjazzjoni li minnhom 13 ġew b'abbozz ta' kuntratt li ġie approvat u 9 każijiet li proċedew f'kawża. Minn dawn il-figuri jidher li hemm tnaqqis kull sena tal-każijiet, kif ukoll li l-proċess tal-medjazzjoni qiegħed jitħaddem sewwa.

Tipjip f'postijiet pubbliċi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta daħlu fis-seħħ ir-regolamenti dwar it-tipjip f'postijiet miftuħin għall-pubbliku u kemm, minn dakinhar 'il hawn, inqabdu nies ipejpu f'postijiet pubbliċi, kemm minnhom tressqu l-qorti, kemm-il każ ġie deċiż s'issa u x'kien l-ammont totali ta' multi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn meta ġew fis-seħħ ir-Regolamenti ta' l-2004 dwar it-Tipjip f'Postijiet Miftuħin għall-Pubbliku sa l-aħħar tas-sena 2006, il-Pulizija sabet u ħadet passi quddiem il-Qorti kontra 1,020 persuna.

Leġislazzjoni dwar il-ħasil tal-flus

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta daħlet fis-seħħ il-leġislazzjoni dwar il-ħasil tal-flus u kemm, minn dakinhar 'il hawn, tressqu persuni l-qorti? Kemm-il każ ġie deċiż s'issa u x'kien l-ammont totali ta' multi? X'kien l-ammont ta' flus li dwaru ħarġu l-akkużi?

Response (BORG, TONIO)

Id-dispożizzjonijiet kollha ta' l-Att ta' l-1994 dwar Money Laundering (Att Nru. XIX ta' l-1994) bdew iseħħu fit-23 ta' Settembru, 1994 (Avviż Legali Nru. 120 ta' l-1994). Infurmat illi sa l-aħħar tas-sena l-oħra kien hemm għoxrin persuna li tressqu l-Qorti mill-Pulizija b'akkużi relatati ma' money laundering li tinvolvi s-somma ta' ftit aktar Lm2,400,000 liema każi għadhom pendenti quddiem il-Qorti.

Santa Venera — Scouts group

Question

Billi l-grupp ta' l-Iscouts ta' Santa Venera baqagħlu biss ħames snin biex jagħlaqlu l-kuntratt mad-dipartiment ta' l-artijiet, jista' jiġġedded għall-perjodu ħafna itwal minn 16-il sena?

Response (BORG, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-talba tal-grupp ta' l-Iscouts ta' Santa Venera qiegħda tiġi kkunsidrata.

Emigranta l-Awstralja b'ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk bint koppja Maltija li huma emigranti l-Awstralja u li allura għandha ċ-ċittadinanza Maltija tistax tiġi sena Malta u taħdem hawn Malta biex eventwalment tiddeċiedi jekk tridx tibqa' hawn Malta għal kollox?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi persuna li għandha ċ-Ċittadinanza Maltija u li tirrisjedi barra minn Malta tista' tiġi tgħix u taħdem f'Malta.

Telephone recordings

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fuq liema kriterju qegħdin jiġu ttapjati (rekordjati) telefonati ta' nies u dan speċjalment meta jkunu qegħdin jiddiskutu l-politika avversarja tal-gvern? Jaf li fil-fatt dawn qegħdin iseħħu u jarax li jekk huwa l-każ dan huwa ksur lampanti tad-demokrazija f'pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Interċetazzjoni ta' telefonati jsiru kif stabbilit fl-Att dwar is-Servizz tas-Sigurta', wara li jinħareġ mandat mill-Ministru tal-Ġustizzja u ta' l-Intern jew mill-Prim Ministru. Interċetazzjoni ta' telefonati ma jsirux għall-iskopijiet li semma l-Onor. Interpellant iżda għal dawk elenkati fl-Att dwar is-Servizz ta' Sigurta'. Kull min għandu xi ilment dwar l-operat tas-Servizz jista' japplika quddiem il-Kummissarju mwaqqaf bil-liġi.

Finance Section

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23386, jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk il-Finance Section hux se jiġi trasferit ukoll il-Belt għax dan se joħloq inkonvenjent lill-membri tal-pubbliku li ta' spiss imorru biex iħallsu ċnus, eċċ. f'dan id-dipartiment? Jikkonsidra li l-Finance Section jibqa' Sa Maison fejn hu aktar konvenjenti għall-pubbliku anke għax hu post ħafna aktar faċli biex tipparkja?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' għidt fir-risposta tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23385, ma hemm l-ebda Finance Section fl-Uffiċċju Konġunt. Rigward is-Sezzjoni tal-Ġbir tal-Kera, din ser tiċċaqlaq għall-uffiċċji ġodda fil-Belt Valletta mal-kumplament ta' l-Uffiċċju Konġunt. Mhux possibli li din is-sezzjoni tibqa' waħedha f'Sa Maison minħabba raġunijiet ta' loġistika kif ukoll, għax hemm deċiżjoni tal-Kabinett li din is-sezzjoni tiġi amalgamata fis-Sezzjoni tal-Ġbir tal-Kera li diġa' teżisti fi ħdan id-Dipartiment ta' l-Artijiet. F'din is-sezzjoni diġa' jsiru 'il fuq minn 30,000 pagament ta' kirjiet u ċnus bil-mezzi moderni li daħlet fis-seħħ it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern.

Finance Section

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23385, jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu n-nies il-Finance Section?

Response (BORG, TONIO)

Kif għidt fir-risposta tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23385, il-Finanzi ta' l-Uffiċċju Konġunt jitmexxa mis-Sezzjoni Amministrazzjoni u Finanzi tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern li qiegħda fil-Berġa tal-Baviera, il-Belt.

Qrati — Droga

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti konnessi ma' reati fuq droga s-sena l-oħra? X'kien ir-reat u x'weħlu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, l-Skwadra ta' kontra d-Droga tal-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 429 persuna fuq akkużi relatati ma' pussess ta' droga u 116 persuna oħra fuq akkużi relatati ma' traffikar ta' droga. Minn dawn 115 kellhom il-każ deċiż mill-Qorti, fejn wara li nstabu ħatja ġew mogħtija sentenzi li kienu jinkludu priġunerija, sentenzi ta' ħabs sospiżi, multa u kondizzjonijiet taħt Kapitolu 446.

Priġunieri — Remission

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm priġunieri li tilfu r-remission fuq is-sentenza ta' ħabs mogħtija lilhom is-sena l-oħra u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2006 kien hemm 104 priġunieri li tilfu xi remission. Ir-remission tintilef minħabba ksur tar-regolamenti tal-ħabs.